Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4159 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili/Korporazzjonijiet — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3645, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt jew fuq bażi part-time, casual fil-perijodu: (1) bejn 1989 - 1996; (2) mill-1996 sa l-1998; u (3) minn 1998 s'issa? F'liema kapaċitajiet/gradi ġew ingaġġati dawn in-nies u kemm huma stmati s-salarji globali tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jindika meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li mill-informazzjoni li tinġabar f'dan l-Uffiċċju, tista tingħata dik li qiegħda miġbura f'tabella u listi li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. It-tabella turi n-numru ta' kuntratti ġodda li saru matul is-snin imsemmija, u n-numru ta' persuni li kienu jaħdmu fuq bażi part-time jew każwali kif kienu fl-aħħar ta' kull sena. Il-listi mehmuża mat-tabella juru l-kuntratti ġodda li saru, sena b'sena, mill-1989 sal-1998. Jien infurmat ukoll li l-informazzjoni dwar kuntratti ġodda ma tinkludix dik ta' persuni li bħal issa qed jaqdu dmirijiet fis-Segretarjati Privati tal-Ministri u Segretarji Parlamentari minħabba li l-proċess biex jiġu ffirmati dawn il-kuntratti għadu mhux konkluż.
Leg 9 PQ #5673 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Maġistrati/imħallfin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma u liema kienu l-maġistrati u mħallfin li ngħataw xogħol ta' reviżjoni ta' atti notarili bejn l-1992 u l-1998? Jista' jgħid kemm-il att notarili ġie riferut lil kull ġudikant individwali? Jista' jgħid kemm huwa l-ħlas fuq kull att?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'referenza għall-ewwel parti tal-Mistoqsija qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopji ta' Avviżi fil-Gazzetta tal-Gvern li fihom jidhru l-ismijiet ta' Imħallfin u Magistrati li ġew nominati bħala Viżitaturi tal-Qorti ta' Reviżjoni ta' l-Attijiet Nutarili għas-snin 1992-1998. Iżda, ma nistax ngħid kemm-il att nutarili ġie riferut lil kull ġudikant individwali billi skond il-liġi huwa l-ġudikant reviżur li jitlob lin-nutar li tiegħu jkun viżitatur biex jipproduċi l-atti u dawk id-dokumenti l-oħra li huma soġġetti għall-viżta. Il-ħlas huwa ta' 75 ċentenzmu għal kull att u Lm2 għal kull volum.
Leg 9 PQ #5910 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fis-Servizz Ċivili fil-gradi ta': Director General, Directors in Scale 4, Directors in Scale 5, Officers in Scale 5, Officers in Scale 4, Assistant Directors, Senior Principals, Principals in Scale 7, Principals in Scale 8, Principals in Scale 9, Principals in Scale 10, Assistant Principals, Executive Officers u Clerks?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda bid-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #6591 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Każi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid: (1) kemm kienu l-każi li ġew deċiżi mit-Tribnal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji? (2) Kemm minn dawn il-każi ġew deċiżi favur ir-rikorrenti? (3) F'liema data dawn ġew deċiżi mit-Tribunal u f'liema data dawn ġew attwati mill-gvern preżenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li, sa l-aħħar ta' April 1999, in-numru ta' każi li ġew deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji kien ta' 112. Minn dawn il-każi, 65 ġew deċiżi favur ir-rikorrenti. Ma din it-tweġiba, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, tabella li turi d-dati meta dawn il-każi ġew deċiżi mit-Tribunal flimkien mad-dati meta dan l-Uffiċċju ġie mgħarraf li r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal ġew implimentati. Fost il-każi fejn, fl-aħħar kolonna, m'hemmx data indikata, jista jkun hemm xi uħud li għalkemm fil-fatt, ġew implimentati, dan l-Uffiċċju jkun għadu ma ġiex mgħarraf b'dan mid-dipartiment jew l-organiżżazzjoni konċernati.
Leg 9 PQ #7072 Sitting 106 1999-05-25 Oral · Interim From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm irtiraw nies mis-Servizz Ċivili mill-1989, sena b'sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mir-records ikkomputeriżżati jistgħu jingħataw biss il-figuri għall-aħħar erba snin. Dawn huma kif ġej: Persuni li rtiraw mis-Servizz Pubbliku: fl-1995 423 fl-1996 442 fl-1997 544 fl-1998 485 D awn il-figuri ma jinkludux impjegati fuq kuntratt, part-timers, casuals u membri tal-Forzi Armati ta' Malta. Il-figuri għas-snin 1989 sal-1994 qegħdin jinġabru u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6413 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

DOI — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fid-DOI? Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li mill-1 ta' Jannar, 1999 kien hemm żewġ trasferimenti fid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni. Wieħed sar għal dak id-Dipartiment fuq talba ta' l-ufficjal involut u l-ieħor sar minn dak id-Dipartiment għal Dipartiment ieħor fl-Uffiċċju tiegħi skond l-esiġenzi tas-Servizz. Fil-futur qarib huwa mistenni li persuna oħra tiġi trasferita fuq talba tagħha stess.
Leg 9 PQ #6414 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 fil-Forzi Armati ta' Malta? Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-postings fil-Forzi Armati jsiru skond il-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari. Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u s-26 ta' April 1999 kien hemm 13-il posting bejn Reġiment u ieħor u 35 posting bejn Kumpaniji fl-istess Reġiment. Kien hemm ukoll trasferiment ta' tliet ħaddiema pajżana mill-Forzi Armati għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq it-talba tagħhom stess. Peress li l-Forzi Armati jiffurmaw Korp Dixxiplinarju, mhux ikkunsidrat prinċipju korrett li jingħataw raġunijiet għaliex iseħħ kull posting individwali. L-anqas ma wieħed għandu jistenna li jorbot lill-Forzi Armati dwar postings li jingħataw fil-futur qrib. Ċertament li dawn isiru dejjem skond il-kundizzjonijiet imsemmija iktar il-fuq u l-esiġenzi tas-Servizz. Tajjeb li wieħed jiftakar ukoll li l-membri kollha tal-Forzi Armati ngaġġaw volontarjament fis-servizz u r-Regolamenti dwar postings dejjem jiġu mgħarrfa lilhom minn qabel.
Leg 9 PQ #7038 Sitting 104 1999-05-24 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni — Każ dwar razzett

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega fejn wasal il-proċess ta' kumpens dovut lill-persuni, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, dwar ir-razzett tagħhom li dwaru kien hemm żewġ deċiżjonijiet kemm tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u kemm tal-Kummissjoni li tinvestiga l-Inġustizzji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għalkemm, kif għidt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1541, teżisti diffikulta dwar id-disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex li hija addattata għall-iskop in kwestjoni, ninsab infurmat li qed isiru laqgħat f'Għawdex bejn il-partijiet kollha konċernati biex tiġi identifikata biċċa art tal-Gvern f'Għawdex li fuqha jkun jista jinbena razzett kif rakkomandat mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji.
Leg 9 PQ #6382 Sitting 102 1999-05-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Forzi Armati mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi impjieg?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi, persuna waħda biss ġiet impjegata fil-Forzi Armati. Dan l-impjieg fil-fatt kien ri-ingaġġ ta' uffiċjal peress li l-individwu kien diġa serva fil-Forzi Armati għal madwar 6 snin u disa xhur qabel ma rriżenja fil-15 ta' Ottubru 1998. Dan l-ingaġġ seħħ fid-9 ta' Jannar 1999, wara li l-Forzi Armati rrakkomandaw it-talba ta' l-individwu, għax kien ta benefiċċju kbir għall-Armata minħabba il-korsijiet speċjaliżżati li kien għadda l-istess uffiċjal.
Leg 9 PQ #6747 Sitting 102 1999-05-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Laqgħat tal-Bord

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru laqgħat tal-bord tal-MITTS minn Ottubru 1998 sa April 1999? Min qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' CEO bħalissa? Kemm applikaw persuni għall-post ta' CEO tal-MITTS? Min ġie magħżul? Japprezza li n-nuqqas ta' sens ta' direzzjoni fil-MITTS qed tiddemoralizza lill-impjegati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-Bord tal-MITTS kellu erba laqgħat, li saru fuq sitt seduti fil-perjodu msemmi fil-mistoqsija, kif jidher hawn taħt: 83rd Board Meeting 22/12/98 u 29/12/98 84th Board Meeting 19/01/99 85th Board Meeting 24/02/99 u 08/03/99 86th Board Meeting 04/05/99 Minn Diċembru 1998 sa issa x-xogħol ta' CEO qiegħed jagħmlu s-Sur Ray Navarro, Divisional Manager, Corporate Strategy u Customer Relations. Għall-post ta' CEO kien hemm 21 applikant. Bħalissa qed isiru negozjati mal-persuna li ġiet identifikata għal dan il-post.
Leg 9 PQ #6156 Sitting 101 1999-05-18 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Interviewing Board — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li l-membri ta' l-interviewing boards għall-ingaġġ ta' ħaddiema mal-gvern, ma jkunux gender biased?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi sa fejn hu possibli l-interviewing boards għall-ingaġġ ta' ħaddiema tal-Gvern ikun fihom membri rġiel kif ukoll nisa. Barra dan fit-2 ta' April 1990 il-Gvern kien ħareġ Linji Gwida, f'cirkulari apposta bin-numru 37/90, dwar kif għandhom jinżammu l-interviews biex ma jkunx hemm gender bias.
Leg 9 PQ #6030 Sitting 99 1999-05-17 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kostituzzjoni ta' Malta — Emendi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'emendi beħsiebu jagħmel għall-Kostituzzjoni ta' Malta peress li Artiklu sitta (6) ta' l-istess Kostituzzjoni u Artiklu ħamsa (5) tat-Trattat ta' Ruma (jew il-liġi ta' l-Unjoni Ewropea) huma konflinġenti peress li t-tnejn jagħtu lilhom infushom is-supremazija fuq liġijiet oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma hemmx u ma hu mistenni li jkun hemm xejn konfliġġenti bejn il-liġijiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kostituzzjoni ta' Malta. Għalhekk, ma għandux ikun hemm bżonn tibdil fil-Kostituzzjoni ta' Malta minħabba fl-adeżjoni ta' Malta għat-Trattat ta' Ruma u fl-addozzjoni min-naħa ta' Malta tal-liġijiet (direttivi etc) ta' l-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #6671 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skejjel Primarji — Assistenti Kapijiet

Question

Fil-każ ta' l-interviews li saru għall-ħatra ta' assistenti kapijiet fl-iskejjel primarji u li l-kummissjoni għas-servizz pubbliku ddeċidiet li tħassar u tordna li jsiru mill-ġdid, għaliex il-kummissjoni ma ħaditx passi qabel saru l-interviews peress li kellha rappreżentant tagħha fuq il-bord ta' l-interviews u ta' l-għażla u mhux ħalliet kollox isir u joħroġ ir-riżultat qabel ħassret il-proċess b'detriment għall-kredibbilta' ta' l-istituzzjoni nnifisha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ġejt infurmat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li hi ħadet id-deċiżjoni li tanulla l-interviews li saru għall-ħatra ta' Assistenti Kapijiet fl-Iskejjel Primarji hekk kif irriżultalha li l-kriterji ta' l-għażla li kienu proposti mid-Divizjoni ta' l-Edukazzjoni u approvati mill-Kummissjoni, ma ġewx osservati.
Leg 9 PQ #6835 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Armamenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid xi procurement ta' armamenti sar mill-awtoritajiet Maltin sena b'sena, mill-1996 'il quddiem?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jidhirlix li l-informazzjoni mitluba għandha tiġi ppublikata. Jekk l-Onor Interpellant għandu xi ħtieġa għall-informazzjoni din tista tingħata kunfidenzjalment.
Leg 9 PQ #6858 Sitting 98 1999-05-17 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti n-numru totali ta' impjegati fid-diversi dipartimenti tal-gvern, dipartiment b'dipartiment? F'liema dipartimenti u gradi hu maħsub li hemm ħaddiema nieqsa u f'liema, żejda?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bi tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda bl-informazzjoni mitluba kif kienet f'April. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat illi minn żmien għal żmien kull dipartiment ikun over jew under complement. Fil-każ ta' l-ewwel isiru arranġamenti għal re-deployment u fil-każ tat-tieni, fejn hu assolutament neċessarju, jittieħdu passi biex il-vakanzi jimtlew.
Leg 9 PQ #5349 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-gvern mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-aħħar ta' Frar 1999, daħlu jaħdmu mal-Gvern 475 persuna. Minn dawn, 201 kienu ħatriet li ġew rakkomandati qabel il-5 ta' Settembru 1998.
Leg 9 PQ #5362 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu r-riżultati dwar it-tħaffir għaż-żejt ġewwa Kerċem, Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif intqal fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fil-15 ta' Marzu 1999, ġiet studjata il-possibilita li jsiru nterventi fil-bir bil-għan li tista tiżdied il-produzzjoni tal-gass li nstab waqt il-provi. Intervent ta' din ix-xorta qed isir bħalissa permezz ta' tħaffir ta' toqba oriżżontali fiż-żona fejn instab il-gass. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sa l-aħħar ta' Mejju.
Leg 9 PQ #5835 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Interim From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Elezzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew finanzjarjament l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-ispejjez li ntefqu biex setgħu jinżammu l-eleżżjonijiet tal-Kunsilli Lokali li saru nhar is-Sibt 13 ta' Marzu, għada qegħda tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #5945 Sitting 95 1999-05-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma n-nies seconded mal-Ministeru tiegħu u minn liema entita' ġejjin? Jista' jgħid x'salarju qed jirċievu u x'allowance qed jirċievu? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn huma appuntati f'bordijiet u f'kumitati u xi ħlas qed jirċievu għal dan l-appointment? Jista' jgħid f'liema bordijiet qegħdin dawn l-individwi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hemm Office Attendant mad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni li kien ġie seconded mill-Awtorita tax-Xandir fl-1983. Is-salarju li jirċievi huwa ta' Lm3817 fis-sena u ma qiegħed fuq ebda bord jew kumitat.
Leg 9 PQ #5856 Sitting 94 1999-05-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Kartolini tal-Milied

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 3738 peress li din tikkonċerna infiq ta' fondi pubbliċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Interpellant għar-risposta għall-mistoqsija Numru 3738.