Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4992 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kaċċa/insib — Regolamenti

Question

Fid-dawl tal-wegħda li kien għamel il-Partit Nazzjonalista lill-kaċċaturi qabel l-elezzjoni li għaddiet li se jħalli r-regolamenti dwar il-kaċċa u l-insib kif ġew modifikati b'għaqal minn Gvern Laburista u m'hu se jsir xejn illi jagħmel is-sitwazzjoni ta' dawn it-talin agħar; u fid-dawl ta' l-avis aġġornat li għadu kif ġie ppubblikat li jitlob "sine qua non" li dawn ir-regolamenti jridu jinbidlu mill-Gvern preżenti jekk irid jipproċedi għal sħubija sħiħa ma' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-gvern tiegħu beħsiebu jipproċedi 'il quddiem mingħajr ma jmur lura mill-wegħda lill-kaċċaturi/nassaba jew it-triq ta' sħubija sħiħa fl-UE?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib f'Malta għad trid tiġi diskussa u negozjata ma l-Unjoni Ewropea fil-kontest ta' dak li hemm fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista. F'dan ir-rigward, il-Gvern ser jinvolvi, kif wiegħed, lir-rappreżentanti tal-kaċċaturi u nassaba fil- proċess tas-sħubija, sabiex b'hekk l-interessi tagħhom jiġu salvagwardjati bl-aħjar mod possibli waqt in-negozjati għas- sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li għad iridu jibdew.
Leg 9 PQ #4999 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Armi tan-nar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha l-Forzi Armati ta' Malta: a) armi tan-nar (x'tip u ditta huma); 2) artillerija (u x'tip); u 3) vetturi (u x'tip u sena ta' manifattura)?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jidhirlix li l-informazzjoni mitluba għandha tingħata. Jekk l-Onor membru irid xi informazzjoni ta' interess partikulari għalih nitolbu jitlob l-informazzjoni kunfidenzjalment.
Leg 9 PQ #5075 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kaċċaturi/nassaba

Question

Fid-dawl tar-rapport li ħarġet l-UE dwar Malta, jista' l-Prim Ministru jserraħ ras il-kaċċaturi u nassaba Maltin billi jwiegħed lil dawn l-eluf ta' dilettanti li l-gvern se jżomm kelmtu magħhom u mhux se jbiddel ir-regolamenti tal-kaċċa u nsib u se jħallihom kif inhuma bħalma wiegħed qabel l-elezzjoni minkejja kull pressjoni li qed issir jew tista' ssir mill-istess Unjoni Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt illum għad-domanda Nru 4992 magħmula minn Nutar Joe Cilia.
Leg 9 PQ #3573 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Computer scanners

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu computer scanners kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment, b'dipartiment? Jista'l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #4387 Sitting 68 1999-02-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ftehim

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3886, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet tiswa lill-gvern kieku fil-ftehim tas-Servizz Ċivili ffirmat fl-1998 daħħal ukoll lill-pensjonanti tas-Servizz li rtiraw qabel l-1996?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onor Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill- Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #4602 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

B'riferenza għat-tħaffir tal-Bir Madonna taż-Żejt ġewwa Għawdex, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux se jinvolvih spejjeż? Jekk fl-affermattiv, xi kemm jammontaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ispejjeż kollha konnessi mat-tħaffir tal-bir f'Għawdex huma mħallsa mill-Gvern Malti, iżda Lm4.8 miljun taħt ir-Raba Protokol bejn Malta u l-Italja qed jiġu utilizzati għal dan l-iskop. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, nerġa ntenni dak li rrispondejt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1449, li peress li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, mhux prudenti li tingħata.
Leg 9 PQ #4603 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk barra l-kuntratti li saru mill-Gvern Laburista preċedenti fejn jidħol id-Diviżjoni taż-Żejt, Esplorazzjoni taż-Żejt, sarux xi kuntratti ġodda mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, ma' min saru u meta saru? Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji jekk hux għat-tħaffir jew riċerka?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum ma sarux kuntratti ġodda fil-qasam tat-tiftix għaż-żejt.
Leg 9 PQ #4709 Sitting 67 1999-02-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm suldati fil-Forzi Armati li fil-passat kienu jagħmlu parti mill-kap tal-pijunieri u f'liema gradi jinsabu? Jista' jgħid ukoll jekk iż-żmien li dawn is-suldati għamlu mal-Korp tal-pijunieri jgħoddx maż-żmien li ilhom fil-Forzi Armati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-għadd u l-grad ta' dawk is-suldati tal- Forzi Armati li fl-imgħoddi kienu jagħmlu parti mill-Korp tal-Pijunieri hu kif muri hawn taħt: Kurunell 2 Tenent Kurunell 1 Maġġur 1 Logutenent 2 Warrant Officer 1 1 Warrant Officer 2 5 Staff Sergeant 6 Surġent 15 Bumbardier 15 Lance Bombardier 14 Gunner 1 TOTAL 63 Fir-rigward ta' pensjonijiet, iż-żmien li dawn is-suldati għamlu fil-Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx maż-żmien li ilhom iservu fil-Forzi Armati.
Leg 9 PQ #4298 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

VAT

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-mira tal-gvern li jmexxi hu, hijiex li bil-VAT jorħsu 40,000 prodott? Jekk it-tweġiba hija fil-pożittiv, jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-prodotti li kellhom jorħsu u b'kemm kellhom jorħsu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dan il-Gvern b'responsabbilta kbira u b'konsultazzjoni ma kull min kien interessat, ħadem sabiex pajjiżna jkollu sistema ta' tassazzjoni ndiretta li tkun kemm effiċjenti kif ukoll ġusta. Kif joħroġ mir-rapport li poġġa fuq il- mejda tal-Kamra l-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, mhux mistenni li jkun hemm xi impatt partikulari fuq il- prezzijiet bħala riżultat ta' l-introduzzjoni tal-VAT. Fl-istess waqt, il-Gvern jikkundanna kull ċaqlieq inġust fil-prezzijiet li jista jsir fiż-żmien ta' bidla fit- taxxa. Għaldaqstant, kull fejn jinstab l-abbuż, dan jiġi kkoreġut u b'impenn naraw li l-iżball ma jiġix irrepetut.
Leg 9 PQ #4407 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Fondi għal asfaltar ta' toroq

Question

Billi tliet toroq ġewwa Ta' Xbiex li huma Triq Enrico Mizzi, Triq Sir Ugo Mifsud u Triq San Gwann tas-Salib għandhom bżonn kisja tarmac urġenti peress li hemm ħafna toqob, jista' l-Prim Ministru jara li jingħataw fondi speċjali lill-kunsilli biex dawn it-toroq jiġu rranġati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta gvern lokali u fil-qadi tal- funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom. Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita billi l- funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir- responsablitajiet tal-Kunsilli, u x-xogħol imsemmi jrid isir mill-Fondi għall-Ħtiġijet Speċjali li diġa ngħataw skond l-applikazzjoni ta' l-istess Kunsill.
Leg 9 PQ #4453 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Indipendenza — Attivitajiet

Question

Fid-dawl ta' dikjarazzjoni li għamel fl-attivitajiet ta' l-Indipendenza tal-PN għal 1998, fis-sens li mhux sewwa li l-Gvern ineħħi Chairmen bla ebda raġuni serja, jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet serji li wasslu lill-gvern tiegħu biex ineħħi għadd ta' Chairmen minn korporazzjonijiet u kumpanniji parastatali minn wara l-elezzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħal ma jaf l-Onor Membru, wara kull Elezzjoni Ġenerali, il- Membri kollha tal-bordijiet governattivi, inklużi iċ- Chairpersons, huma mistennija li joffru r-riżenja tagħhom lill-Gvern il-ġdid, proprju biex isiru xi tibdiliet li jkunu meħtieġa. Il-Gvern tiegħi ma mexiex bil-politika ta' tqaċċit ta' rjus anzi pprefera li l-biċċa l-kbira tal- persuni nominati jkomplu l-ħatra tagħhom sakemm tiskadi. Ħadd ma għandu jippretendi li jibqa fuq Bord għal żmien twil iżżejjed, lanqas jekk ma jinbidilx il-Gvern. Kien hemm Chairpersons li wrew ix-xewqa li ma jkomplux iservu fuq il-Bord tagħhom iżda kien hemm ukoll oħrajn li l-Gvern il-ġdid ġedded il-ħatra tagħhom.
Leg 9 PQ #4625 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Każi fuq diskriminazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ tressaq il-Qorti matul dawn l-aħħar għaxar snin fuq abbużi ta' diskriminazzjoni a bażi ta' sess, sena b'sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #4627 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Onor. Sant Alfred — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi

Question

In vista ta' l-istqarrijiet min-naħa tal-gvern dwar consensus nazzjonali fuq diversi oqsma ta' politika, jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern m'aċċettax mill-ewwel l-istedina tal-Kap ta' l-Oppożizzjoni għal dibattitu nazzjonali dwar il-qagħda serja ta' l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż, qagħda li llum anke l-Partit Nazzjonalista qed jammetti li teżisti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li d- deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fis-sentejn li għaddew kienu wasslu għall-inċertezza u għal staġnar ekonomiku f'pajjiżna. Dan kien spjegat fid-dettal fid-Diskors tal- Budget kif ukoll waqt id-diskussjonijiet li saru f'dan il-Parlament dwar il-Budget ftit tal-ġimgħat ilu. Ressaqna u ddiskutejna wkoll il-pjani u proposti tagħna ta' kif ser insewwu l-ħsara li saret fis-sentejn li għaddew u b'hekk nerġgħu inpoġġu l-ekonomija fuq sisien sodi u sostenibbli. Issa għaddejna għall-fatti u bdejna nieħdu l-miżuri neċessarji, fosthom dawn li ġejjin: Ġiet introdotta mill-ġdid il-VAT taxxa li mhux biss ser tiggarantixxi dħul ġust u neċessarju għall- Gvern imma neħħiet spejjeż żejda minn fuq in- negozju. Erġajna poġġejna lil Malta fil-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, proċess li għandu jagħti spinta lill-Ekonomija Maltija. Raħħasna r-rati tad-dawl u l-ilma b'mod li mhux ser ikunu ta' piż żejjed fuq il-konsumatur filwaqt li jrendu d-dħul neċessarju għall-Korporazzjonijiet. Ittieħdu passi bis-serjeta li wassluna f'pożizzjoni li sa nofs din is-sena jibda x-xogħol fuq diversi proġetti. Jiddispjaċini ninnota li l-Oppożizzjoni għadha sa llum ma tagħrafx li kien prinċipalment tort tal-politika żbaljata tagħha, speċjalment f'dawn l-oqsma, li kkawżaw l-istaġnar ekonomiku.
Leg 9 PQ #4694 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega kif fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti l-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ingħatat Lm10,250 biex tirtira talba għal Lm5,000 kumpens li kienet ressqet quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l- Onor Interpellant huwa is-Sur Joseph Zammit, li fi żmien l- amministrazzjoni preċedenti kien is-Segretarju tal- Kabinett. Is-Sur Zammit kien ressaq rikors quddiem it-Tribunal għall- Investigazzjoni ta' l- Inġustizzji fil-31 ta' Ottubru 1997. Fir-rikors li għamel, hu talab li jingħata kumpens ta' Lm5,000 li hu l-massimu li jista jgħati t-Tribunal f'każ li jiddeċiedi favur l-applikant. Ir-rikors kien jallega inġustizzji li allegatament twettqu mas-Sur Zammit wara Mejju 1987 peress li hu ma baqax iżomm il-grad ta' Officer in Grade 2 wara li spiċċa minn Chairman ta' l-Awtorita tad- Djar. Is-Sur Zammit baqa jagħmel it-talba ripetutament lis- Segretarju Amministrattiv. Is-Sur Joseph Sammut, li dak iż- żmien kien is-Segretarju Amministrattiv, kien għamilha ċara li hu ma kienx qed jaqbel mat-talba tas-Sur Zammit. Ta' l- istess opinjoni kien id-Direttur Ġenerali tal-Management and Personnel Office li f'Lulju 1993 kiteb lill-Avukat tas- Sur Zammit u qallu li t-talba tas-Sur Zammit kienet bla bażi. Fil-25 ta' Lulju 1997, is-Sur Zammit, permezz ta' ittra, għamel l-istess talba lis-Segretarju Permanenti fil- Ministeru tal-Finanzi u Kummerċ. L-ittra tas-Sur Zammit kellha annessa magħha żewġ ittri bl-iskop li jissostanzjaw l-argument imressaq mis-Sur Zammit. Waħda mill-ittri kienet miktuba mill-Avukat Karmenu Mifsud Bonnici, li huwa l-avukat tas-Sur Zammit u li kien Prim Ministru meta s-Sur Zammit ġie appuntat Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar. L- ittra l-oħra kienet miktuba mill-Onor Leo Brincat bħala s- Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing meta s- Sur Zammit kien appuntat Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar. Dawn iż-żewg ittri iġibu d-data tas-6 ta' Mejju 1993. Fit-18 ta' Ġunju 1998, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, f'memorandum indirizzat lill-Ministru tal- Finanzi u Kummerċ kiteb li: it-talba tas-Sur Zammit m'għandhiex bażi f'dokumenti uffiċjali; it-talba tas-Sur Zammit kienet mibnija fuq bażi dgħajfa imma setgħet tissaħħah jekk l-Onor Leo Brincat, bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Housing fi żmien meta s-Sur Zammit kien Chairman ta' l-Awtorita tad-Djar, jikkonferma d-dikjarazzjoni li kien għamel fl-ittra tiegħu tas-6 ta' Mejju 1993, imsemmija aktar il fuq; u li: l-Ministru tal-Finanzi, allura l-istess Onor Leo Brincat, kellu japprova pagament ex-gratia ta' Lm1,034 biex jagħmel tajjeb għat-talba tas-Sur Zammit. Fit-22 ta' Lulju 1998, id-Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Finanzi, f'memorandum indirizzat lill-Ministru tal- Finanzi u Kummerċ kiteb li: it-talba tas-Sur Zammit kienet ibbażata fuq intenzjonijiet imwassla verbalment u mhux fuq dokumenti uffiċjali; l-Onor Leo Brincat, bħala ex-Segretarju tal-Housing kien ikkonferma d-dikjarazzjoni li hu kien għamel fis- 6 ta' Mejju 1993; is-Sur Zammit ġie mgħarraf li l-Onor Leo Brincat, fil- kapaċita tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi, kien diġa awtorizza verbalment li jsir pagament ta' Lm10,250 bħala full & final settlement għat-talba tas- Sur Zammit; il-Ministeru tal-Finanzi tella l-għotja minn Lm1,034 għal Lm10,250 wara li aċċetta numru ta' kunsiderazzjonijiet mressqa mis-Sur Zammit fosthom li Lm7,308 li s-Sur Zammit irċieva fl-1995 mill-Malta Shipbuilding ma jiġux inklużi mad-dħul li s-Sur Zammit fil-fatt ħa mingħand il-Gvern bejn l-1987 u 1996; għalhekk, l-Onor Leo Brincat, fil-kapaċita tiegħu ta' Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, kien mitlub japprova uffiċjalment l-għotja ta' Lm10,250. Fit-23 ta' Lulju 1998, għaxart'ijiem qabel xolja l- Parlament, il-Ministru tal-Finanzi u Kummerċ, l-Onor Leo Brincat, approva l-għotja ta' Lm10,250, net of tax. Il- pagament ta' din l-għotja sar fl-4 ta' Awwissu 1998. Meta sar dan, it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l- Inġustizzji kien lanqas biss beda jisma l-każ tas-Sur Zammit. Ta' min isemmi li għalkemm l-għotja ngħatat bħala full and final settlement għat-talbiet tas-Sur Zammit, dan għadu ma rtitrax ir-rikors li għamel quddiem l-istess Tribunal.
Leg 9 PQ #4791 Sitting 66 1999-02-22 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 3859, jista' l-Prim Ministru jagħti lista aġġornata ta' l-uffiċjali pubbliċi li jokkupaw l-ewwel ħames gradi taċ-Ċivil u l-informazzjoni l-oħra mitluba fl-istess mistoqsija minħabba li l-lista ppreżentata ma tirriflettix is-sitwazzjoni sa l-1 ta' Jannar, 1999 minkejja li ġiet preżentata bħala tali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 3859 kienet speċifika għall-mistoqsija kif saret. L-ewwel ħames gradi fiċ-Ċivil huma dawk magħrufa bħala Officers in Grade 1 sa Officer in Grade 5 u li dwarhom ingħatat l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija msemmija. Jekk l-Onor Interpellant tixtieq xi informazzjoni oħra, hija mitluba tagħmel mistoqsija speċifika.
Leg 9 PQ #4210 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Parental leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-għoti ta' parental leave fis-Servizz Pubbliku? X'passi jittieħdu biex ikun żgurat li min jingħata parental leave li għalih għandu dritt, ma jagħmilx xogħol ieħor waqt li jkun bil-leave speċifikament biex jassumi responsabbilta' għal membri tal-familja? Kemm hu l-għadd totali ta' mpjegati mal-gvern li qegħdin barra fuq parental leave?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-parental leave jingħata lill-uffiċjali li jkunu ilhom mill-inqas sena jaħdmu mal-gvern fuq bażi regolari u full- time. Dan il-leave jittieħed minn ġenituri biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom sakemm dawn jagħlqu ħames snin. Tingħata sena leave bla ħlas għal kull tarbija, kif ukoll career break ta' tlett snin leave bla ħlas li jista jittieħed darba biss. Il-parental leave jista jittieħed kemm mill-omm jew mill-missier jew maqsum bejn it-tnejn, basta t-tnejn ikunu mpjegati tal-gvern, ma jeċċedux il- limitu tal-parental leave, u ma jieħdux il-parental leave flimkien, u jinqasam darba biss. Persuna li tapplika għall- parental leave għandha tinnotifika lill-Kap tad-Dipartiment tliet xhur qabel sabiex ikunu jistgħu jsiru l-arranġamenti meħtieġa. Biex jiġi żgurat li l-uffiċjal pubbliku ma jiħux il- parental leave għal skop ieħor u mhux biex jieħu ħsieb it- tfal, huwa mitlub jinforma bil-miktub lill-Kap tad- Dipartiment tiegħu li mhux ser jagħmel xogħol privat fil- ħinijiet tax-xogħol u wkoll jipproduċi dokumentazzjoni li r- raġel tagħha jew il-mara skond il-każ qiegħed/qiegħda taħdem full-time jew li l-każ huwa ta' ġenitur wieħed. L-għadd totali ta' l-impjegati tal-gvern li qegħdin barra fuq Parental Leave fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru huwa sebgħa u għoxrin (27). Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq ikun jaf in-numru ta' impjegati tal-gvern li qegħdin fuq Parental Leave f'Dipartimenti oħra, jista jagħmel dan billi jsaqsi l-istess mistoqsija lill-Ministeri konċernati peress li kull Ministeru iżomm id- dokumentazzjoni tiegħu fuq il-Parental Leave.
Leg 9 PQ #4220 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd totali ta' mpjegati fil-General Service tas-Servizz Ċivili? Kemm minnhom huma nisa? Kemm minn dawn in-nisa qegħdin fi grad ta' Administrative Officer jew ogħla? F'liema gradi jinsabu rispettivament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi n-numru ta' impjegati fil-gradi tal- General Service huwa 3999. Minn dawn 2034 huma nisa. Fost dawn hemm 107 li huma fi grad ta' Principal jew ogħla. Dawn huma mqassma kif ġej: 3 Officers in Grade V 25 Senior Principals 79 Principals.
Leg 9 PQ #4268 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liġi dwar il-Preskrizzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jressaq quddiem dan il-Parlament liġi biex tneħħi l-preskrizzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-preskrizzjoni hi meħtieġa għaliex mhux sew li persuna tiġi mressqa quddiem qrati fi żmien meta x-xhieda, jekk ikunu għadhom ħajjin, ikunu diġa insew ħafna mid-dettalji tal-fatti li fuqhom iridu jixhdu. Fl-istess ħin anki l-akkużat ikunlu ferm diffiċli biex jagħmel difiża sew għax ikun nesa ċirkostanzi importanti tal-każ. L-istess raġunijiet japplikaw ukoll għall- preskrizzjoni ċivili. Il-parir li għandu l-Gvern hu li l-preskrizzjoni għandha tibqa.
Leg 9 PQ #4271 Sitting 65 1999-02-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Jum nazzjonali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern li jmexxi hu għandux il-ħsieb li jniedi diskussjoni nazzjonali dwar il-possibbilta' li l-pajjiż jasal għal qbil fuq jum nazzjonali wieħed?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jekk l-Oppożizzjoni hija lesta tiddiskuti bis-serjeta dan is-suġġett delikat, jien lest nawtorizza li jibdew diskussjonijiet formali.
Leg 9 PQ #3355 Sitting 64 1999-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Riċevimenti

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm ġew minfuqa flus f'ikliet u riċevimenti mis-Segretarjat Parlamentari fi ħdanu mis-6 ta'Settembru, 1998 sal-5 ta'Jannar 1999 u x'kienu l-okkażjonijiet li għalihom ġew organizzati dawn l-attivitajiet? Jista' l-Prim Ministru jgħid kull okkażjoni fejn ġiet organizzata, kemm swiet, min ipprovda l-ikel u xorb u jekk inġabrux kwotazzjonijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li mis-6 ta' Settembru 1998 sal-5 ta' Jannar 1999 intefqu Lm42.55 f'żewġ ikliet mis-Segretarjat Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi. Ikla waħda saret il-Cordial u swiet Lm23.45 u l-oħra saret il-Malata u swiet Lm19.10.