Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7652 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta dawn l-uffiċjali pubbliċi li għandhom bżonn jaħdmu sigħat imnaqqsa jistgħu jibdew jagħmlu hekk skond il-ftehim kollettiv iffirmat is-sena l-oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi s-sistema ta' sigħat imnaqqsa għall-ħaddiema tal-Gvern ġiet fis-seħħ f'dawn il-ġranet. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra linji gwida ta' kif ser titħaddem din is-sistema. Dan id-dokument juri wkoll min hu ntitolat japplika biex jaħdem fuq sigħat imnaqqsa.
Leg 9 PQ #7653 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kon Kattidral Ta' San Ġwann — Fondazzjoni

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5360, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm żviluppi dwar it-twaqqif tal-Fondazzjoni għall-Kon Kattidral ta' San Ġwann, imħabbra fid-diskors tal-budget?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li qed tittieħed azzjoni dwar problemi legali u tekniċi li għad hemm, fosthom l-għibien minn dan l-Uffiċċju fi żmien il-gvern preċedenti ta kopja ta' inventarju sħiħ ta' l-oġġetti sagri tal-Kon-Katidral ta' San Gwann. Nassigura lill-Onor Interpellant li kemm il-Gvern kif ukoll il-Kapitlu tal-Katidral għadhom jaqblu mat-twaqqif tal-Fondazzjoni. Nieħu gost li l-Onor Interpellant qed tieħu daqstant interess speċjalment meta l-gvern li kienet tifforma parti minnu hi, ffriża dan il-proċess għal sentejn.
Leg 9 PQ #7714 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Interim From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5349, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartimenti daħlu jaħdmu il-475 persuna u f'liema grad daħlu jaħdmu? Kemm minnhom kienu jirreġistraw ma' l-ETC qabel ma ddaħħlu jaħdmu mal-gvern? Mill-interviewing board kollha fiċ-Ċivil, x'persentaġġ ta' dawn in-nies fuq dawn il-boards huma nisa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Ninsab infurmat li f'dan l-Uffiċċju ma jinżammux dettalji dwar jekk min jidħol fl-impieg mal-Gvern ikunx qabel qiegħed jirreġistra ma l-ETC jew le. Għal dak li jirrigwarda interviewing boards, dawn jinbidlu għal kull post li jimtela permezz ta' għażla, u din ilha l-prassi għal snin twal. Għalhekk mhux possibli jingħataw figuri tal-boards kollha kif mitlub. Tajt struzzjonijiet, iżda, biex tinġabar informazzjoni dwar il-boards li nħatru dawn l-aħħar sitt xhur. Din l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #6621 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu minn mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi li turi: (i)il-karigi tagħhom; (ii)it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta' mobile; u (iii)id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum Engagement of Staff in Private Secretariats li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Nterpellant huma kollha konformi ma dak imnizzel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li mhemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organiżazzjoni parastatali.
Leg 9 PQ #7329 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qrati — Proposta ġdida dwar il-qrati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6953?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naqbel ma l-implikazzjoni tal-mistoqsija ta' l-Onor Interpellant li l-Lista ta' Preċedenza approvata mill-Gvern li kien jifforma parti minnu hu, mhix aċċettabbli.
Leg 9 PQ #7415 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħabs Ċivili — Supervisors

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6813 fil-5 ta' Mejju, 1999, jista' l-Prim Ministru jgħid x'qiegħed iżomm il-Public Service Commission milli tapprova r-rapport tal-Bord ta' Selezzjoni għal supervisor fil-Ħabs li skond informazzjoni li għandi ilu għandha 11-il xahar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi: ir-rapport tal-Bord ta' l-Għażla għall-post ta' Supervisor Korrettiv fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin li jġib id-data tat-2 ta' Ġunju 1998, wasal għand il-Kummissjoni fil-11 ta' Ġunju 1998; jirriżulta li kien hemm korrispondenza għaddejja bejn il-Minsteru ta' l-Intern u l-Uffiċċju tiegħi rigward jekk kellhomx jimtlew postijiet ta' Supervisor u n-numru ta' vakanzi; fit-2 ta' Diċembru 1998, il-Ministeru ta' l-Intern informa lill-Kummissjoni li l-proċeduri kellhom jinżammu pendenti sakemm tittieħed deċiżjoni; fid-29 ta' April 1999 il-Kummissjoni rċeviet ir-rakkomandazzjoni tal-Kap tad-Dipartiment biex jimtela post ta' Correctional Supervisor; l-Uffiċċju tiegħi ivverifika din ir-rakomandazzjoni fit-13 ta' Mejju 1999; il-Kummissjoni approvat ir-rapport tal-Bord ta' l-Għażla u ppublikatu fil-21 ta' Mejju 1999; ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għall-mili ta' dan il-post saret fl- 24 ta' Mejju 1999 u jien iffirmajtha fis-27 ta' Mejju 1999.
Leg 9 PQ #7431 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEU — Vakanzi

Question

Fl-aħħar ta' Diċembru 1998 għalqu l-applikazzjonijiet għal vakanzi fl-MEU għal research analysts, associate consultants u consultants. Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna ġew magħżula f'kull waħda minn dawn il-kategoriji? Kemm minn dawk magħżula kienu diġa' jaħdmu mal-MEU, MITTS, l-MDC jew xi dipartiment tal-gvern? Kemm kien hemm applikazzjonijiet f'kull waħda mill-kategoriji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li s-sejħa li kienet saret għall-applikazzjonijiet biex jimtlew il-pożizzjonijiet imsemmija mill-Onor Kap ta' l-Oppożizzjoni kienet għal Consultancy Project Support Officers. Xi wħud mill-applikazzjoniijiet ma kienux għal xi pożizzjoni speċifika waqt li oħrajn kienu għal aktar minn pożizzjoni waħda. B'kollox intefgħu 112-il applikazzjoni. Ġew magħżula sitt persuni għall-pożizzjoni ta' Research Analyst, persuna waħda għall-pożizzjoni ta' Associate Consultant u persuna oħra għall-pożizzjoni ta' Consultant. S'issa għadu mhux konkluż il-proċess ta' ngaġġ u għaldaqstant l-informazzjoni mitluba dwar fejn jaħdmu dawn il-persuni, tkun tista tingħata meta jsir l-ingaġġ.
Leg 9 PQ #7488 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Kmandant

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta beda u meta se jagħlaq it-terminu tal-kariga tal-Kmandant ta' l-Armata Rupert Montanaro? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien il-performance rating tiegħu għas-sena 1998?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Brigadier Montanaro ingħata l-ħatra ta' Kmandant tal-Forzi Armati ta' Malta b'sehh mill-10 ta' Diċcembru 1996. Din il-ħatra mhux marbuta ma terminu speċifiku. Bħal kull membru tal-Forzi Armati li għandu 'l fuq minn ħamsa u ħamsin sena, il-Brigadier Montanaro jista jingħata estensjoni tas-servizz minn sena għal sena sal-massimu ta' wieħed u sittin sena. Ma jidhirlix li għandhom jingħataw dettalji dwar performance ratings individwali.
Leg 9 PQ #7490 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Membru

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk membru ta' l-Armata li isimu qiegħed jintbagħat separatament u li ntbagħat jagħmel kors ġo Sandhurst fl-Ingilterra, ntbagħatx lura? Għaliex intbagħat lura? Kif jintgħażlu l-persuni biex jsegwu kors ta' taħriġ barra minn Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-membru ta' l-Armata msemmi ntbagħat jagħmel kors f'Sandhurst l-Ingilterra f'Jannar li għadda. Dan il-membru ntbagħat lura Malta fil-bidu ta'Frar wara li kaġun ta' taħriġ intensiv tfaċċat injury qadima li hu kien sofra qabel ma daħal fis-servizz. Għaldaqstant, wara perjodu ta' konvalexxenza, dan l-individwu ġie suġġett għal Bord Mediku li rrakkomanda perjodu itwal ta' konvalexxenza sakemm jerġa jiltaqa il-Bord għall-aħħar ta' Ġunju 1999. Dan il-mod ta' l-għażla biex persuni jattendu korsijiet ta' taħriġ barra minn Malta, dan isir a bażi ta' adattabilita u Seniority. Dan ikun jiddependi wkoll minn numru ta' postijiet li jiġu offruti lil Malta minn pajjiżi ħbieb u, fuq kollox, meta jingħataw dawn l-istess vakanzi.
Leg 9 PQ #7491 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Membru

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk membru ta' l-Armata li ismu qiegħed jintbagħat separatament ġiex investigat fuq allegazzjonijiet ta' abbużi? X'kien l-abbuż? X'kien l-eżitu ta' l-investigazzjonijiet? X'azzjoni ttieħdet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li f'Lulju 1998 l-uffiċjal ġie nvestigat skond proċeduri tad-dixxiplina militari, instab ħati ta' l-akkuża miġjuba kontrih (Kondotta għad-detriment tal-bonordni u tad-dixxiplina Militari kontra Artiklu 74 ta' l-Att ta' 1970 dwar il-FAM) u weħel multa ta' Lm99. L-uffiċjal ġie wkoll posted għal xogħol u post differenti.
Leg 9 PQ #7492 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Fizzjal

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li saret investigazzjoni fl-Armata fuq fizzjal/bdot li ismu qiegħed jintbagħat separatament dwar abbużi fil-flying tours li kien qiegħed jilloġġja? Meta ġara l-każ u x'kien l-eżitu ta' l-investigazzjoni? Huwa minnu li l-każ ġie żvelat bis-saħħa ta' sorsi barranin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li qed isiru nvestigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet msemmija fil-mistoqsija. Għaldaqstant, billi l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin ma jidhirlix li hu korrett li jsiru stqarrijiet dwarha f'dan l-istadju.
Leg 9 PQ #7129 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — CEO

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi biex jiġi reklutat CEO għall-MITTS?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena infurmat li s-Sur Victor Vella AIMIS, FCCA, MBA ngħata l-ħatra bħala ċ-CEO il-ġdid tal-MITTS u li dan rrapporta għax-xogħol nhar it-Tnejn, l-24 ta' Mejju 1999. Is-Sur Vella intgħażel wara sejħa pubblika u proċess ta' għażla li saret mill-MITTS bl-assistenza kontinwa tal-kumpanija tal-konsulenza professjonali, PricewaterhouseCoopers. Is-Sur Vella li ilu jgħix barra minn Malta mill-1985 'l hawn, għandu esperjenza vasta ma' kumpaniji internazzjonali ta' l-informatika fl-Amerika u fl-Ewropa. Dan l-aħħar is-Sur Vella kien jgħix fl-Olanda.
Leg 9 PQ #7354 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għargħur — Super I TV

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1640, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'inhu l-iskop li għalih hemm pannell mwaħħal ma' l-arblu tal-Għargħur użat mill-Bank Ċentrali ta' Malta? Minn meta beda jintuża l-imsemmi pannell mill-Bank Ċentrali ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena mgħarraf li l-Bank Ċentrali ta' Malta għandu żewġ diapoles mwaħħla mat-torri ta' trasmissjoni fil-Għargħur. L-iskop ta' dan it-tagħmir hu biex igħin fil-kommunikazzjoni bir-radju li juża l-Bank. Dan l-apparat beda jintuża f'Ottubru 1992.
Leg 9 PQ #7357 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Vetturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-vetturi ta' l-AFM humiex koperti b'polza t'assigurazzjoni? Jekk le, f'każ ta' inċident stradali li jkun dovut għal negliġenza tas-sewwieq tal-vettura ta' l-AFM, min jagħmel tajjeb għal ħsarat? Dan ifisser li l-gvern huwa bilfors passibbli fil-Qorti għar-riżorċiment ta' danni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-vetturi tal-FAM mhumiex assigurati. F'każ ta' aċċident stradali li jirriżulta li seħħ ħtija tas-sewwieq militari, l-ispejjez kollha konnessi ma l-aċċident jitħallsu mill-FAM. Meta jkun hemm dubji ta' min hu t-tort, jew jekk ma jkunx tort tas-sewwieq militari, l-każ jista jiġi riferut lill-Qorti Ċivili, skond il-parir li jagħti l-Avukat tar-Repubblika.
Leg 9 PQ #7216 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Il-gvern għadu jemmen li d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji huma mandatorji u għandhom jitwettqu bilfors mill-gvern? Kemm hemm sentenzi li nqatgħu u li għadhom ma ġewx implimentati? Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tagħhom, każ każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Att ta' l-1997 dwar it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzja jipprovdi li jkun id-dmir tal-Prim Ministru li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal billi jistabbilixxi dawk il-proċeduri u jagħti dawk id-direttivi li jkunu meħtieġa għat-twettiq ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet. Ladarba din il-liġi ma nbidlitx, il-Gvern huwa tenut li jibqa jirrispettaha. Madankollu ma naħsibx li dan il-kliem ifisser li r-rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal iridu jitwettqu bilfors mill-Gvern, kif poġġiha l-Onor Interpellant fil-mistoqsija tiegħu. Fil-fatt iltqajna ma rakkomandazzjonijiet tat-Tribunal li jinvolvu ħatra pubblika u li, skond il-Kostituzzjoni ta' Malta, jeħtieġu r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. F'dawn il-każi, għalkemm il-Gvern ha dawk il-passi meħtieġa biex ir-rakkomandazzjoni tat-Tribunal tiġi mplimentata, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħasset li, għal raġunijiet validi, ma tistax tagħmel ir-rakkomandazzjoni taghha għal dan il-għan. Il-liġi ma ħasbitx għal eventwalita bħal din u, naturalment, deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħux jiġu mplimentati. Ninsab infurmat li, sal-20 ta' Mejju 1999, kien hemm 24 deċiżjoni tat-Tribunal li, s'issa, għadhom ma ġewx implimentati. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tagħhom, każ każ.
Leg 9 PQ #7243 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Auberge de Castille

Question

In vista ta' mistoqsija parlamentari numru 3678, jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ġewx stabbiliti l-ħinijiet u l-ġranet meta partijiet mill-Auberge de Castille se jkunu miftuħa għall-pubbliku u jekk le, jikkonsidrax li dawn ikunu miftuħa matul is-sajf?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għad ma kienx possibli li Auberge de Castille tiġi miftuħa għall-pubbliku kif issuġġerejt fir-risposta għad-domanda numru 3678 ta' l-Onor Interpellant. Iżda nittama li dan ikun jista jsir aktar tard din is-sena.
Leg 9 PQ #7309 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Bir tal-Madonna taż-Żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħidli x'xogħol u testijiet saru s'issa in konnessjoni mat-tħaffir tal-bir tal-Madonna taż-Żejt ġewwa Għawdex u x'riżultati ħarġu s'issa? Kemm ġiet tiswa l-ispiża s'issa, x'inhu pproġettat li fadal isir dwar tħaffir u testijiet qabel jiġi terminat kompletament ix-xogħol/testijiet? Kemm hi stmata l-ispiża totali sa meta jispiċċa x-xogħol kollu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għad-diversi tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari li saru s'issa rigward ix-xogħol, testijiet u spejjez fuq il-bir f'Għawdex, fosthom dawk numru 5959, 6077 u 5362. Ninsab infurmat li l-pożizzjoni preżenti dwar it-tħaffir u t-testijiet ma tbidlitx minn dik imsemmija fl-aħħar tweġiba mogħtija fil-11 ta' Mejju 1999 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5362. It-tħaffir tat-toqba oriżżontali li qed isir bħal issa, mistenni jintemm fi ftit jiem oħra u wara għandhom isiru testijiet. Sa issa l-ispiża ġiet tiswa madwar Lm10.680 miljun u mistennija tlaħħaq madwar Lm1 miljun ieħor sa meta jispiċċa x-xogħol kollu. Madwar Lm4.8 miljuni minn dawn l-ispejjez huma provduti taħt ir-Raba Protokol bejn Malta u l-Italja.
Leg 9 PQ #7316 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Impjegati

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jiġu ngaġġati suldati ġodda fl-AFM? Jekk iva, meta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li nirreferi għal diversi tweġibiet parlametari li tajt f'dan ir-rigward f'dawn l-aħħar xhur, għandi ngħid li ninsab infurmat li tħejjijiet biex jiġu ngaġġati rekluti mal-Forzi Armati ta' Malta permezz ta' eżami kompetittiv huma kważi kompluti. L-avviż dwar is-sejħa għall-applikazzjonijiet hu mistenni li jiġi ppublikat fil-Gazetta tal-Gvern fil-ġejjin qrib.
Leg 9 PQ #2992 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema maċ-Ċivil li temmew l-impjieg tagħhom matul l-1998? Xi gradi kellhom u f'liema dipartimenti kienu jaħdmu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2992, u għat-tweġiba tagħha li ngħatat fid-dsatax ta' Jannar 1999, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda aġġornata sa l-aħħar ta' Diċembru kif mitlub, bid-dettalji ta' dawk il-ħaddiema full-time fis-Servizz Pubbliku li temmew l-impjieg tagħhom matul l-1998.
Leg 9 PQ #3542 Sitting 109 1999-05-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mużewijiet/siti storiċi — Materjal informattiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'materjal konness mal-mużewijiet u siti storiċi tagħna ġie stampat mill-iStamperija tal-Gvern mill-1925 sal-ġurnata tal-lum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'żieda għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 3542, ġejt infurmat li mill-informazzjoni li teżisti fl-Istamperija tal-Gvern, ma ġiet stampata l-ebda pubblikazzjoni konnessa mal-Mużewijiet u siti storiċi f'dawn l-aħħar ħames snin.