Legislature:
Category:
Reset
Active:

Private staff fil-Ministeru

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' private staff li hemm miegħu? Kemm minnhom huma uffiċjali pubbliċi u kemm minnhom huma b'xi forma ta' kuntratt? X'inhu s-salarju, allowance u benfiċċji oħra (fringe benefits) li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid kemm minnhom huma mid-distrett elettorali tiegħu u jagħti lista ta' l-ismijiet , indirizzi u identity cards tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

In-numru ta' private staff u l-kundizzjonijiet huma skond il-kuntratt 'Engagement of Staff for Minister's Secretariats', li kopja tiegħu kienet tpoġġiet fuq il-Mejda ta' din il-Kamra. Ma naħsibx li jkun xieraq li nxandar l-ismijiet u l-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ħal Farrug — Zona Industrijali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu plots mill-gvern, jew minn xi enti tiegħu fiz-zona industrijali ta' Ħal Farruġ mill-1995 'il hawn? Jista' jgħid kemm minn dawn il-plots għadhom ma nbnewx u għaldaqstant liema plots mhumiex qegħdin jintużaw għal skop li dawn ġew mgħoddija lis-sidien preżenti? Hemm xi limitu ta' żmien sakemm wieħed jista' idum qabel ma jibda juża l-plot għar-raġuni li ġie mgħoddi lilu? Hemm xi limitu ta' żmien kemm plot simili jista' idum wieqaf milli jintuża? Kemm ilu mgħoddi lis-sid preżenti kull plot li għadu mhux jintuża?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li skond ir-records li għandha l-MIPL, mill-1995 'il hawn tqassmu 126 plot, li minnhom nbnew 99. Normalment, l-enfitewta jingħata żmien ta' sena u nofs minn meta joħorgu l-permessi kollha meħtieġa biex jtella bini solidu. Hemm każijiet li l-enfitewta damu aktar miż-żmien stipulat fuq il-kuntratt, imma r-raġunijiet ivarjaw minn każ għall-ieħor. Jista jkun minħabba il-permessi damu ma joħorġu, jew jinqalaw xi problemi waqt li jkun beda' ix-xogħol fuq il-bini. Hemm plots li għadhom mhux jintużaw għax ma sarx żvilupp fuqhom filwaqt li oħrajn minkejja li għadhom ma ġewx żviluppati, qed jintużaw bl-istrutturi li hemm fuqhom (ex-nissan huts jew bini ieħor antik ta' żmien l-Ingliżi). Oħrajn mhux qed jintuża ghax qed jiddependu fuq ċaqliq ta' inkwilini oħrajn biex jokkupaw il-plot li tkun ingħatat lilhom. L-informazzjoni dwar il-plots li "mhumiex qegħdin jintużaw għall-iskop li kienu mgħoddija lis-sidien preżenti" qed tinġabar minn għand il-Malta Enterprise li għandha l-inkarigu li ticcekja dwar l-użu u l-attivita li suppost issir skond it-termini tal-kuntratt.

MIA — Impjegata

Question

Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tpoġġiet f'kariga ta' acting officer fil-Malta international airport? Jista' jgħid kemm ilha f'din il-kariga ta' acting officer u jekk iħossx li din tista' tkun aġevolata meta tkun se tingħażel il-persuna li ser tingħata l-kariga uffiċjali ta' officer minflok l-uffiċjal preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob l-Onor Interpellant biex jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 12068.

Servizz bejn Għawdex u Kemmuna

Question

B'riferenza għat-trasport li kien isir bejn Għawdex u Kemmuna bil-lanċa għall-qassis u l-pulizija skond ftehim milħuq bejn il-Gozo Channel u l-operatur, jista' il-Ministru jgħid jekk dan is-servizz hux ser ikompli jingħata?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li s-servizz bil-lanċa bejn Kemmuna u Għawdex għall-pulizija u l-qassis tkompla mill-24 ta' Diċembru 2005.

Birżebbuga — Triq Zaren Dalli

Question

Jista' il-Ministru jindaga u joħroġ dawk l-ordnijiet u direttivi neċessarji u opportuni sabiex jiġi żgurat illi d-drenaġġ ma jibqax jispara fil-btieħi tar-residenti ta' Triq Zaren Dalli, Birżebbuga kull meta tagħmel ix-xita u li l-pompi stallati jkunu fi stat tajjeb ta' użu u mhux inoperabbli bħalma huma fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-pompi msemmija huma fi stat tajjeb ta' użu u li ser jiġi nstallat rising main ġdid biex jinqata' l-izbroff li dwaru lmenta l-Onor Interpellant.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-enti pubbliċi, awtoritajiet u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn l-enti eċċ, jagħmlu outsourcing ta' xogħol legali (legal advice and litigation) tagħhom? Fil-każ li jsir outsourcing ta' xogħol legali, min huma l-avukati mqabbda? Kemm jitħallsu kull sena jew perjodikament dawn l-avukati?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Swieqi — Arblu tad-dawl

Question

Tista' il-korporazzjoni Enemalta tieħu passi biex l-arblu tad-dawl li kien twaħħal temporanjament quddiem Villa Massabielle, Triq id-Dris, Swieqi jitwaħħal f'post aktar xieraq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ ġie investigat u saret proposta kif tista' tissolva l-problema mingħajr ma jitneħħa l-arblu msemmi.

Servizz tal-Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jagħtina informazzjoni dwar kemm passiġġieri weħidhom u passiġġieri bil-vettura qasmu bejn Malta u Għawdex bis-servizz tal-Gozo Channel xahar xahar u sena sena mill-1992 sa l-aħħar ta' Settembru 2005, maqsumin safejn hu possibbli f'passiġġieri residenti Għawdex, residenti Malta u residenti barra minn Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-passiġġieri li qasmu bejn Malta u Għawdex huma skond l-iskeda annessa. Ta' min igħid illi l-istatistika li għandha l-Kumpanija tmur lura sal-1995, u mhux possibli li mmorru aktar lura kif mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari. Ukoll, ma nistgħux naqsmu l-passiġġieri f'Maltin, Għawdxin jew turisti, għax, bis-sistema ta' One Way Ticketing,minn naħa minnhom, m'għandna l-ebda informazzjoni fuq il-passiġġieri li jaqsmu, għax kulma kienu u għadhom jingħataw hija Boarding Pass. Għaldaqstant qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba (bejn 1995 sa l-2005).

Business Promotion Act

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15936, jista' il-Ministru jgħidli jekk il-leġislazzjoni li qed ifassal teħux ħsieb li tinkludi inċentivi li jkopru l-ispejjeż tat-trasport ta' merkanzija bejn Għawdex u Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-leġiżlazzjoni li qed tiġi mfassla, l-inċentivi li jkopru l-ispejjeż tat-trasport ta' merkanzija bejn Għawdex u Malta ser jkun nklużi fil-pakketti futuri ta' nċentivi taħt forma li tibqa' kompatibbli mar-regoli ta' l-State Aid ta' l-EU.

Malta Enterprise

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-investiment ġdid u l-espansjonijiet li ġew approvati mill-Malta Enterprise is-sena li għaddiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li fis-sena 2005, il-Malta Enterprise approvat 33 proġett ġdid li mistennija jinvestu Lm10,987,270 sat-tielet sena ta' l-operat tagħhom. Malta Enterprise approvat ukoll 36 proġett ta' espansjoni li mistennija jinvestu Lm17,796,167 sat-tielet sena li l-proġett jiġi fis-seħħ.

Birkirkara — Rizzo Service Station

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16579 u 16734 u jara jistax jiġi re-routed il-passaġġ ta' l-ilma tax-xita minn fuq il-bejt għal ġewwa ta' Rizzo service station, f'Birkirkara?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ta' l-Iżvilupp Urban u Toroq.

Sea Malta — Privatizzazzjoni

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16466, jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-privatisation unit f'pariri/konsulenzi fuq il-privatizzazzjoni tas-Sea Malta waħedha? Jista' jgħid meta tħallsu dawn il-flus lil kumpanniji/ditti konċernati?

Response (GATT, AUSTIN)

Kif diġa semmejt fir-risposta għall-PQ 17145 għall din il-privatizzazzjoni ġiet imqabbda kumpanija waħda għall konsulenza. Minħabba obbligi ta kunfidenzjalita kummerċjali ma nistax niżvela l'ammont mħallas. Il-ħlas kien isir perjodikament waqt li l-proċess kien għaddej.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Uffiċjal

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16509, jista' il-Ministru jikkonferma li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hija l-uffiċjal fil-ministeru tiegħu responsabbli minn dak kollu li jidher fuq il-website tal-ministeru? Jista' jgħid jekk dan l-uffiċjal hux parti mill-private staff tal-ministru jew le, jew inkella hux fir-responsabbilta' tas-segretarju permanenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix responsabbli għal dak kollu li jidher fuq il-website tal-Ministeru. Din il-persuna mhux parti mill-istaff privat tiegħi u taqa' taħt ir-responsabbilta tas-Segretarju Permanenti.

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jara li jiġi rranġat wire tal-Maltacom minn quddiem dar li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li s-sidien ta' din id-dar ilhom żmien jiktbu biex dan l-inkonvenjent jiġi rranġat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1130.

Air Malta — Sejħa għall-Offerti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'interessi kummerċjali għandha l-Air Malta (jew li kienu ta' l-Air Malta) u li għalihom issa ħarġet sejħa għall-offerti? Fiex wasal dan il-proċess?

Response (GATT, AUSTIN)

L-interessi kummerċjali li għandha l-Air Malta u li għalihom saret sejħa għall-offerti u qegħdin fil-proċess ta' għażla huwa kif ġej: Tigne' Development Co. Ltd. - avviż numru 25 fil-Gażżetta tal-Gvern tat-3 ta' Frar. Tindif tal-kabina tal-ajruplani - l-offerti qegħdin jiġu evalwati. L-offerta mistennija tingħata sa l-aħħar ta' Frar. Servizzi tal-ICT - qed isiru negozjati fuq l-aħjar offerta. Mistenni l-iffirmar sa l-aħħar ta' Frar. Flight Communications Marketing System - negozjati saru fuq l-aħjar żewġ offerti. Mistennija għażla sa l-aħħar ta' Frar.

Santa Venera — Triq il-Brunżar

Question

Jista' il-Ministru jindaga għalfejn ir-residenti ta' Triq il-Brunżar, Santa Venera qed jidħlilhom id-drenaġġ fid-dar meta tagħmel ix-xita u jara x'inhi s-soluzzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma diġa għamlet intervent fil-mejn tad-drenaġġ fi Triq il-Brunżar. Madankollu jidher li reġgħet feġġet problema oħra wara x-xita qawwija ta' dan l-aħħar. Il-Korporazzjoni qed tagħmel investigazzjonijiet fis-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi msemmija biex tkun tista' tittieħed l-aħjar deċiżjoni biex jinstab tarf għall-din il-problema.