Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk is-segretarji permanenti li għandhom mobile phone? X'inhi l-ħtieġa li jkollhom dan is-servizz?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju
tiegħi m'għandux mobile phone, pero is-Segretarju
Permanenti fit-Taqsima tal-Ġustizzja għandu din il-
faċilita peress li jinqalgħu każi meta jkun hemm il-bżonn
ta' konsultazzjoni urġenti miegħi jew mas-Segretarju
Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi barra l-ħin ta' l-uffiċċju.
Dawn il-konsultazzjonijiet jistgħu jkunu wkoll minn naħa
tal-Qorti, l-Avukat Ġenerali u, naturalment anke l-
Ministri.
Rigward is-Segretarji Permanenti f'Ministeri oħra, nitlob
lil Onorevoli Interpellant jiġbor l-informazzjoni mill-
Ministri individwalment.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru patrols mill-patrol boats tat-tip Kondor f'dawn l-aħħar xahrejn? Dan in-numru huwa "normali"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li fil-perjodu indikat saru diversi patrols
bil-Kondor boats. Matul ix-xahar ta' Jannar kienet qegħda
ssir manutenzjoni urġenti fuq dan it-tip ta' inġenji u
għaldaqstant ix-xogħol bihom kien minimu. Is-sitwazzjoni
reġgħet ġiet għan-normal b'effett mill-1 ta' Frar 1999.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta u min se jissostitwixxi lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament fil-kariga li kien jokkupa fil-qorti qabel ddeċieda li jirreżenja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern qed jieħu passi biex jirristruttura l-karigi
għoljin tal-Qorti fejn, fost ħwejjeġ oħra, se ssir
distinzjoni ċara bejn l-aspett legali u l-aspett
amministrattiv. Qed titħejja sejħa għall-applikazzjonijiet
biex jimtlew il-postijiet vakanti fl-istruttura l-ġdida
mingħajr dewmien.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-progress tax-xogħlijiet li għandhom iwasslu għat-trasferiment tar-reġistri tal-qorti għal fejn tinsab alloġġjata l-għassa tal-pulizija tal-Belt?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, it-trasferiment tar-
reġistri jiddependi minn meta l-Pulizija jmorru fl-għassa l-
ġdida li qed tinbena fl-ex Parcel Post Office. Ninsab
infurmat li din l-għassa kellha titlesta matul l-1998 iżda
billi l-Pulizija dehrilhom li kellhom iżidu xi xogħlijiet,
il-proġett ittardja xi ftit.
Ninsab infurmat ukoll li dan ix-xogħol addizzjonali issa
huwa kważi lest u l-proġett kollu huwa qrib ħafna li jigi
konkluż għal kollox. Hu proġettat li t-trasferiment isir
matul is-sajf li ġej.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm il-progress tax-xogħlijiet li għandhom iwasslu għal trasferiment ta' l-Uffiċċju ta'l-Assistenti Ġudizzjarji minn fejn huma alloġġjati fil-bini tal-Qorti għal ġo l-Annex tal-Qorti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li qabel ma jitlesta l-istudju ta` kif qed
jiġi użat l-ispazju eżistenti kollu tal-Qorti, l-Uffiċċju
ta` l-Assistenti Ġudizzjarji għalissa se jibqgħu fejn huma.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, dipartiment b'dipartiment, linji diretti tat-telephones b'aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu photocopy machines kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista'l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid bejn il-5 ta' Settembru, 1998 u t-28 ta' Frar, 1999: (i) x'kienu l-kuntratti li ngħataw mill-uffiċċju tiegħu; (ii) min għamel l-ispecifications; (iii) min għamel l-award; (iv) intalbu quotations; (v) kemm kienet kull quotation; (vi) min rebaħ kull kuntratt; u (vii) ingħataw extensions?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif jaf l-Onor Interpellant, minn meta fetaħ dan il-
Parlament f'Ottubru li għadda, b'risposti għall-diversi
domandi fir-rigward ta' din il-mistoqsija, diġa tajt
informazzjoni dettaljata, li f'kull każ inħlew ħafna żmien
u enerġija biex tinġabar. Għalhekk, sakemm ma ningħatax
raġuni valida 'l għala l-informazzjoni mitluba għandha
tingħata, ma nara l-ebda skop li dan isir.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-ikla li saret f'Kastilja fl-okkażjoni ta' għeluq sninu din is-sena?
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk intalbux quotations u jekk iva, kemm kienet kull quotation?
Min ipprovda l-ikel u x-xorb? Min kien mistieden għall-ikla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ikla li nghatat f'gieħi f'għeluq snini ma saritx minn fondi pubblici.
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk hux se jintervjeni u jilqa' t-talbiet ta' numru kbir ta' residenti f'Bormla li qed joġġezzjonaw għall-bini ta' Crisis Intervention Centre f'Bormla? Jista' jgħid ukoll jekk jaħsibx li l-bini ta' dan it-tip ta' ċentru f'nofs Bormla se jkompli jżid il-problemi lin-nies ta' din il-belt?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern ma jidhirlux li għandu jintervjeni fis-sens li
jeżiġi li proġett simili ma jsirx. Iżda l-Gvern huwa
persważ li l-fehmiet raġjonevoli ta' kullħadd għandhom
jingħataw l-attenzjoni li jixirqilhom u b'hekk ikun hemm
riżultat li huwa fl-aħjar interess soċjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-ħadid li twaħħal bħala lqugħ mal-ground ħdejn il-bandli tan-Naxxar mill-kunsill lokali tal-post? Fejn inħadem? Kienet ħarġet tender għal dan ix-xogħol? Kien hemm permessi neċessarji mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi programm għandu l-Gvern biex jimmodernizza l-flotta ta' l-iskwadra marittima ta' l-Armata? X'inhu l-ammont ta' flus li l-armata għandha tagħti lit-Tarzna għal tiswijiet/manutenzjoni ta' patrol boats ta' l-armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sitt snin, l-Iskwadra
Marittima tal-FAM xtrat numru ta' patrol boats mill-
Ġermanja. Permezz ta' dawn il-patrol boats, l-Iskwadra
tista tagħmel patrolling iktar il-bogħod mix-xtajta milli
kienet tagħmel qabel.
Bħalissa qiegħed jingħata bidu għall-proġett ta' l-
immodernizzar tal-Bażi ta' l-Iskwadra Marittima f'Xatt it-
Tiben, li se jiġi jiswa lill-Armata madwar Lm1,000,000.
Dan il-proġett tant essenzjali għall-Forzi Armati qiegħed
jingħata prijorita assoluta.
Matul din is-sena wkoll se jinxtara apparat ta' radju u
ieħor relatat mas-satelliti. Il-patrol boats li ser ikunu
mgħammra b'dan l-apparat se jkunu kompattibbli ma sistema
ġdida msejħa Global Maritime Distress and Safety System li
permezz tagħha sejħiet ta' emerġenza fuq il-baħar ikunu
jistgħu jiġu mwieġba fil-pront u b'iktar effiċjenza. Ir-
rwol ta' Search and Rescue huwa wieħed ewlieni għall-Forzi
Armati. Għaldaqstant l-użu tar-Rescue Boats u x-xiri ta' l-
apparat imsemmi hu meqjus bħala pass importanti 'l quddiem
għall-Iskwadra Marittima.
Ma hemmx kontijiet pendenti li l-Forzi Armati għandhom
jagħtu lill-Malta Drydocks fir-rigward ta' tiswijiet u
manutenzjoni. Kont ta' Lm30,432.00 għal spare parts li
nxtraw mingħand l-istess Drydocks għadu pendenti.
Proċeduri biex jitħallas dan l-ammont diġa qegħdin
jittieħdu.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin jitwaqqaf il-mekkaniżmu neċessarju għal "complaints section" ġewwa l-Qorti tal-Ġustizzja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm diversi proġetti
għaddejjin fil-Qrati bil-ħsieb li jitjiebu s-servizzi għall-
pubbliku u anke għaddej studju mill-MEU dwar l-
amministrazzjoni kollha tal-Qrati.
Il-ħsieb hu li l-ewwel jissaħħu ċerti strutturi mbagħad
titwaqqaf Complaints Section.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn mindu ħarġet OPM Circular 4/99 datata 28/1/99 dwar is-sick leave ta' l-impjegati ċivili li tawtorizza li ministeri/dipartimenti jidħlu f'kuntratti ma' tobba individwali/gruppi ta' tobba biex jagħmlu house visits, kemm saru arranġamenti ta' dan it-tip? F'kull każ jista' l-Prim Ministru jgħid minn huma t-tobba/ditti ta' tobba nvoluti? Kif intgħażlu? X'inhi r-remunerazzjoni ta' dawn it-talin għal dan ix-xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Iċ-ċirkolari ta' l-OPM Numru 4/99 tawtorizza d-dipartimenti
rispettivi jagħmlu l-arranġamenti tagħhom dwar il-verifika
tas-sick leave minn tobba privati, u għalhekk nistieden l-
Onorevoli Interpellant biex jindirizza d-domanda tiegħu
lill-Ministeri rispettivi. Fil-każ tad-Dipartimenti li
jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ninsab infurmat li dawn l-
arranġamenti għad ma kienx hemm bżonn li jiġu ntrodotti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Wara l-kritika li għamel il-Ministru Dalli fid-diskors tal-budget għall-1999 dwar l-iskartar tal-ħaddiema tal-gvern minn fuq il-post tax-xogħol, jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-MPO biex jinqata' dan l-abbuż? X'riżultati ħallew dawn il-passi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-passi dwar l-iskartar mhux l-MPO għandu jeħodhom iżda l-
Kap tad-Dipartiment u kull uffiċjal ieħor li jkun
responsabbli għal dawk il-ħaddiema li jiskartaw.
Sadanittant ninsab infurmat li r-Regolamenti tad-Dixxiplina
qed jiġu riveduti sabiex il-passi li jittieħdu jkunu aktar
effettivi. Dawn huma mistennija li jidħlu fis-seħħ
dalwaqt.
Dwar l-abbuż ta' Sick Leave il-Kapijiet tad-Dipartimenti
wkoll ingħataw l-awtorita li jibagħtu tobba privati fejn
ikun hemm suspett ta' abbuż.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk wasalx biex jibda x-xogħol fuq Triq il-Kbira, San Ġużepp, il-Ħamrun li fuqu diġa' saru ħafna diskussjonijiet ma' diversi ministri? Jaf il-Prim Ministru li dan kellu jkun il-proġett tal-millenju?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant il-Kunsilli huma korpi
statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet,
jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Qrati — Ksur ta' copyright ta' software tal-computers
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet s'issa fil-Qorti dwar ksur ta' copyright ta' software tal-computers mindu ġiet emendata l-liġi fl-1997? X'kienet is-sentenza li ngħatat f'kull każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li persuni akkużati b'dawn ir-reati
jitressqu l-Qorti mill-Pulizija ta' l-Administrative Law
Enforcement. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba fl-ewwel
parti tal-mistoqsija għandha tintalab lill-Ministru ta' l-
Intern.
Ir-risposta għat-tieni parti tal-mistoqsija tkun tista
tingħata meta jiġu stabbiliti l-każi individwali.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra min huma l-konsulenti ġodda li mill-elezzjoni 'il hawn, bi ħlas jew mingħajru, qed jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mill-elezzjoni 'l hawn ma ġie ffirmat l-
ebda kuntratt ta' ħatra ta' konsulent fid-dipartimenti li
jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.