Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21059 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kien in-numru ta' liċenzji għal stabilimenti kummerċjali li ħarġet il-pulizija matul ix-xahar ta' Ottubru ta' din is-sena? X'tip ta' liċenzji inħarġu? Kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandha quddiemha l-pulizija fil-preżent għal liċenzji ta' stabilimenti kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija ħarġet 65 liċenzja għal stabbilimenti kummerċjali. Dawn l-istabbilimenti kienu jinkludu aġenziji, ħwienet għall-bejgħ bl-ingrossa, bl-imnut, u għall-eżerċizzju ta` sengħa jew arti. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 474 talba pendenti.
Leg 9 PQ #21061 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet fuq djar, karozzi, stabilimenti tad-divertiment u ħwienet kummerċjali rapportati lill-pulizija matul ix-xahar ta' Ottubru ta' din is-sena? Kemm tressqu persuni l-qorti akkużati b'dawn il-każi ta' ksur ta' liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija kellha 91 rapport dwar serq minn residenzi, 280 rapport dwar serq minn vetturi u 64 rapport dwar serq minn vetturi u 19-il rapport ta` serq minn ħwienet kummerċjali, li jinkludu wkoll rapporti ta` serq minn individwi waqt li kienu ġo dawn l-istabbilimenti. Ma tinżammx statistika separata dwar stabbilimenti ta` divertiment. Matul l-istess perijodu 10 persuni ġew imressqa quddiem il-Qorti b`konnessjoni ma` uħud minn dawn ir-rapporti.
Leg 9 PQ #21064 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet, hold-ups u abbużi sesswali fuq tfal, nisa u rġiel u vjolenza fuq anzjani matul ix-xahar ta' Ottubru rapportati lill-pulizija? X'passi qed jittieħdu mill-pulizija u kemm tressqu nies il-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta` Ottubru 2000, il-Pulizija kellha 772 rapport ta` serq, rapport wieħed ta` hold up, 2 rapporti ta` abbuż sesswali fuq tfal u 1 fuq mara , u 3 każi ta` vjolenza fuq anzjani. In-numru ta` persuni li ġew imressqa quddiem il-Qorti in konnessjoni ma` uħud minn dawn ir-reati kien ta` 18.
Leg 9 PQ #21222 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Mobile Phone Base Transmitters

Question

Jista' l-Ministru jppoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi fejn qegħdin il-mobile phone base transmitters jew repeaters li hawn installati u għal fejn hemm applikazzjonijiet pendenti għal oħrajn?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #21288 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

ALE — Persuni mtella' l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-ALE ressqet persuni l-qorti mill-lokalitajiet ta' Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi fuq akkużi konnessi mal-kaċċa u l-insib mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid kemm instabu ħatja u x'kienet il-piena aflitta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar sas-17 ta` Novembru 2000, is-sezzjoni tal-A.L.E. ressqet il-Qorti għoxrin (20) persuna mill-lokalitajiet ta` Ħaż Żebbuġ u s-Siġġiewi fuq akkużi konnessi mal-kaċċa u l-insib. Tnax-il persuna instabu ħatja, tnejn ġew liberati, waqt li sitt kawżi għadhom 'sub judice'. L-eżitu tal-każijiet li ġew deċiżi mill-Qorti kien kif ġej:- Pieni Numru Liberat 1 Liberat u Konfiska 1 Lm30 Multa 1 Lm50 Multa 5 Lm50 Multa u Konfiska 1 Lm70 Multa 1 Lm100 Multa 1 Lm200 Multa 1 Lm300 u Konfiska 1 R&A 1
Leg 9 PQ #21290 Sitting 432 2000-11-21 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-persuni kollha li saru ċittadini Maltin u li ottjenew iċ-ċittadinanza doppja bis-saħħa ta' l-aħħar emendi fil-liġi dwar iċ-ċittadinanza? Jista' jagħti l-ismijiet u l-ġurnata meta ottjenew iċ-ċittadinanza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sal-31 ta` Ottubru 2000, kien hemm 1,147 persuna li ġew infurmati bil-miktub li jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi, dik Maltija u l-oħra barranija li diġa` kellhom jew li jakkwistaw waqt li kienu qed jgħixu barra minn Malta. Fl-istess żmien kien hemm ukoll 400 persuna li ġew reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta u minħabba t-tibdil li sar fil-liġi taċ-ċittadinanza m`għandhomx għalfejn jirrinunzjaw iċ-ċittadinanza barranija tagħhom u għalhekk huma wkoll jistgħu jżommu żewġ ċittadinanzi. Fil-każ ta` dawn ta` l-aħħar, dettalji dwarhom jidhru fil-Gazzetta tal-Gvern kif inhu meħtieġ mill-istess Liġi taċ-Ċittadinanza.
Leg 9 PQ #21213 Sitting 431 2000-11-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' prostituzzjoni

Question

Billi dan l-aħħar ġie rrapportat li diversi persuni barranin ġew deportati għaliex inqabdu jipprostitwixxu ruħhom, jista' l-Ministru jgħid: (i) kemm kienu ilhom hawn; (ii) x'kienet ir-raġuni ddikjarata għal mawra ġo pajjiżna; u (iii) kemm-il darba oħra ġew Malta fil-passat?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuni li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu f`Malta għal perijodu li jvarja bejn ħames ġimgħat u erbat ijiem. Dawn kienu iddikjaraw li kienu ġew Malta għal btala u waħda biss kienet ġiet Malta darb`oħra.
Leg 9 PQ #21216 Sitting 431 2000-11-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rave parties

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rave jew parties oħra ġo postijiet li normalment m'għandhomx liċenzja permanenti (bħal, per eżempju, Ta' Qali) din is-sena? Kemm ġew arrestati persuni waqt dawn il-parties u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ħarġet 13-il permess għal attivitajiet bħal ma` huma parties, f`postijiet li m`humiex koperti bil-liċenzji annwali. Waqt dawn l-attivitajiet il-Pulizija żammet 20 persuna fuq suspetti ta` reati konnessi mad-droga.
Leg 9 PQ #21218 Sitting 431 2000-11-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew "convicted persons as to having committed a criminal offence" din is-sena? Kemm weħħlu multa? Kemm weħlu probation? Kemm weħħlu suspended sentence? U kemm weħħlu ħabs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru ta` din is-sena, kien hemm 4,279 persuna li ġew dikjarati ħatja ta` reati kriminali. Minn dawn 1,402 weħħlu multa; 1,153 weħħlu probation; 372 weħħlu sentenza sospiża u 108 weħħlu sentenza ta` priġunerija.
Leg 9 PQ #21219 Sitting 431 2000-11-21 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Kaċċaturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu kaċċaturi l-Qorti din is-sena għax kisru xi regolament dwar il-kaċċa u x'weħħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru 2000, il-Pulizija qabdet 278 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riżervi Naturali) u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66). Minn dawn, 159 persuna kellhom il-każ tagħhom deċiż quddiem il-Qorti, li minnhom 105 weħlu multa, 41 kienu liberati, 1 weħel multa u sentenza sospiża, u 12 ingħataw sentenza sospiża. Il-kumplament tal-każi, cioe` 119, għadhom ma ġewx deċiżi.
Leg 9 PQ #20997 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Għassa fl-Imtarfa

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti sabiex is-sena d-dieħla tinfetaħ għassa ġdida tal-Pulizija fl-Imtarfa? Peress li dan is-servizz għar-residenti tal-Imtarfa kull ma jmur qed jinħass dejjem aktar il-bżonn tiegħu, jista' ġentilment jara li jirrimedja għal din it-talba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proposta ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata.
Leg 9 PQ #21206 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mtella' l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu l-qorti persuni taħt is-16-il sena din is-sena u għaliex? Kemm instabu ħatja u x'weħħlu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru ta` din is-sena, il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti fuq diversi reati, 144 persuna taħt is-sittax-il sena. Minn dawn, s`issa, 110 instabu ħatja. Ir-reati li dwarhom tressqu l-Qorti u l-pieni mogħtija, kienu kif jidher fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #21207 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Paceville - Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' reati ġo Paceville u f'area ta' madwar din is-sena? X'kienu r-reati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta` din is-sena l-Pulizija kellha 1,851 rapporti ta` reati li seħħew fl-area ta` San Ġiljan, li minnhom 416 seħħew ġewwa Paceville. Dawn kienu jinkludu attentati ta` offiżi, offiżi fuq il-persuna, ksur ta` bon ordni, ħsarat, drogi, frodi, offiżi sesswali u serq.
Leg 9 PQ #21209 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, jekk kien hemm, li min rajhom marru għand l-awtoritajiet u ammettew il-ħtija tagħhom għal xi reat sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin? X'kien ir-reat in kwestjoni?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5246.
Leg 9 PQ #21211 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni residenti l-ħabs illum? Kemm hemm Maltin u kemm hemm barranin? Kemm hemm Maltin u barranin sentenzjati u kemm fuq arrest preventiv, kemm hemm irġiel u kemm hemm nisa? Kemm huwa maħsub li jqum lill-poplu Malti kull detenut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-16 ta` Novembru 2000, in-numru ta` persuni li kienu qed jinżammu l-ħabs kien ta` 258 li minnhom 9 huma nisa. Dawn kienu mqassma kif ġej : - Rġiel Nisa Sentenzjati - Maltin 135 129 6 Barranin 32 31 1 Taħt arrest - Maltin 48 47 1 Barranin 43 42 1 Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi jekk jingħaddu s-salarji ta` l-impjegati tal-Ħabs, l-ispiża ta` l-ikel, il-ħlas lill-ħabsin li jaħdmu, l-ispejjeż għal programmi ta` riabilitazzjoni, l-ispiża tas-servizzi tas-saħħa u spejjeż oħra rikorrenti u jiġi diviż it-total bin-numru tal-medja ta` priġunieri f`kull ġurnata matul is-sena, l-ispiża tiġi madwar Lm21 kuljum.
Leg 9 PQ #21228 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Djar — Santa Luċija

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 21031, peress li l-garaxx ilu ma jintuża għal ħafna żmien, jista' d-Dipartiment ta' l-Artijiet jerġa' jallokah b'tender?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-garages li hemm fil-Blokk li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huma kollha mikrijin lil terzi. It-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern qed tagħmel l-investigazzjonijiet neċessarji u jekk jirriżulta li hemm xi ksur tal-kundizzjonijiet tal-kirja jittieħdu l-passi kontra l-inkwilin.
Leg 9 PQ #21238 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

PA — International Boarding School

Question

B'riferenza għall-applikazzjoni għal International Boarding School f'Victoria Gardens, Libraġġ, li dan l-aħħar ġiet rifjutata mid-DCC u li nifhem li tinsab għall-appell, jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li wasluli li minkejja r-rifjut tad-DCC dan il-bini kien diġa' qed jintuża bħala international boarding school qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni tad-DCC u fil-fatt baqa' jitħaddem b'dan il-mod anke issa li ħareġ ir-rifjut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għal l-iżvilupp in kwestjoni ġiet irrifjutata riċentament u l-applikant għadu fi stadju fejn jista` jissottometti appell jew talba għar-rikonsiderazzjonui dwar dan ir-rifjut. Sa llum għadha ma ġiet irreġistrata l-ebda talba f`din id-direzzjoni. Rigward l-allegat użu tal-villa bħala "international boarding school" ma jirriżultax li dan qed iseħħ. Dan ġie kkonfermat wara spezzjonijiet interni tal-post minn Uffiċjali ta` l-Awtorita`. Mill-banda l-oħra, ġie nnotat illi fil-villa qed jinżammu xi tfal ta` ċittadini barranin għal skop residenzjali. Minħabba dan il-fatt, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tinvestiga x`azzjoni tista` tittieħed fit-termini ta` l-Ordni ta` l-1994 dwar il-Klassijiet ta` Użu. (Use Classes Order).
Leg 9 PQ #21243 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Memo of Understanding

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 19908, jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri u x'inhi l-policy dwar dawn il-postijiet? Hemm xi data ta' meta dan il-proċess ser jitkompla? Jista' jpoġġi kopja tal-Memo of Understanding bejn il-Gvern u l-Knisja?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li wara li ġie ffirmat il-Memorandum ta` Qbil bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta` Malta fit-30 ta` Mejju 2000 l-Uffiċċju Konġunt seta` jkompli jipproċessa l-applikazzjonijiet taħt l-iskema 'Ixtri Darek jew Ifdi ċ-Ċens' li għalqet fit-30 ta` Diċembru 1996. Fil-fatt min meta ingħatat r-risposta għal mistoqsija numru 19908 fit-13 ta` Ottubru 2000 tlestew 121 applikazzjoni oħra kif jidher mill-figuri ta` hawn taħt : - Applikazzjonijiet lesti 727 Applikazzjonijiet invalidi 220 Qed jiġu proċessati 574 ------- Total ta` applikazzjonijiet 1,521 ------- Il-Memorandum tat-30 ta` Mejju 2000 ġie ppublikat fil-Gazetta tal-Gvern ta` Malta u ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #21244 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Wied il-Għajn — Catering Board

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm catering outlets ġewwa Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn li għandhom permess mill-catering board? Jista' jgħid min huma?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #21246 Sitting 430 2000-11-20 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Intern

Joint Office — Ċnus

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-policies li qed japplika l-uffiċju konġunt biex jifdi ċ-ċnus perpetwi u anke revedibbli? Fl-imsemmija policies qed jiġi applikat dak provvdut fit-trattat bejn is-Santa Sede u l-Istat Malti fis-sens li l-art għandha tintuża (u għandhom dejjem jiġu mħarsa) skopijiet soċjali? X'inhi t-talba tal-joint office biex jinfeda ċens perpetwu rivedibbli kull ħamsin sena gravanti l-proprejta' li hemm fil-kuntrada tal-Wilġa fl-Għarb Għawdex? Fiċ-ċirkustanzi preżenti fejn il-maġġor parti ta' l-okkupanti ta' l-imsemmija proprjeta' għandhom eta' 'l fuq minn 60 sena, jidhirlux il-Ministru li għandu jkun hemm prezzijiet raġonevoli li jirrispekkjaw il-fatturi kollha ta' dawn il-persuni?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-policies li qed japplika l-Uffiċċju Konġunt biex jifdi ċnus perpetwi rivedibbli huma dawk approvati b`Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta` Lulju 1996, liema policies huma konformi mal-provedimenti tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u l-Istat Malti, tant hu veru li japplikaw biss dawn l-iskemi għal residenzi. Il-Gvern huwa konxju tal-problema tal-prezzijiet li rriżultaw f`ċerta każijiet u diġa` ttieħdu passi sabiex il-Kumitat ta` Kontroll jevalwa s-sitwazzjoni u jara tistax, fil-każijiet partikolari imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, tinstab soluzzjoni xierqa, dejjem fil-parametri ta` l-Att Nru. IV ta` l-1992 kif ukoll l-Att dwar it-Trasferiment ta` Proprjeta` tal-Gvern. Jogħġbu jinnota l-Onor. Interpellant li fl-Iskema ta` l-1996, fejn il-fidi ikun regolat mill-kuntratt stess, il-fidi jsir skond il-kuntratt li jkun ġie ffirmat bejn l-Enti Ekklisjastiku u l-individwu. Il-fidi taċ-ċens hu wkoll att volontarju, u ma jiġi impost fuq ħadd.