Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Ċivili fil-gradi ta': Director General, Directors in Scale 4, Directors in Scale 5, Officers in Scale 5, Officers in Scale 4, Assistant Directors, Senior Principals, Principals in Scale 7, Principals in Scale 8, Principals in Scale 9, Principals in Scale 10, Assistant Principals, Executive Officers u Clerks?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba
f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-applikanti għas-sejħa li saret mis-Segretarju Permanenti ta' l-uffiċċju tiegħu permezz taċ-ċirkolari 3/99 tas-27 ta' Jannar, 1999? Jista' jgħid x'inhuma l-kwalifiki u l-grad tagħhom u meta daħlu fis-servizz pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma nħossx li hija etika li tingħata informazzjoni dwar l-
applikanti għas-sejħa li saret permezz taċ-Ċirkolari Numru
3/99 għal mili ta' postijiet ta' Kapijiet ta' Dipartimenti.
Jista' l-Prim MInistru jgħid min huma l-applikanti għas-sejħa li saret mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru permezz taċ-Ċirkolari 16/99 bid-data tad-29 ta' Jannar, 1999? Jista' jgħid x'inhuma l-kwalifiki u l-grad tagħhom u meta daħlu fis-servizz pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma nħossx li hija etika li tingħata informazzjoni dwar l-
applikanti għal sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa mill-
Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-gvern beħsiebu jwaqqaf it-trust li għandha titmexxa mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u s-soċjeta' "Din l-Art Ħelwa" kif imħabbar mis-Segretarju Parlamentari fl-uffiċċju tiegħu f'Jannar li għadda?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li s'issa saru diskussjonijiet preliminari
kemm ma' Din l-Art Helwa kif ukoll mal-Assoċjazzjoni tal-
Kunsilli Lokali dwar din l-inizjattiva, liema inizjattiva
trid issa tiġi nkwadrata ma' l-inizjattivi li qed jieħu l-
Ministeru responsabbli għall-kultura biex jingħata rwol
lill-NGOs f'dan il-proċess.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali membri tas-soċjeta' "Din l-Art Ħelwa"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma
korpi statutorji ta' gvern lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet jaġixxu skond il-prijoritajiet, esiġenzi u l-
mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru li
jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-kunsilli lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarux riċevimenti jew ikliet mill-ministeru tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Parlamentari li jaqa' taħtu fl-okkażjoni tal-Milied 1998 u l-ewwel tas-sena?
Jekk saru, meta saru?
Fejn saru?
Min ipprovda l-ikel u x-xorb?
Kemm ġiet tiswa l-ispiża totali?
Inġabru kwotazzjonijiet għall-imsemmija riċevimenti jew ikla?
Jekk inġabru kwotazzjonijiet, mingħand min inġabru?
Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-
informazzjoni mitluba kif ukoll iċ-ċifri paragunabbli għas-
sena l-oħra. Huwa nteressanti li wieħed jinnota li s-sena
l-oħra, l-ispiża rispettiva ta' kull riċeviment kienet
f'kull każ ogħla minn dik ta' din is-sena.
Fir-rigward ta' ġbir ta' kwotazzjonijiet, dan l-Uffiċċju ħa
ħsieb biex ħames riċevimenti jsiru minn caterers
differenti.
L-informazzjoni dwar il-Ministru bla portafoll u s-
Segretarji Parlamentari passati u preżenti għadha qed
tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti informazzjoni dettaljata kemm laħqet l-ispiża għall-istampar jew xiri ta' kartolini tal-Milied 1998 u kemm ġiet tiswa l-ispiża postali konnessa ma' dawn il-kartolini, kemm mill-ministeru, kemm mid-dipartiment li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment, kemm mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti u kemm mis-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-ministeru? Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn ġew stampati l-imsemmija kartolini? Jista' jgħid lil min intbagħtu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab ma nara l-
ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ingħataw rigali lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1998? Jekk ingħataw, jista' l-Prim Ministru jgħid lil min ingħataw u x'kienet r-raġuni ta' l-għażla ta' dawn l-individwi? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet tlaħħaq l-ispiża totali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma ngħataw ebda rigali minni lil xi individwi fl-okkażjoni
tal-Milied 1998 minħabba l-kariga tiegħi. Barra minhekk,
ninsab infurmat li lanqas jirriżulta li ngħata xi rigal
għall-istess okkażjoni mill-Ufficcju tiegħi.
Jista' l-Prim Ministru jara x'jista' jsir biex jiġu kkonsidrati l-ilmenti ta' dawk li jaħdmu mar-Revenue Security Corps (RSC) li jsostnu li t-tmexxija ta' dan il-Korp qed issir b'mod erratiku u spiss jinbidlu sistemi ta' xiftijiet u ħinijiet ta' xogħol b'detriment għall-membri tar-RSC u tax-xogħol innifsu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li matul dawn l-aħħar xhur kien hemm ilment
wieħed biss li tressaq bil-miktub minn membru tar-Revenue
Security Corps (RSC) rigward talba għal tibdil fir-roster
ta' l-għassa. Dan l-ilment instab li ma kienx ġustifikat.
Ninsab infurmat ukoll li bħalissa qiegħed isir studju bir-
reqqa biex jiġu riveduti r-rwoli ta' l-RSC u f'dan l-
istudju qegħdin jittieħdu l-konsiderazzjonijiet kollha dwar
struttura, dmirijiet u sistemi ta' xogħol l-aktar
addattati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4625, ma jidhirlux il-Prim Ministru li wasal iż-żmien li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tibda tinġabar l-istatistika mitluba bil-għan li jkollna indikazzjonijiet aħjar dwar x'qed jiġri f'dan il-qasam?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi qed tiġi eżaminata s-sistema
komputerizzata li qed titħaddem fil-Qorti (CORTEX) biex din
tkun tista' tiġi wżata għall-ġbir ta' aspetti ta'
statistika, li bħalissa għad mhix qed tinġabar.
Ministri/segretarji parlamentari — Karozzi uffiċjali
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min jista' jagħmel użu mill-karozza uffiċjali tal-ministri u segretarji parlamentari, kif ukoll mit-tieni karozza li jagħmlu użu minnha l-ministri u s-segretarji parlamentari?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-karozzi msemmija huma għall-użu
personali tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari u meta
ma jkunux qed jużawhom, huwa fil-ġudizzju ta' kull Ministru
u Segretarju Parlamentari li jara min u għalfejn jista'
jużahom temporanjament.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk kemm-il darba huwiex qed jiġi kkonsidrat li jiżdiedu l-impjegati li jaħdmu fil-Qrati Superjuri u Inferjuri?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi bħalissa qed isir studju mill-MEU dwar
l-amministrazzjoni kollha tal-Qorti. Il-kwestjoni dwar il-
possibbilta' ta' żieda fin-numru ta' impjegati fil-Qrati
tiġi kkunsidrata fid-dawl tar-rapport li tagħmel l-MEU.
Nista' inżid li n-numru ta' persuni mpjegati fil-Qorti huwa
attwalment ta' 306.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġiet tiswa l-ispiża għat-tiswija ta' Triq San Mikiel fil-konfini bejn il-Fgura u Raħal Ġdid?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli huma
korpi statutorji ta' Gvern lokali.
Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onorevoli Membru li
jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
Peress li x-xogħlijiet meħtieġa fuq l-għalqa Ta' Kola fir-Rabat, Malta għadhom pendenti u peress li għadda żmien ġmielu mindu l-Prim Ministru wieġeb fil-ħin tal-mistoqsijiet tal-Kamra għal domanda supplimentari tiegħi li se jara x'inhuma l-problemi kawżati peress li hemm talba quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar li ilha pendenti mill-1995, jista' l-Prim Ministru jinformani bl-iżviluppi tal-każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għadha qed
issib xi oġġezzjonjiet għal xi partijiet tal-pjanta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jintroduċi xi innovazzjonijiet amministrattivi u/jew leġislattivi fis-sistema tal-master li qegħda titħaddem fil-Qrati Superjuri?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern eżamina diversi rapporti dwar studji li saru minn
mindu ġiet imwaqqfa s-sistema tal-Master u anki żamm
diskussjonijiet mal-partijiet kollha nvoluti, fosthom il-
Law Advisory Committee.
Waqt illi jidher illi hemm ħtieġa ta' xi inizjattivi ġodda,
f'dan il-qasam, il-Gvern jidhirlu li hu essenzjali li qabel
xejn ikun hemm qbil mill-istituzzjonijiet kollha konċernati
dwar is-suġġerimenti magħmula.
Il-Prim Ministru ma jaħsibx li sabiex tiġi solvuta parzjalment il-problema ta' l-ispazju fil-qorti u sabiex tiġi evitata l-konġestjoni ta' nies fil-kuriduri tal-qorti, xi kawżi tad-distretti jibdew jinstemgħu ġewwa d-distretti minflok fil-bini tal-qorti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħalma naħseb li diġa jaf l-Onor Interpellant, waħda mill-
miżuri tal-proċess devoluzzjonarju lejn il-Kunsilli Lokali
hija dik li ċerti kawżi ta' offiżi depenalizzati jibdew
jinstemgħu fi tribunali li se jitwaqqfu f'diversi
lokalitajiet u mhux iżjed fil-bini tal-Qorti. Ninsab
infurmat li t-tħejjijiet għal dan huma fi stadju avvanzat
sew.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma u liema kienu l-maġistrati u mħallfin li ngħataw xogħol ta' reviżjoni ta' atti notarili bejn l-1992 u l-1998? Jista' jgħid kemm-il att notarili ġie riferut lil kull ġudikant individwali? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas fuq kull att?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta tingħata
f'xi seduta oħra peress li l-informazzjoni mitluba għadha
qed tinġabar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm baqa' kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji li għadhom lanqas ġew appuntati? Jista' jgħid kemm ġew maqtugħa? Jista' jagħti tagħrif dettaljat ta' x'rimedji ingħataw? Jista' jgħid kemm ġew kkanċellati u differiti sine die u kemm minn dawn reġgħu ġew irrapportati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
In-numru totali ta' applikazzjonijiet li daħlu quddiem it-
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji sal-11 ta'
Marzu 1999 huwa 1339, tnejn minnhom għar-ritrattazzjoni.
Din il-figura hija maqsuma kif jidher fit-tabella li qed
inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra tagħrif fil-
qosor dwar il-kawżi deċiżi kif ukoll listi tal-kawżi
kanċellati, sine die u riappuntati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li suldati li jkunu duty ħdejn il-bieb tal-Palazz issirilhom partition pulita biex ikunu għal kenn l-aktar fi ġranet kesħin tax-xitwa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f'Jannar 1997, meta l-Armata kienet
għadha responsabbli għas-sigurta fil-Parlament, l-Armata
kienet intalbet tikkonsidra din il-possibbilta.
Madankollu, kien ġie deċiż mill-Armata li ma titpoġġiex xi
forma ta' sentry box fid-daħla prinċipali tal-Palazz.
Waħda mir-raġunijiet għal dan kienet li s-suldat li jkun
qed jaqdi dmirijiet ta' sigurta fil-Palazz huwa obbligat
li joqgħod fil-bieb prinċipali tal-Palazz u allura ma kienx
ikun jagħmel sens li titpoġġa sentry box meta s-suldat ma
jistax joqgħod fiha.
Tajjeb li jingħad ukoll li s-suldat li jkun għassa fil-bieb
prinċipali jitbiddel ma ieħor minn ħin għal ħin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min suppost jiffirma r-riżultati wara l-għażla li ssir minn bordijiet li fihom ikun hemm rappreżentant tal-PSC biex jagħtu promozzjonijiet fis-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li r-riżultati li għalihom għamel riferenza l-
Onorevoli Interpellant jiġu ffirmati mis-Segretarju tal-
Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.