Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #5297 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Elezzjonijiet Ġenerali — Tqassim ta' voti

Question

Jikkonsidra l-Prim Ministru li ssir emenda fil-liġi elettorali dwar it-tqassim tal-voti għal kull elezzjoni li ssir f'pajjiżna, fis-sens li l-voti ma jibqgħux jitqassmu fid-djar iżda l-persuna hekk intitolata biex tivvota tkun tista' tippreżenta l-ID Card (jew xi identifikazzjoni oħra awtorevoli) dakinhar tal-votazzjoni u tingħata lilha dak il-ħin il-vot tagħha biex taqdi d-dover tagħha ta' ċittadin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-suġġeriment li għamel l-Onorevoli Membru jinħtieġ tibdil fil-liġi elettorali li jwassal għat-tneħħija tal-voting document. Ninsab infurmat li delegati tal-partiti politiċi fl-imgħoddi ltaqgħu mal-Kummissjoni Elettorali fuq dan is- suġġett li jidher li jista jintlaħaq ftehim dwaru.
Leg 9 PQ #5355 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ħaddiema Għawdxin li jaħdmu Malta (fis-Servizz Pubbliku) għandhomx xi konċessjonijiet fuq ħinijiet tax-xogħol? Jekk iva, x'inhuma?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-konċessjoni li għandhom l-impjegati tal-Gvern li huma residenti f'Għawdex imma li jaħdmu Malta hija illi huma jistgħu jidħlu ftit tard nhar ta' Tnejn filgħodu u jitilqu ftit kmieni nhar ta' Ġimgħa filgħaxija.
Leg 9 PQ #5360 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kon-Kattidral ta' San Gwann — Fondazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tiġi kostitwita l-Fondazzjoni għall-Kon Kattidral ta' San Ġwann imħabbra fid-diskors tal-budget?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm żviluppi minn meta kont irrispondejt mistoqsija parlamentari oħra f'seduta numru 57 dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #5361 Sitting 72 1999-03-08 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 4791, jista' l-Prim Ministru jagħti lista kompluta ta' l-uffiċjali li jokkupaw l-ewwel ħames gradi taċ-Ċivil u l-informazzjoni l-oħra mitluba f'mistoqsija parlamentari numru 3859, għaliex fil-lista ppreżentata fl-imsemmija tweġiba parlamentari hemm uffiċjali fl-ewwel ħames gradi taċ-Ċivil li m'humiex inklużi u għalhekk din il-lista, kif diġa' ġbidt l-attenzjoni, ma tirriflettix is-sitwazzjoni sa l-1 ta' Jannar 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li ma hemmx iżjed x'wieħed iżid ma l- informazzjoni li diġa tajt fit-tweġibiet għall- mistoqsijiet parlamentari numri 3859 u 4791. Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex jekk trid xi informazzjoni oħra, tispeċifika aħjar dak li trid għax jien infurmat li l-lista li poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra mat- tweġiba għall-mistoqsija numru 3859 kienet tkopri l- Uffiċjali kollha magħrufa bħala Officers in Grade 1 sa Officers in Grade 5 li kienu fis-Servizz Pubbliku fl-1 ta' Jannar 1999. Jekk l-Onorevoli membru qed tirreferi għall-gradi kollha li qegħdin fl-ewwel ħames skali ta' salarju, jew għal xi wħud minn dawn l-iskali, allura hija mitluba tagħmel riferenza għal dawn l-iskali fil-mistoqsija tagħha.

Mużewijiet/siti storiċi — Materjal informattiv

Question

In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 3542, jikkonsidra l-Prim Ministru li jitwaqqaf kumitat ad hoc li permezz tiegħu l-ewwel issir ir-riċerka kollha neċessarja biex tinġabar l-informazzjoni mitluba billi din tieħu numru sew ta' snin lura u li t-tieni li jagħmel suġġerimenti u proposti kif dan l-materjal jista' jiġi aġġornat u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Mużewijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-istamperija tal-Gvern ma stampat l- ebda pubblikazzjoni konnessa mal-Mużewijiet u siti storiċi f'dawn l-aħħar ħames snin. Jien infurmat ukoll li la d-dipartiment tal-Mużewijiet u lanqas il-Librerija Nazzjonali ma għandhom l-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Membru. L-eżerċizzju li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant jieħu żmien twil ta' riċerka u jammonta għal spejjeż sostanzjali.
Leg 9 PQ #4437 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur pubbliku — Uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartimenti tal-gvern għal ma' entita' pubblika u li dwarhom għad iridu jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-pensjonijiet tagħhom? Mil-liema dipartimenti telqu u ma' liema entita' pubblika marru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali pubbliċi li qalbu minn dipartimenti tal-Gvern għal ma entitajiet pubbliċi u li kienu daħlu mal-Gvern qabel is-16 ta' Jannar 1979 huwa 1042. Id-dettalji kif mitluba huma murija fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Għadhom għaddejjin diskussjonijiet ma l-Unions dwar l- interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Ordinanza dwar Pensjonijiet li tista tolqot lil dawn il-persuni.
Leg 9 PQ #4441 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Sickleave

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 4008 kif irreferieni l-Ministru tal-Politika Soċjali u ċioe': jista' jgħid x'passi ttieħdu fl-erba' xhur li għaddew biex jiġi mrażżan l-abbuż li jsir mis-sick leave mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? X'passi hemm maħsuba biex jittieħdu kontra dan l-abbuż li jispiċċa biex inġustament jagħti isem ħażin lis-Servizz Pubbliku kollu, inkluż lil dawk li jaħdmu b'mod eżemplari?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi minbarra l-proċeduri diġa eżistenti għall-verifika tas-Sick Leave, bħala waħda mill-miżuri tal- Ftehim Kollettiv, tħabbret sistema ġdida ta' kontroll biex jiġi mrażżan is-Sick Leave abbusiv. Din is-sistema ġdida hija spjegata fiċ-Ċirkulari OPM Nru. 4/99 li tagħha qiegħed inpoġġi koppja fuq il-mejda tal- Kamra. Iċ-Ċirkulari ħarġet fit-28 ta' Jannar ta' din is- sena.
Leg 9 PQ #4495 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diskors tal-Prim Ministru — Zejtun

Question

Peress li fid-diskors li għamel il-Prim Ministru il-bierah, 7 ta' Frar 1999 ġewwa ż-Żejtun, ġie rraportat li qal li "l-ekonomija qed tirpilja" jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema qasam qed jara l-ekonomija tirpilja? Fuq liema bażi tanġibbli wasal għal din il-konklużjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

M'hemmx dubju li wara sentejn ta' inċertezza, l-ekonomija issa bdiet tieħu r-ruħ. F'dawn l-aħħar xhur, il-Gvern ta' direzzjoni ġdida u ċara lil pajjiżna. B'għaqal u determinazzjoni ħdimna sabiex ġiet imġedda l-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija sħiħa fl-EU. Din ser twassal għall-opportunitajiet ġodda għal pajjiżna. Bdejna programm ta' ħidma sabiex f'pajjiżna jerġa jibda jitkattar il-ġid. Tneħħiet it-taxxa ta' CET u minflokha daħlet il-VAT li hija aktar adattata għal pajjiżna u b'hekk neħħejna x-xkiel żejjed għan-negozju li kien hemm qabel. Ġew riveduti wkoll ir-rati tad-dawl u l-ilma sabiex jirriflettu aħjar is-sitwazzjoni lokali. Wasalna għal soluzzjonijiet importanti u ta' fejda f'diversi oqsma oħra bħal fil-ftehim kollettiv tas-Settur Pubbliku u t-twettiq b'mod għaqli tal-proġetti tal-Kottonera, tal-Port il-Kbir u ta' Manoel Island. Dan hu biss ftit mill-ħidma li wettaq s'issa dan il-Gvern. Għalhekk, bdejna nsewwu l-ħsara li sibna u l-iżbalji li saru u li kienu wasslu għal staġnar ekonomiku. Il-poplu qed jerġa jakkwista l-fiduċja f'pajjiżna u jidher li l- ħidma tagħna bdiet tħalli l-frott, kif joħroġ ukoll mix- xejriet posittivi li ġew indikati fl-istħarriġ li għamel u ppubblika l-Bank Ċentrali dan l-aħħar.
Leg 9 PQ #4652 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Bordijiet/kumitati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #4817 Sitting 71 1999-03-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Ġonna pubbliċi

Question

B'riferenza għall-ispezzjonijiet li jsiru sabiex ikun stabilit il-livell taż-żamma tal-ġonna pubbliċi li huma fir-responsabbilta' tal-kunsilli lokali, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni preżenti fil-lokal tar-Rabat, Malta u ċioe'jagħti breakdown ta' kif kienu r-riżultati miksuba matul is-snin 1996, 1997 u 1998?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-sitwazzjoni preżenti fil-lokalita` tar-Rabat Malta, dwar l-ispezzjonijiet li jsiru sabiex jiġi stabbilit il-livell taż-żamma tal-ġonna pubbliċi, toħroġ mill-istess rapport dwar il-Funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li tpoġġa fuq il- mejda tal-Kamra nhar il-21 ta` Diċembru 1998. Minn dan ir- rapport joħroġ ukoll paragun maz-żewġ rapporti ta` qabel. Ir-riżultati miksuba matul is-snin 1996, 1997 u 1998 jinsabu fir-rapporti ta` kull tliet xhur ta` dawn l- ispezzjonijiet li wkoll tpoġġew regolarment fuq il-mejda ta` din il-Kamra.
Leg 9 PQ #3586 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Fax machines

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment? Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma? Meta nxtraw? Kemm swew fi spejjeż?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #5003 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-eżamijiet għall-grad ta' Executive Officer fi ħdan is-Servizz Pubbliku fid-dawl tat-talbiet li qed isiru mill-Unions u minħabba l-fatt li dawn l-eżamijiet ilhom ma jsiru għal aktar minn ħames snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma hemmx il-ħsieb li jsir eżami mmedjat biex jimtlew postijiet ta' Executive Officer. Għalkemm dan l-eżami ilu ma jsir, minn żmien għal żmien, impjegati fil-gradi ta' Clerk jilħqu Executive Officers skond il-provvedimenti tal-Ftehim dwar il-General Service Grades. Fl-aħħar ftit xhur saru madwar ħamsin Executive Officer b'dan il-mod.
Leg 9 PQ #5004 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Post ta' Assistant Director

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ntlaqgħet għall-postijiet vakanti ta' Assistant Director fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Kemm-il vakanza teżisti u kemm applikaw għal kull vakanza, waħda waħda? Jista' l-Prim Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, se jsiru l-intervisti għal postijiet imsemmija hawn fuq?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi l-informazzjoni li tista tingħata f'dan l-istadju hija li hemm 135 post vakant ta' Assistenti Diretturi. Dan minħabba l-fatt li s-sejħa għall- applikazzjonijiet tagħlaq fis-16 ta' Marzu. Ninsab infurmat ukoll li bejn wieħed u ieħor l-intervisti mistennija jibdew għall-ħabta ta' April/Mejju.
Leg 9 PQ #5023 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żejtun — Villa De Fremeaux

Question

B'riferenza għal Villa De Fremeaux fi Triq Santa Katarina, fiż-Żejtun, billi kien hemm kawża l-qorti dwar dan il-bini li fiha kien anke imdaħħal il-Kunsill Lokali taż-Żejtun, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsill ingħatax sodisfazzjoni ta' x'se jsir l-aktar wara l-ħsara li saret fil-faċċata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali Żejtun għadu qed jistenna tweġiba mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar għall- protesti li għamlu wara l-ħruġ għall-permessi għall- iżvilupp fil-fond ta` Villa de Fremaux.
Leg 9 PQ #5064 Sitting 70 1999-03-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4709, jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni/raġunijiet għaliex iż-żmien li dawn is-suldati għamlu fil-Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx fir-rigward ta' pensjoni? Jista' jgħid ukoll liema liġi jew regolamenti qed jikkwota u jpoġġi kopja tas-silta kkwotata fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirrepeti dak li diġa għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Numru 4709, jiġifieri li s-servizz li suldati kienu taw fil- Korp tal-Pijunieri ma jgħoddx bħala servizz fil-Forza Regolari tal-Forzi Armati għall-fini ta' pensjoni. Dan skond ir-Regolament Numru 24(2) tar-Regolamenti dwar Nominazzjonijiet u Kundizzjonijiet tas-Servizz (Forza Regolari) ta' l-1970 kif emendat b'diversi Avviżi Legali u kkonfermat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru dak iż-żmien bl- ittra OPM/449/75 tas-6 ta' Jannar 1977, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra għall-konvenjenza tal- Onorevoli Membru.
Leg 9 PQ #1640 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għargħur — Super 1 TV

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għarghur is-Super 1 TV u kemm minnhom qed jintużaw? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li hemm uħud mill-antenni li m'humiex jintużaw? Kemm huma u ta' min huma? F'każ li dawn l-antenni li m'humiex jintużaw jinqalgħu, ikun possibbli li jitwaħħlu oħrajn minflokhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'riferenza għat-tieni parti tal-mistoqsija numru 1640, ninsab infurmat li l-panelli l-oħra mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għargħur kollha qed jintużaw minn Maltacom plc, Melita Cable TV plc, Vodafone Malta Ltd, PBS Ltd u l-Bank Ċentrali ta' Malta. Fir-rigward ta' l-erba' antenni wżati mill-Maltacom plc, jiena nfurmat li dawn jintużaw bħala passive repeaters għal żewġ microwave links li waħda minnhom ġġorr trasmissjonijiet televiżivi mis-satelliti ta' l-Intelsat għall-TVM. Peress li l-apparat fl-istudios tal-PBS bħalissa huwa żarmat minħabba xi xogħlijiet li qed isiru, din il-link hija temporanjament wieqfa. Pero tkun tista' terġa' tibda titħaddem hekk kif ix-xogħol fl-istudios jitlesta.
Leg 9 PQ #4202 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati/reliġjużi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' reliġjużi (qassisin, sorijiet u patrijiet) impjegati fis-servizz tal-gvern jew f'istituzzjonijiet li jitmexxew b'fondi pubbliċi? Min huma u x'xogħol jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi n-numru ta' reliġjużi mpjegati mal-Gvern huwa ta' 58. Dettalji dwar dawn ir-reliġjużi huma miġbura f'tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jiċċara xi jrid ifisser b'istituzzjonijiet li jitmexxew b'fondi pubbliċi.
Leg 9 PQ #4301 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Kandidati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm, mill-1993 'il quddiem ikkontestaw kandidati fit-23 kunsill lokali fejn se jsiru l-elezzjonijiet f'Marzu li ġej? Tista' l-istatistika tingħata skond il-partiti, jew gruppi? Kemm minn dawk li ġew eletti fl-ewwel elezzjoni reġgħu ikkontestaw it-tieni elezzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-1993 kien hemm total ta' 270 kandidati li kkontestaw l-elezzjonijiet fit-23 lokalita fejn ser jsiru l-elezzjonijiet f'Marzu li ġej. Dawn kienu jinkludu 135 kandidati tal-PN, 122 kandidati Indipendenti u 13 taħt xi isem ieħor. Fl-1996 kien hemm total ta' 221 kandidati: 107 tal-PN, 89 Indipendenti u 25 taħt xi isem ieħor. Kien hemm 89 kandidati li kienu eletti fl-1993 u li reġgħu ikkontestaw l-elezzjonijiet tal-1996.
Leg 9 PQ #4422 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Suldati

Question

Peress li ħafna suldati qed jagħmlu xogħol simili ħafna għal dak ta' pulizija, jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li ssir riorganizzazzjoni ta' l-iskali tal-grad fiċ-Ċivil għal membri ta' l-Armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-istruttura tal-pagi tal-militar diġa hija abbinata ma dik tas-Servizz Ċivili. Fil-fatt il-pagamenti għall- imjegati taċ-Ċivil skond il-Ftehim Kollettiv ser jingħataw ukoll lill-membri ta' l-Armata.
Leg 9 PQ #4934 Sitting 69 1999-03-01 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-regoli taċ-Ċivil rigward membri ta' l-istess familja li jaħdmu fl-istess post tax-xogħol f'xi dipartiment jew segretarjat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li ma teżisti l-ebda policy tal-Gvern u l- Estacode ma jgħid xejn dwar is-suġġett imsemmi mill-Onor Interpellant.