Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm school councillors fl-iskejjel primarji u b'liema frekwenza jmorru f'kull skola? Jista' jgħid ukoll jekk l-għalliema tal-guidance li jagħtu s-servizz tagħhom fl-iskejjel sekondarji jmorrux fl-iskejjel primarji wkoll?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa hemm 5 School Counsellors fl-iskejjel primarji li jżuru l-iskejjel skond il-bżonn.
Informat ukoll li l-għalliema tal-Guidance li jagħtu s-servizz tagħhom fl-iskejjel sekondarji jmorru fl-iskejjel primarji biex ikellmu kemm lill-ġenituri, kif ukoll lit-tfal tal-Year 6 dwar l-għażla ta' lingwa u ta' suġġetti fil-Form I ta' l-iskejjel sekondarji. Matul is-sena, jgħinu wkoll bit-Transition Exercise, biex it-tfal tal-Year 6 ikunu preparati għall-Form I ta' l-iskejjel sekondarji.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17855, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li parti minnha ġiet riferuta lilu u cioe': Meta se jibda x-xogħol infrastrutturali għall-proġett ta' faċilita' ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f'Għawdex u preċiżament fil-Qala? Min rebaħ il-kuntratt għal dan ix-xogħol? Meta hu stmat li se jitlesta x-xogħol? Kemm intefgħu offerti għall-bini ta' din l-istess faċilita' ġdida għall-istudji turistiċi fil-Qala? Min kienu? Kemm kienet kull offerta?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor.Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 18288.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenti li għażlu l-edukazzjoni fiżika u l-Ġermaniż fl-iskola sekondarja Maria Goretti ta' Ħal Tarxien ma tħallewx jieħdu dawn is-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux minnu li studenti ma tħallewx jagħżlu l-Edukazzjoni Fiżika u l-Ġermaniż rispettivament bħala suġġetti 'optional' għas-sena d-dieħla fl-iskola msemmija. Informat li l-istudenti konċernati ntalbu sabiex jagħżlu suġġett ieħor bħala riserva. Dan sabiex fl-eventwalita' li, għal xi raġuni, s-suġġetti msemmija ma jkunux jistgħu jingħatawlhom għax ikunu ġew magħżula minn numru żgħir ħafna ta' studenti, il-proċess tal-klassifikazzjoni jkun jista' jitkompla mingħajr d-dewmien dovut sakemm joqogħdu jiġu kkuntattjati l-istudenti fi żmien il-vaganzi tas-sajf.
Informat li l-probabilita' l-kbira hija li l-istudenti jkunu jistgħu jagħżlu s-suġġetti li jixtiequ.
Jista' il-Ministru jgħid jekk issirx distinzjoni meta jiġu kkoreġuti l-karti ta' l-eżami ta' studenti li huma dyxlesic, inkluż l-eżami tal-junior lyceum?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li studenti bid-Dyslexia jingħataw arranġamenti speċjali waqt l-eżamijiet, inkluż dak tal-Junior Lyceum, biex dawn l-eżamijiet ikunu aktar aċċessibli għalihom. Waqt il-korrezzjoni tal-karti, dawn l-istudenti jiġu trattati bħal tfal normali.
Jista' il-Ministru jgħid jekk fit-taħmil u l-kostruzzjoni tal-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop nstabux siti storiċi? Il-kuntrattur għadu marbut bil-bond li kellu jiddepożita l-bank sabiex jagħmel tajjeb għal dawk il-ħsarat li setgħa kkawża lil siti storiċi fil-madwar ta' l-istess kulleġġ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sit in kwestjoni ma nstabux siti storiċi. It-taħmil u l-kostruzzjoni tal-Kulleġġ San Benedittu kienu 'monitored' skond kif rikjest mill-permess tal-MEPA.
Jista' il-Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-għalliema u s-suġġett li jgħallmu fil-kors tal-construction fl-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-Istitut ta' l-Inġinerija u Kostruzzjoni jeżistu dawn il-korsijet :
05/04/03 MCAST - Foundation Certificate in Construction Engineering Skills
05/04/03 MCAST - Certificate in Construction Engineering Skills
05/04/10 MCAST - BTEC First Diploma in Construction
05/04/11 MCAST - BTEC National Diploma in Construction/Building Services Engineering.
Hemm ukoll korsijiet ta' filgħaxija part-time fil-Construction Management.
Informat li hemm 56 lecturers jgħallmu f'dawn il-korsijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk kenux inġiebu madwar 20,000 ktieb li ġew ġentilment offruti minn librerija f'Belfast? Jekk fl-affermattiv, meta nġibu u jekk le, x'inhi r-raġuni li dawn baqgħu ma nġibux?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li konsenja ta' kotba minn librerija f’Belfast waslu Malta u ġew imwassla l-Librerija Pubblika Ċentrali, l-Furjana, nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa, 2 u 3 ta’ Marzu 2006. Il-kotba qed jiġu katalogati.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienu t-talbiet li saru mill-Għaqda Nazzjonali tar-Rugby biex ikollhom faċilitajiet għat-taħriġ? Hemm ħsieb li jngħataw faċilitajiet biex ikomplu jibnu fuq is-suċċessi fil-kamp internazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill Malti għall-iSport alloka ground wieħed fil-Marsa biex jintuża mill-Rugby Football Union kuljum bejn il-5.00p.m. u 10.30p.m.. Il-ħlas ta' dan il-ground qed ikun ssussidjat mill-KMS. Ir-RFU kienu talbu li jingħatw b'titolu legali ground 5 fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa biex jiġi żviluppat f' ground fuq livell Internazzjonali. Din it-talba għadha qed tiġi konsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid għalxiex qed jintuża il-ground tal-ħaxix li hemm fl-istadium tal-Marsa? Hemm ħsieb li l-grounds tal-ħaxix tal-madwar jingħataw għat-tkabbir tal-korsa tal-golf?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ground tal-ħaxix li jinsab f'nofs il-Mathew Micallef Athletic Track jintuża waqt attivitajiet sportivi t' atletika organizzati mill-KMS jew għal
field events organizzati mill-MAAA jew waqt attivitajiet sportivi ta' l-iskejjel.
Informat li ma jirriżultax illi l-grounds tal-ħaxix tal-madwar ser jingħataw għat-tkabbir tal-korsa tal-golf.
Jista' il-Ministru jgħid s'issa matul din is-sena skolastika kemm ingħataw permessi biex tfal jitilqu mill-iskola qabel ma jkunu għalqu s-16-il sena? Kemm kienu subien u kemm kienu bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali għall-għoti tal-permessi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'din is-sena skolastika (15/09/2005 sa 26/04/2006) in-numru ta' studenti taħt is-16-il sena li ġew eżentati mill-iskola u li ma spiċċawx il-kors skolastiku kien 33. Informat li r-raġuni ewlenija hija biex l-istudenti jkunu jistgħu jaħdmu. Kien każ wieħed (tfajla) għal raġunijiet umanitarji.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-politika dwar tħawwil ta' siġar, pjanti, eċċ fl-iskejjel ta' l-Istat? Kif qed iħajjar l-istudenti biex ikunu aktar konxji li dan jgħin biex ikollna ambjent aktar sabiħ? Fejn u f'liema skejjel tħawwlu siġar, pjanti eċċ. fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li tħawwil ta' siġar, pjanti, eċċ, fl-iskejjel ta' l-Istat isir mis-sezzjoni tal-ġardinara fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li regolarment jagħtu servizz lill-iskejjel statali kollha. L-istudenti jiġu mħajjra mill-iskejjel biex ikunu aktar konxji li s-siġar u l-pjanti huma importanti biex ikollna ambjent aktar sabiħ, bi programmi bħal 'Arbor' u wkoll 'Ekoskola'.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu u kemm hu l-kontribut tal-ministeru u tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni separatament, lejn il-proġett EkoSkola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-proġett ta' l-Ekoskola d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tgħin b'mod dirett għaliex tħallas is-salarji ta' numru ta' għalliema li jagħtu s-servizz tagħhom f'dan il-qasam.
Informat ukoll li d-Dipartiment tal-Kurrikulu jgħin billi l-għalliema peripatetiċi tax-xjenza jgħinu lill-iskejjel f'dan il-programm, għaliex il-miri tal-programm Ekoskola huma ukoll miri kurrikulari.
Universita" — Doctorate in Business Administration
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-kors tad-Doctorate in Business Administration fl-Universita' ta' Malta hux se jiġi offrut is-sena d-dieħla, jiġifieri mis-sena akkademika li ġejja? Kemm se jiswa dan il-kors u x'inhuma l-entry requirements għalih?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi għat-Tweġiba għal-Mistoqsija numru 17863, f'Seduta 368.
B'riferenza għall-mistoqisija parlamentari 17855 li saret lill-Ministru għal Għawdex u cioe': Tista' tgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali għall-proġett ta' faċilita' ġdida għal taħriġ fl-istudji turistiċi f'Għawdex u preċiżament fil-Qala? Min rebaħ il-kuntratt għal dan ix-xogħol? Meta hu stmat li se jitlesta x-xogħol? Kemm intefgħu offerti għall-bini ta' din l-istess faċilita' ġdida għall-istudji turistiċi fil-Qala? Min kienu? Kemm kienet kull offerta?, Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet li ma ġewx imwieġba mill-Ministru għal Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li l-Ministeru tiegħi mhux il-Ministeru konċernat. Dwar ir-raba', il-ħames u s-sitt partijiet tal-Mistoqsija l-Onor. Membru hu mistieden jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Xiri/Kiri ta' Proprjeta'
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, awtoritajiet u kull ente li taqa' taħtu mill-2005 sal-lum xtrawx u/jew krewx u/jew ħadu b'ċens xi proprjeta' mis-settur privat? Jekk fl-affermattiv, meta u b'liema titolu? Ħarġet sejħa għall-offerti? Mingħand min akkwistaw din il-proprjeta'? Għal liema raġuni akkwistaw din il-proprjeta'? Jista' jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt jew tal-ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ebda ente fil-Ministeru ma xtraw/krew/ħadu b'ċens propjeta' mingħand il-privat mill-2005 sal-lum.
Jista' il-Ministru - kif ġentilment għamel il-Prim Ministru - jagħti tagħrif dwar l-infiq tal-ministeru, korporazzjonijiet, azjendi, enti u dipartimenti li jaqgħu taħtu, fuq mobile phones fis-sena 2005?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid Malta x'passi ħadet sabiex tibbenefika mill-fond Ewropew ġdid b'appoġġ għall-ħaddiema li sfaw vittma ta' l-impatt negattiv tal-ftuħ tas-suq?
Jista' jgħid kemm minn dawk il-ħaddiema li tilfu l-impjieg jew kellhom jagħlqu n-negozju tagħhom bħala konsegwenza diretta tal-ftuħ tas-suq ġew individwalizzati u se jibbenefikaw minn dan il-fond? Jista' jgħid kif dawk kollha ntitolati se jiġu nformati b'din l-għajnuna?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-European Globalisation Adjustment Fund se jkun amministrat mill-Planning and Priorities Co-ordination Division fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Informat ukoll id-diskussjoni dwar is-suġġett għadha sejra (bħalissa qiegħdha fis-Social Questions Working Party) u ma hemmx deċiżjoni finali dwar kemm il-pajjiżi se jkunu allokati flus. Malta qed tinsisti sabiex il-kriterji ta' intervent jiġu modifikati biex ikopru r-realta' u ċirkostanzi speċifiċi ta' l-ekonomija Maltija. Li qed titlob Malta hu li dawn il-kriterji jkunu aktar flessibbli sabiex jieħdu in konsiderazzjoni l-impatt ta' xokk fis-settur ta' l-impiegi vis-a-vis id-daqs ta' reġjun partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm se tiġi allokata Malta, b'riżultat ta' l-impatt tal-ftuħ tas-suq li konsegwenza ta' hekk ħafna ntemmilhom l-impjieg b'riżultat tal-bidliet fl-aġġustamenti relatati mal-kummerċ, mill-fond Ewropew ġdid b'appoġġ għall-ħaddiema?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 18409.
B'riferenza għall-ftehim li sar mal-Kunsill tal-Ministri fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni biex il-ħaddiema jitħarsu minn riskji marbuta ma radjazzjoni ottika, jista' il-Ministru jgħid: a) ġaladarba sorsi naturali bħax-xemx ġew eliminati u Malta l-ikbar radjazzjoni h ija x-xemx, jista' jgħid x'kienet ir-reazzjoni ta' Malta? b) F'liema stadju waslet Malta fl-addozzjoni ta' din il-liġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li Malta qablet mal-pożizzjoni konċiljatorja li titneħħa r-riferenza għal sorsi naturali ta’ din it-tip ta’ radjazzjoni mill-abbozz tad-Direttiva dwar Protezzjoni kontra r-Radjazzjoni Ottika.
Informat ukoll li fil-preżent l-abbozz tad-direttiva jinstab fil-fażi tat-tielet qari quddiem il-Kunsill, u allura la għadu ġie addottat u lanqas m’hemm ħjiel dwar l-eventwali data tal-pubblikazzjoni fil-ġurnal Uffiċċjali.