B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 12620, tista' il-Ministru, permezz ta' l-awtorita' tad-djar, ġentilment tinformani meta nbdew it-tħejjijiet u l-pjanti għar-riabilitazzjoni tal-proprjeta' hemm indikata u dwar l-art ta' biswitha? Meta bdew jiġu ppreparati l-pjanti tal-maisonettes, appartamenti u garaxxijiet?
Meta hu mistenni li dawn ikunu finalizzati? Tista' ġentilment tgħid min huma l-periti nkarigati minn dan ix-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-disinn emendat tal-proġett li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant tlesta s-sena l-oħra.
Ninsab infurmata wkoll li, Paul Camilleri and Associates, il-periti nkarigati mid-disinn, issottomettew il-pjanti emendati lill-MEPA f’Ottubru 2005.
Tista' il-Ministru, permezz tad-dipartiment għal manutenzjoni u tiswija tad-djar, tagħti għajnuna ta' manutenzjoni fis-soqfa ta' l-appartament ta' din il-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-qagħda soċjali li tinsab fiha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta' l-Onorevoli Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar biex jispezzjona u jivverifika t-talba'.
Tista' il-Ministru tara li jinħareġ ir-relief lil tfajla li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kif tista' tara għandha bżonn ta' dan ir-relief? Tista' din il-persuna tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista’ il-Ministru tara li applikazzjoni H652 għall-akkomodazzjoni alternattiva ta' mara anzjana fi stat pjetuż tiġi milqugħa fil-futur qasir? Fiex waslet din l-applikazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 16374 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid x'inhi r-raġuni li persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha l-kera tal-post tagħha l -ewwel imniżżla minn Lm17.65 kull tliet xhur għal Lm11.75 biex issa din ġiet mgħollija għal Lm58.75 mingħajr ma kien hemm bdil fid-dħul tal-familja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant naqset li tippreżenta d-dokumenti mitluba mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali biex tiġi riveduta l-kera f'Lulju 2005 u għalhekk il-kera ġiet b'rata kummerċjali.
Id-Dipartiment imsemmi jkun jista' jirrevedi l-ammont tal-kera dovut meta l-persuna konċernata tippreżenta d-dokumenti meħtieġa.
Tista' il-Ministru tinvestiga l-każ ta' housing li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li qed jallega li l-istrutturi tal-bini, speċjalment tal-kantina, huma difettużi? Il-post ġie spezzjonat madwar xahar ilu.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni għal akkomodazzjoni alternattiva mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Ninsab infurmata wkoll li l-każ ta’ din il-persuna ser jiġi riferut lill-Awtorita’ tad-Djar biex tinvestiga jekk din il-persuna tistax tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Tista' il-Ministru tara li jsir ix-xogħol neċessarju kemm jista' ikun malajr fil-fili tal-flat li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post huwa tal-gvern u daħal kwantita' ta' ilma fih?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar biex jispezzjona l-fond indikat u jivverifika x-xogħol meħtieġ.
Tista' il-Ministru tara jekk l-anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex jirċievi pensjoni tajba peress li qiegħed jgħid li mhux jirċievi pensjoni biżżejjed? Jista' dan jiġi informat bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tagħha ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispiża globali f’safar fl-2005 mill-Ministeru u d-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu kienet ta’ Lm73,324.43, li minnhom Lm17,000 huma rifondibbli mill-Unjoni Ewropeja.
Ninsab infurmata wkoll li ma hemm ebda ħlas pendenti fuq din l-ispiża.
Tista' il-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' familji/persuni li fil-preżent jieħdu l-pensjoni ta' l-invalidita' f'Malta u Għawdex separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-numru totali tal-persuni li preżentement qed jirċievu pensjoni għall-Invalidita' mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali hu ta' 8,777, li minnhom 6918 jgħixu Malta, 1289 jgħixu Għawdex u 570 jgħixu barra minn Malta.
Tista' il-Ministru tgħid min huma l-kuntratturi li għamlu xogħol lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u għadhom ma tħallsux? X'inhu l-ammont f'kull każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma hemm ebda kuntrattur li għamel xi xogħol f'xi dipartiment li jaqa taħt id-dekasteru tiegħi, matul is-snin indikati mill-Onor. Interpellant, u li għadu ma tħallasx.
Tista' il-Ministru ġentilment tinformani għaliex il-koppja li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, baqa' ma sarilhomx kuntratt ta' l-art li kienu ħadu mingħand il-gvern ħafna snin ilu biex jibnu d-dar tagħhom u minkejja diversi tentattivi li saru baqgħu s'issa m'għamlux il-kuntratt?
Kemm hemm familji fl-istess triq li m'għamlux il-kuntratt tal-plot li ħadu?
Taħseb il-Ministru li wara dan iż-żmien kollu għandu jsir sforz mill-gvern biex tinstab soluzzjoni u jsir kuntratt ma' dawn il-familji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Biex l-Awtorita' tad-Djar tkun tista tiffinalizza l-kuntratti tax-xiri tal-postijiet li tkun qassmet irid ikollha t-titolu legali ta' l-art konċernata li jrid jiġi trasferit lill-Awtorita' mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. Ninsab infurmata li l-każ indikat mill-Onor. Interpellant jaqa' taħt din il-kategorija.
Ninsab infurmata wkoll li fit-triq indikata mill-Onor. Interpellant hemm 8 plots li għadhom ma sarux il-kuntratti ta' l-enfetewsi tagħhom għax l-Awtorita' għad ma għandiex it-titolu legali ta' l-art. L-Awtorita' tagħmel kull sforz biex l-art tiġi trasferita lilha mid-Dipartiment ta' l-Artijiet. It-tweġiba li dejjem irċeviet l-Awtorita' minn dan id-Dipartiment kienet li l-art qegħda fil-kors ta' akkwist (in the course of acquisition).