Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati tal-gvern li għandhom karozza tal-gvern? Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet u l-gradi ta' dawn il-persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-impjegati tal-Gvern fid-dipartimenti li jagħmlu parti mill-Ministeru tiegħi u li għandhom karrozza tal-Gvern jew tal-kiri huma:
Is-Segretarju Permanenti, is-Segretarju tal-Kabinett u l-ex-Segretarju tal-Kabinett, Diretturi Ġenerali, Diretturi, ir-Registratur tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji, il-Kap tas-Sezzjoni Difiża, u dawk il-persuni fis-Segretarjat Privat li huma ntitolati għall-karozza skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta' Novembru 1998.
Fil-Forzi Armati, Uffiċjali l' fuq mir-rank ta' Logutenent Kurunell għandhom karozza b'sewwieq għal xogħol u attendenzi uffiċjali.
Rigward impjegati f'Ministeri oħra, nitlob lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri individwalment.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3737, fejn l-informazzjoni mitluba skond il-Prim Ministru għadha qed tinġabar? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta' l-irċevuti ta' l-infiq li diġa' ta risposta dovuta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tad-domanda.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, ninforma lill-Onor Interpellant li sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed jagħmel din it-talba, ma narax l-iskop li wieħed joqgħod ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji ta' l-irċevuti.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5004 dwar il-post ta' assistant director fi ħdan is-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta' l-għażla għal Assistenti Diretturi inbeda.
Naturalment wieħed japprezza li din hi l-ewwel darba li qiegħed isir dan il-proċess u għalhekk irid ċerta attenzjoni u galbu. Hemm il fuq minn 1,100 applikazzjoni u jridu jinħatru 'l fuq minn 130 bord ta' l-għażla.
B'danakollu, kif weġibt fil-mistoqsija numru 5004 qiegħed isir kull sforz biex l-intervisti jibdew fil-futur qarib.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiftħu vakanzi ta' suldati mal-Forzi Armati? Jekk iva, meta huwa l-pjan? Kemm huma kkalkolati li jidħlu? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hijiex se tiġi kkonsidrata l-waiting list li hemm bħalissa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li qed isiru tħejjijiet sabiex jiġu ingaġġati madwar mitt rekluta mal-Forzi Armati ta' Malta fix-xhur li ġejjin. Id-dħul ta' suldati ġodda ser isir permezz ta' eżami kompettitiv li jkun segwit b'ezamijiet fiżiċi u mediċi u b'intervista. Kull min hu interessat kif ukoll dawk kollha li isimhom diġa jidher fuq il-waiting list u jissodisfaw il-kundizzjonijiet tas-sejħa ikunu jistgħu japplikaw.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1817?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-persuni li qegħdin jaqdu d-dmirijiet tagħhom fis-Segretarjat Privat tiegħi u li magħhom it-termini ta' l-ingaġġ ġew konklużi huma għaxra.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant. L-Allowances li qegħdin jirċievu dawn l-impjegati huma dawk li jidhru fid-Dokument approvat mill-Kabinett u li tiegħu tpoġġiet kopja fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta preċedenti.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi dettalji dwar staff f'Segretarjati Privati oħra, nistiednu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 6557, il-Prim Ministru jara li r-risposta taqbel mad-domanda ta' l-Onor. Anġlu Farrugia, liema domanda mhux qed tmur kontra l-prinċipju ta' sikurezza dwar ħażna ta' armi u munizzjon, imma saret minħabba li fid-Depot tal-Mosta (AFM) qegħdin fil-fatt jiġu maħżuna flimkien armi awtomatiċi u munizzjon? Jista' l-Ministru jara li din is-sitwazzjoni għandha tiġi rimedjata mmedjatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6557, nikkonferma l-prinċipju dwar il-ħażna ta' armi u munizzjon hu li kemm jista jkun, dawn jinżammu separati minn xulxin.
Ninsab infurmat li l-prinċipju msemmi qed jiġi osservat mill-Forzi Armati u filwaqt li minħabba raġunijiet ta' sigurta ma naħsibx li għandhom jiġu pubblikati dettalji, nistieden lill-Onor Interpellant biex jekk irid, nikkommunikalu l-informazzjoni, privatament.
B'riferenza għall-applikazzjoni ta' post ta' assistent kap ta' skola (skejjel primarji) permezz tas-sejħa għall-applikazzjoni nru DFA 16/98, jista' l-Prim Ministru jgħid: 1) x'kienu l-kriterji oriġinali approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għal dawn l-interviews? 2) x'kienu l-kriterji adottati unilaterlament mill-bord ta' l-għażla? 3) kienx hemm raġunijiet oħra barra mill-bdil, fil-kriterji l-għala l-eżerċizzju tas-selezzjoni ġie annullat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ġejt infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, b'dan li ġej:
Il-kriterji li ġew approvati mill-Kummissjoni, fuq ir-rakkomandazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta' l-Edukazzjoni kienu dawn:
Suitability for post 60
Personality 40
Addi tional Qualifications 20
Relevant Work Experience 40
Professional Commitment 40
200
Pass Mark 100
Bħall ma tagħmel f'kull każ, il-Kummissjoni ppubblikat dawn il-kriterji fin-Notice Board ta' l-Ufficcju tagħha fl-1 ta' Lulju 1998, ie: qabel saru l-interviews.
Il-Kummissjoni hi tal-fehma li ġaladarba dan il-proċess ta' l-għażla ġie annullat, m'għandhiex tingħata aktar informazzjoni dwar dan il-proċess.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif għandu jkun kompost board li jagħmel interviews għad-dħul fi gradi dipartimentali f'dipartiment tal-gvern? Jista' jkun hemm board li ma jkun fih ebda rappreżentant mid-dipartiment jew ministeru konċernat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li:
kull bord ta' l-għażla jkun kompost minn Chairman u numru ta' membri li jinkludi rappreżentant tal-Management and Personnel Office. Fejn il-vakanza tkun waħda teknika, wieħed mill-membri għandu jkun kwalifikat fis-suġġett;
in-nominazzjonijiet isiru mill-Kap tad-Dipartiment u jiġu approvati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jkunu l-kondizzjonijiet u l-benefiċċji li se jgawdu dawk li se jikkwalifikaw għal ħatra ta' Assistent Direttur fis-Servizz Ċivili b'Performance Agreement għal ħames snin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi dawk l-Uffiċjali Pubbliċi li jintagħżlu biex jimlew pożizzjonijiet ta' Assistent Direttur u li jkunu fi grad ta' skala ta' salarju anqas minn Skala 5 jiġu, fl-istess waqt, appuntati bħala Uffiċjal fi Skala 5.
Barra minn hekk, Assistenti Diretturi jingħataw Performance Agreement ta' ħames snin u jkunu ntitolati għal Performance Bonus fuq l-istess kriterji u arranġamenti, b'xi modifikazzjonijiet, li jeżistu għal Diretturi iżda ma jkunux intitolati għal perkwiżiti oħra applikabbli għal pożizzjonijiet ta' Direttur.
Meta jagħlaq iż-żmien tal-kuntratt, Assistenti Diretturi, jekk ikunu qdew dmirhom tajjeb, jistgħu jingħataw estensjoni tal-kuntratt. Fil-każ li ma jerġgħux jingħataw kuntratt ieħor, dawn l-uffiċjali pubbliċi jmorru għall-grad sostantiv tagħhom bħala Uffiċjali fi Grad 5 u jingħataw xogħol konformi ma dak il-grad.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-applikazzjoni relattiva.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi fi skala 5, 4 u 3 li ma ħadu ebda bonus skond l-aħħar award li ngħatalhom mis-Segretarju Permanenti rispettiv tagħhom?
Kemm kien hemm li ħadu 15%, 10% u 5% skond kull kategorija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant tinsab fuq tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'każ li direttur imexxi proċeduri ta' dixxiplina kontra impjegat tal-gvern li magħhom ma jaqbilx is-Segretarju Permanenti x'għandu jsir:- (a) jekk is-Segretarju għandux id-dritt li arbitrarjament jagħti struzzjonijiet biex jimblokka dawn il-proċeduri; (b) inkella għandux is-Segretarju Permanenti li jkun jagħmel ir-rimarki tiegħu bil-miktub hu jitla' jixhed fil-każ; u (ċ) inkella x'suppost jagħmel is-Segretarju Permanenti biex ikun qiegħed jimxi bil-ħaqq u bil-ġustizzja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hija l-prerogattiva tal-Kap tad-Dipartiment li jieħu passi ta' dixxiplina kontra l-impjegati tiegħu, u għalhekk is-Segretarju Permanenti m'għandux dritt jimblokka l-proċeduri. Iżda jekk is-Segretarju Permanenti jkun irid jagħmel xi sottomissjonijiet lill-Bord tad-Dixxiplina kemm bil-miktub kif ukoll jixhed waqt is-smiegħ tal-każ, ir-regolamenti ma jipprekludux li jingħata din il-faċilita.
Dipartimenti/Direttorati — Proċeduri ta' dixxiplina
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-Dipartimenti/Direttorati li jaqgħu taħt id-diversi Ministeri, li jsegwu l-proċeduri ta' dixxiplina huma stess?
Jista' l-Prim Ministru jgħid, f'kull każ, kemm inbdew proċeduri ta' dixxiplina fis-snin 1997, 1998 u 1999 sa l-aħħar ta' Frar?
Liema huma dawk id-dipartimenti/direttorati li ma jsegwux id-dixxiplina huma stess u f'dawn il-każi min jieħu ħsieb il-proċeduri tad-dixxiplina?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għar-rigward ta' l-ewwel u t-tielet parti tal-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi d-Dipartimenti kollha tal-Gvern isegwu l-istess proċedura ta' dixxiplina li hija dik stipulata fir-Regolamenti ta' l-1977 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina).
Dawn ir-Regolamenti jagħmlu distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta' każijiet ta' dixxiplina li huma:
każijiet dwar offiżi minuri li jiġu nvestigati mill-Kap tad-Dipartiment u;
każijiet dwar offiżi meqjusa serji li jiġu nvestigati mill-Bord ta' Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant rigward it-tieni parti tal-mistoqsija qiegħed jingħata fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni dawk l-uffiċjali pubbliċi f'Malta li minn Assistent Prinċipal laħqu Prinċipal b'effett mid-9 ta' Ottubru, 1998 l-appointment tagħhom irċevewh fit-22 ta' Frar, 1999, filwaqt li dawk li qegħdin posted f'dipartimenti f'Għawdex l-appointment tagħhom għadhom ma ħaduhx?
Għand min qegħdin miżmuma dawn l-appointments u għal-liema raġuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat illi l-ittri tal-ħatra ta' Principal tqassmu kollha.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati taċ-Ċivil li ġew maħtura Assistenti Diretturi, Acting Directors, Diretturi, Diretturi Ġenerali, eċċ minn Ottubu 1998 sa Frar 1999?
Min huma? F'liema dipartimenti huma? X'kariga ngħataw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra erba skedi li jagħtu dettalji dwar ħatriet li ngħataw bejn Ottubru 1998 u Frar 1999 kif ġej:
1.Ħatriet ta' Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi;
2.Ħatriet ta' Agenti Diretturi;
3.Ħatriet ta' Assistenti Diretturi fid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni;
4.Tiġdid ta' Ħatriet ta' Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi.
Peress li jidher li reġa' kien hemm dewmien fil-għadd tal-voti tal-kunsilli lokali f'Ta' Qali, jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minn dak li kienet qalet il-Kummissjoni Elettorali li l-għadd tal-voti isir fil-lokalita' stess fejn issir l-elezzjoni? Hemm xi ħsieb li dan isir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissjoni elettorali jidrilha li ma kienx hemm dewmien fl-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali fl-elezzjonijiet li saru fit-13 ta' Marzu, 1999.
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni Elettorali, wara konsultazzjoni u bi ftehim mad-delegati tal-partiti, iddeċidiet li l-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali jsir f'post wieħed f'Ta Qali minħabba li sa issa għad m'hemmx riżorsi u persuni kompetenti biżżejjed biex il-proċess ta' l-għadd tal-voti jkun jista jitmexxa u jsir fil-lokalita' stess.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus fl-organizzazzjoni ta' l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali li saru fit-13 ta' Marzu, 1999? Jista' jagħti breakdown ta' kif sar l-infiq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-ispejjez li ntefqu fl-organiżazzjoni ta' l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, għada qegħda tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il ħaddiem fil-grad ta' AWTS (Awżiljarji) hemm preżentement fis-servizz pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn qed jaħdmu preżentement? Kemm hemm minnhom nisa u kemm irġiel? Ma jidhirlux il-Prim Ministru li issa wasal iż-żmien, lejliet il-millennju l-ġdid, li dawn il-ħaddiema jiġu offruti impjieg mal-gvern, l-iktar fid-dawl li jirriżulta li dawn il-ħaddiema diġa' qed jitħallsu mill-fond tal-gvern u jidher lin-numru tagħhom huwa relattivament żgħir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li preżentement in-numru ta' ħaddiema li daħlu mal-Gvern wara l-31 ta' Awissu 1991, u li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għalihom bħala AWTS, huwa ta' 89, li minnhom 67 huma irġiel u 22 nisa.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, lista li turi f'liema Dipartiment qed jaħdmu dawn il-ħaddiema.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub li jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2699.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li dan l-aħħar il-Gvern xtara numru ta' karozzi tal-marka BMW? Jekk inxtraw, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm laħqet l-ispiża? Għal-liema skop inxtraw? Minn min se jintużaw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ma nxtrawx karozzi tal-marka BMW fid-dikasteru tiegħi.
Rigward xiri minn Ministeri oħra nitlob lill-Onor Interpellant jistaqsi lill-Ministri direttament.
Onor. Alfred Sant — Dibattitu dwar l-ekonomija u l-finanzi
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4627, fejn il-Prim Ministru qal li: "Ġiet introdotta mill-ġdid il-VAT, taxxa li mhux biss se tiggarantixxi dħul ġust u neċessarju għal gvern imma neħħiet spejjeż żejda minn fuq in-negozju", jista' l-Prim Ministru jgħid hux konxju taż-żieda esaġerata fil-prezzijiet li l-anzjani, ż-żgħażagħ, dawk li jgħixu bl-għajnuna soċjali u l-familji kollha bi dħul baxx u medju, qed iħabbtu wiċċhom magħha malli ġiet introdotta l-VAT?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4298 u għar-rapport dwar l-impatt soċjali tal-VAT li kien poġġa fuq il-Mejda ta' din il-Kamra ftit ilu l-Onorevoli Ministru tal-Finanzi.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5003 dwar eżamijiet għal grad ta' executive officer, jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħsieb hemm għal dawk il-clerks li daħlu fis-Servizz Pubbliku wara li kien sar il-ftehim dwar il-General Service Grades? Peress li skrivani li daħlu mis-sena 1994 'l hawn skond il-ftehim imsemmi hawn fuq jitilgħu fi skala 15 wara ħames snin servizz u fi skala 14 wara ħames snin oħra ta' servizz, għaxar snin kollox, u jibqgħu mblukkati hemm għal dejjem waqt li skrivani li daħlu sena qabel u oħrajn li daħlu qabel għandhom l-opportunita' li jitilgħu l-grade ta' executive officer, assistant principal, eċċ. wara ċertu żmien fil-grade ta' clerk, jirdhirlu l-Prim Ministru li dawk li daħlu fis-Servizz Pubbliku fl-1994 qed ikunu mblukkati? Fid-dawl ta' dan kollu, ma jidhirlux il-Prim Ministru li din l-anomalija għandha tiġi rranġata jew b'eżami ntern għall-executive officer jew bi promozzjoni permezz tas-servizz bħal dawk ta' qabilhom? Ma jaħsibx il-Prim Ministru li b'dan l-atteġjament preżenti żgħażagħ mhux qed jaspiraw li jidħlu jservu fil-gradi ta' clerk fis-Servizz Pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-prinċipju ewlieni għal Servizz Pubbliku aħjar huwa illi l-ħatriet kollha jsiru permezz ta' kompetizzjoni u mhux aktar awtomatikament wara numru ta' snin.
Din is-sistema, aktar milli timblokka, tagħti opportunitajiet aħjar għal dawk l-impjegati kollha illi jkun jridu u li huma kapaċi jaslu għal gradi għola fis-Servizz Pubbliku.