Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni kemm daħlu ċittadini ta' nazzjonalita' Russa u mill-Ukrajna f'Malta xahar b'xahar din is-sena? Kemm minnhom kienu nisa? Dawn daħlu kollha bħala turisti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' Russa u Ukrajna li daħlu Malta matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienu kif jidher hawn taħt:
Xahar
Russi
Ukreni
Jannar
859
173
Frar
1,347
141
Marzu
883
175
April
2,698
308
Infurmat ukoll illi tagħrif dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ma jinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tissemma xi triq fl-Imġarr, Malta għas-Sur Randu Galea li kien l-ewwel membru parlamentari mill-Imġarr?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali Nru. 176 ta` l-1995, kull proposta ta` tismija jew bdil fl-isem ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita`, u għalhekk din il-proposta għandha tiġi indirizzata lill-Kunsill Lokali ikkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala proposta ta' isem ta' triq ġdida f'Pembroke ma ġietx milqugħa mill-kumitat għall-ismijiet tat-toroq, meta din it-triq tibda minn Pembroke u tispiċċa f'Pembroke?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Kumitat għat-Tismija tat-Toroq irċieva proposta mill-Kunsill Lokali ta' Pembroke għat-tismija tat-triq indikata, iżda minn stħarriġ li sar mill-Kumitat ma' l-Uffiċċju Elettorali irriżulta li għalkemm it-triq tibda u tispiċċa f'Pembroke, fin-nofs hemm parti sostanzjali li tagħmel mal-konfini ta' San Ġiljan. F'dan l-istadju il-Kumitat talab lill-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan sabiex jikkonsulta mal-Kunsill Lokali ta' Pembroke sabiex isir ftehim dwar l-isem propost.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru u l-valur tal-bejgħ ta' proprjeta' reġistrat fl-Insinwa ta' Għawdex kull sena, sena b'sena, mill-1999 sa l-2005 u mill-1 ta' Jannar, 2006 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn ix-xogħlijiet tal-proġett tax-Chalet f'Tas-Sliema qegħdin isiru mill-għaddasa tal-protezzjoni ċivili liema għaddasa qed jitħallsu overtime għal dan ix-xogħol, u mhux qed tintuża s-sistema TETRA li kienet inxtrat mill-protocol Taljan u għal liema sistema kienu ntnefqu Lm400,000?
Jista' jgħid għalfejn għad li ntnefqu flus fuq is-sistema tat-TETRA sal-lum il-ġurnata qatt ma ntużat u fuq liema sistema kull sena qed jintnefqu flus għad li dan l-apparat qiegħed jinżamm ġo garage mingħajr ma jiġi iffunzjonat?
Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li xi mpjegati ta' l-istess protezzjoni ċivili qed jitħallsu talli jaħdmu on shift duties, jiġifieri 24 hours in u 48 hours out, u liema mpjegati għandhom shift allowanve u saħansitra xi fringe benefits bħal vettura tad-dipartiment?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet tal-għaddasa fil-proġett tax-Chalet f'Tas-Sliema qegħdin isiru mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq talba tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li ser joħroġ pagament għal dan is-servizz.
Is-sistema Tetra qed tintuża biss parzjalment minħabba raġunijiet tekniċi li fuqhom għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Kumpanija li pprovdiet dan is-servizz filwaqt li għaddej studju ieħor separat fuq l-użu ta' din is-sistema. Is-sistema tar-radios li qed juża id-Dipartiment hija dik li tuża sistema normali li ma hix dik iktar sofistikata bħal ma hija it-Tetra.
L-impjegati tad-Dipartiment ġeneralment jaħdmu fuq shift. Ma hemm l-ebda impjegat li jirċevi shift allowance billi dan mhux ikkontemplat fil-Kundizzjonijiet tas-Servizz.
Senior Staff u l-uffiċjal inkarigat mill-Unit tal-Humanitarian assistance għandhom vettura tad-Dipartiment li fuqha iħallsu taxxa tal-Fringe Benefit li jirċevu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għalfejn oġġetti li ġew mogħtija mill-poplu Malti b'għan ta' karita' ma' xi pajjiżi li ġew milquta minn xi diżgrazzja naturali, bħal fil-każ taz-Tsunami li kien ħakem lil Asia fis-sena 2004, baqgħu qatt ma ntbagħtu lil dawn il-pajjiżi? Fil-fatt oġġetti bħal ilma, lożor, kutri, eċċ kienu nġabru bil-għan li jintbagħtu l-Asia imma għadhom mgħaluqa fil-containers fid-dipartiment tal-protezzjoni ċivili ġewwa l-Marsa.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħwejjeġ kollha li nġabru għall-vittmi tat-Tsunami li setgħu jintbagħtu fi Sri Lanka ntbagħtu permezz ta' 'l fuq minn 50 container.
Din kienet fost l-akbar għotja li ngħatat minn diversi pajjiżi għal dan il-għan kif ġie ppublikat fuq il-media kemm lokali kif ukoll internazzjonali.
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant pero` li huwa fid-dover tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jkollu ħażna ta' materjal bħalma huma kutri, ilma u ħwejjeġ oħra sabiex jintużaw f'każ ta' diżastru lokali. Dawn l-oġġetti jitqassmu lil nies li jkunu fil-bżonn bħalma huma immigranti llegali.
Nieħu l-opportunita` biex nirringrazzja lill-lukandi u ditti lokali li minn żmien għal-ieħor jissuplixxu lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili b'dawn il-ħwejjeġ u li għalhekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jgħid li teżisti din il-ħażna.
Huwa fl-interess nazzjonali li twaqqfet unita` ta' humanitarian assistance fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jiżguraw risposta mmedjata f'każ ta' ħtieġa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega kif flus li kienu nġabru fil-maratona Mill-Qalb, liema flus kellhom jiġu wżati biex grupp mhux ħażin ta' nies mid-Dar tal-Providenza setgħa jmur Lourdes, ġew użati biex grupp żgħir ta' nies marru Lourdes filwaqt li flus ġew użati biex flimkein mal-grupp ta' nies mid-Dar tal-Providenza siefru xi familjari tad-dipartiment, liema familjari ma kellhom xejn x'jaqsmu ma' din l-attivita' u saħansitra xi flus ġew użati biex isir xi festin lil xi voluntiera ġodda tas-St John Ambulance?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi il-flus illi nġabru sabiex jittieħdu grupp ta' residenti mid-Dar Tal-Providenza intefqu sabiex mhux inqas minn 25 minn dawn ir-residenti ttieħdu Lourdes.
L-Onorevoli Interpellant japprezza illi dawn huma nies bi bżonnijiet specjali u jkollhom bżonn ta' għajnuna u attenzjoni il-ħin kollu. U fosthom kien hemm wieħed li nġarr fuq stretcher. Kien għalhekk li issejħu voluntiera sabiex jassistu lill-ħaddiema tad-Dar Tal-Providenza f'din il-biċċa xogħol tassew tqila u kien għalhekk li xi uħud minn dawn kienu familjari tal-istess Dipartiment li ħadmu fuq roster.
Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili jinnega kategorikament illi xi parti minn dawn il-flus ġew użati sabiex isir xi festin lil xi voluntiera ġodda tas-St John Ambulance.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għall-fidi ta' ċnus skond File 847/68 Acknowledgement 2085/2006 tad-dipartiment ta' l-artijiet għall-ittra tagħha tat-18 ta' April 2006?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba li qiegħed jagħmel riferenza għaliha l-Onor. Membru qiegħda tiġi proċessata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li night clubs f'Paceville ikunu jistgħu jibqgħu miftuħin sal-5.00 a.m. minflok l-4.00 a.m. ġaladarba x-xogħol nbidel in kwantu ta' ħinijiet? Forsi dan il-bdil jista' iseħħ f'ċerti ġranet biss tal-ġimgħa.
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħinijiet tal-ftugħ ta' postijiet kummerċjali huwa regolat bl-Att ta' l-2001 dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ (Kap. 441). Madankollu ninsab infurmat ukoll illi skond ir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f'Lokalitajiet ta' Divertiment, mhux permess li tindaqq mużika f'lokalita' ta' divertiment bejn l-4.00am u 9.00am. Ma narax għaliex għandu jkun hemm xi tibdil f'dawn ir-regolamenti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti u x'inhu r-reat allegat?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm tlieta u tletin (33) ġuri pendenti u r-reati allegati huma s-segwenti:
Traffikar ta' Droga 11
Importazzjoni u pusses ta' droga 2
Omiċidju volontarju 9
Attentat ta' omiċidju volontarju 6
Riċettazzjoni ta' xi rigali jew vantaġġi -
Kxif ta' sigrieti pubbliċi 2
Sekwestru ta' persuna u ħarba mill-ħabs 1
Serq u pussess ta' arma 1
Korruzzjoni ta' minorenni 1
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-protezzjoni ċivili għand l-Army Surplus tal-Mosta matul dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid ukoll kemm minn dan ix-xiri sar b'direct order u kemm sar b'purchase order normali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-flus li ntefqu għand l-Army Surplus fuq materjal li inxtara mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili matul is-sena 2005 u l-2006 kienu hekk:-
2005 - Lm5,123.40 (ħamest elef, mija u tlieta u għoxrin lira, u erbgħin ċenteżmu).
2006 - Lm1,111.25 (elf, mija u ħdax il-lira u ħamsa u għoxrin ċenteżmu).
Kull ħlas sar permezz ta' Local Purchase Order.
Peress li l-kumpanniji ta' l-assikurazzjoni mhux qegħdin jaċċettaw li jkopru l-kunsilli fid-dawl ta' xi sentenzi tal-qorti kontra l-kunsilli lokali, jista' il-Viċi Prim Ministru jidħol fil-kwestjoni biex ikun hemm ekwita kemm fir-responsabbiltajiet kif ukoll l-assikurazzjoni li tkopri l-istess?
Response (BORG, TONIO)
Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, flimkien ma' l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qegħdin jaraw kif tista' tinstab soluzzjoni għad-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom diversi Kunsilli Lokali biex ikollhom polza ta' assigurazzjoni kontra danni lil terzi persuni.
Għal dan il-għan qed tkun esplorata l-possibilita' li ssir xi forma ta' 'block policy' li tkopri lill-Kunsilli interessati.
L-Assoċjazzjoni intant talbet proposti mill-broker tagħha sabiex din il-materja tiġi sorvolata.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru ċitazzjonijiet tat-traffiku mill-gwardjani lokali fl-ewwel erba' xhur tas-sena? Għal kemm kienu jammontaw? Jista' jgħid ukoll kemm saru ċitazzjonijiet fl-istess perijodu fejn l-akkuża kienet marbuta ma' l-ambjent u l-indafa?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'se jsir mill-plot mhux żviluppat li tinsab fit-tarf ta' fuq ta' Triq il-Knisja il-Qadima kantuniera ma' Triq Indri Galea, peress li qed isservi biex nies irresponsabbli jarmu kull tip ta' materjal u żibel hemmhekk b'detriment għas-saħħa tar-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt qiegħed iħejji l-pjanti neċessarji sabiex toħroġ sejħa għal offerti għal bejgħ tal-plot imsemmi.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir sorveljanza adegwata mill-pulizija fl-inħawi tal-playing field ġdid f'Tal-Blata l-Għolja, Mosta peress li qegħdin jiġu rapportati ħafna abbużi f'din l-area, inkluż it-teħid tad-droga u ħafna serq mid-djar li litteralment qegħdin jitterrorizzaw lir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mir-rapporti magħmula lill-Pulizija, jidher illi matul din is-sena kien hemm żewġ rapporti ta' serq u ieħor ta' ħsara volontarja mill-inħawi imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Madankollu, infurmat ukoll illi qed issir ronda fl-inħawi kemm mill-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll mill-Mobile Squad u ta' l-Iskwadra ta' kontra d-Droga.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu tfal taħt is-16-il sena l-qorti s-sena l-oħra u għaliex f'kull każ individwali? Kemm kellhom eta' kull wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fis-sena 2005 ittellgħu 58 tfal taħt is-sittax-il sena (16). Disgħa (9) minnhom quddiem il-Qorti tal-Maġistrati (Malta) għaliex tressqu flimkien ma' persuna jew persuni maġġorenni u disgħa u erbgħin (49) quddiem il-Qorti tal-Minorenni.
Qorti tal-Maġistrati (Malta)
Eta' Akkuża
15 Falsifikazzjoni
12** Serq
15 Serq
15 Serq
14 Copyright act
15 Copyright act
13* Hold up
13* Serq
15 Ħsara volontarja
** Persuna barranija
* Persuna li tressqet darbtejn
L-informazzjoni għar-rigward l-Qorti tal-Minorenni għadha qegħdha tinġabar.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ġodda għal ħwienet is-sena l-oħra? Kemm għalqu? X'kummerċ qed isir mill-ħwienet il-ġodda?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa' għedt fi tweġibiet preċedenti dwar dan is-suġġett, il-liċenzji tan-negozju m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstantm nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jestendi l-approvazzjonijet għal każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s'issa ma jirriżultax li saret xi talba ma' l-Uffiċċju ta' l-Immigrazzjoni għal entry visa mill-persuni msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid preżentement kemm hu n-numru ta' persuni fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Kemm minnhom huma rġiel, kemm huma nisa, kemm huma żgħażagħ u kemm huma barranin? Ta' liema nazzjonalita' huma l-persuni barranin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-15 ta’ Mejju 2006 in-numru ta’ priġunieri fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin kien ta’ tlett mija u ħamsa u tletin (335); tlett mija u tlieta u għoxrin (323) irġiel u tnax (12) nisa, filwaqt li kien hemm zagħzugħ wieħed taħt it-tmintax il-sena.
Barranin hemm tmienja u disgħin (98) u n-nazzjonalita’ tagħhom hija kif jidher hawn taħt:
Alġerini
3
Belġjani
1
Bulgari
2
Renju Unit
6
Ċiniżi
1
Olandiżi
4
Eġizzjani
2
Griegi
1
Taljani
6
Costa Ivorju
2
Gordaniżi
1
Libjani
49
Palestinjani
1
Niġerjani
2
Somali
1
Spanjoli
1
Sudaniżi
2
Tunesini
6
Torok
6
Yugoslavi
1