Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #33937 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Coaches ta' Sport

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm coaches ta' sport li għandhom il-permess jaħdmu ma' xi għaqda sportiva f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom għandhom il-permess jaħdmu, anke fuq bażi part-time ma' xi skola? Taħt liema kundizzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ma jkollux informazzjoni dwar permessi ta' xogħol tal-coaches ta' sport. Id-Dipartiment jagħmel biss rakkomandazzjonijiet lill-Management and Personnel Office meta jiġi mitlub jagħmel dan f'każ ta' coach barrani li japplika biex jaħdem f'Malta. Informat ukoll li ma hemmx coaches ta' l-isport li huma impjegati f'xi skola, la 'full time' u lanqas 'part time'. Minn żmien għall-ieħor, Assoċjazzjonijiet ta' l-Isport jingħataw permess biex jagħmlu coaching f'xi skejjel ta' l-Istat, dejjem fil-kundizzjoni li ma jesiġux ħlas.
Leg 9 PQ #33957 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kors Universitarju — Suġġetti

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 33815 għad hemm bżonn li f'suġġetti fil-livell advanced studenti bilfors iridu jgħaddi minnhom fl-istess sessjoni sabiex jidħlu f'xi kors l-universita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li biex jidħlu f'xi kors fl-universita`, l-istudenti għandhom bżonn iċ-Ċertifikat tal-Matrikola u li jissodisfaw ir-rekwiżiti għad-dħul fil-fakulta` li jixtiequ. Ir-regolamenti taċ-Ċertifikat tal-Matrikola jitolbu li l-kandidati jagħmlu żewġ eżamijiet fil-livell avvanzat u tlett suġġetti fil-livell intermedju u s-Systems of Knowledge f'sessjoni waħda, li tinkludi l-eżami ta' Mejju u l-eżami supplimentari f'Settembru. Biex jikkwalifikaw għaċ-Ċertifikat, il-kandidati jridu jġibu minimu ta' 44 punt minn 100, u jgħaddu minn suġġett ta' Grupp 1 (lingwa), suġġett ta' Grupp 2 (suġġett umanistiku jew suġġett kummerċjali), suġġett ta' Grupp 3 (xjenza jew matematika) u s-Systems of Knowledge. Ir-rekwiżiti għad-dħul fil-fakultajiet huma differenti minn fakulta` għall-oħra.
Leg 9 PQ #33961 Sitting 752 2002-06-10 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Gudja — Skola

Question

Peress illi l-Ministru kemm-il darba ta' l-assigurazzjoni tiegħu lin-nies tal-Gudja li l-iskola sejjer isirilha l-maintenance li jinħtieġilha, jista' l-Ministru jagħti ħjiel ta' meta dan il-maintenance fuq l-iskola tal-Gudja fil-fatt sejjer isir?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ċertu xogħol bil-fors irid isir meta l-iskola tkun vakata mill-istudenti. Għalhekk ix-xogħol ta' maintenance ser isir fil-vakanzi tas-sajf.
Leg 9 PQ #32338 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaddiema Tekniċi — Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu s-sigħat ta' overtime li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru? Kemm minn dawn is-sigħat tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li ħadmu l-overtime u f'liema dipartiment sar dan l-overtime?

Response (GALEA, LOUIS)

Qiegħed nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba rigward in-numru ta' siegħat li saru matul is-sena li għaddiet mill-ħaddiema tekniċi, eċċ f'kull dipartiment, is-siegħat li tħallsu minnhom u kemm għad iridu jitħallsu. Dipartiment Nru. ta' Ħaddiema li Nru. ta' siegħat li Nru. ta' siegħat li ħadmu overtime fl- nħadmu fl-2001 tħallsu fl-2001 2001 Dipt. Servizzi 18 3,542.00 3,542.00 Korporattivi Dipt. Żgħażagħ 42 4,617.00 3,334.50 u Sport Diviżjoni ta' l- 56 13,718.35 13,718.35 Edukazzjoni Diptartiment ta' 10 993.00 993.00 l-Eżamijiet Dipt. tal-Libreriji 1 3.00 3.00 u Arkivji Dipartiment tal- Nil Nil Nil Mużewijiet Dipartiment tal- 36 3,057.00 2,974.00 Kultura
Leg 9 PQ #33832 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliema 'l fuq minn 57 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regolamenti fejn għalliema li għalqu l-57 sena jingħataw load ta' lezzjonijiet anqas? Dan japplika għall-għalliema fl-iskejjel kollha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għalliema li waslu fl-aħħar erba' snin skolastiċi qabel l-eta` massima li jirtiraw u li għandhom 30 sena ta' esperjenza fit-tagħlim, jistgħu japplikaw għal tnaqqis ta' 25% tal-load ta' lezzjonijiet u jagħtu kontribut f'oqsma tat-twettiq tal-Kurrikulu. Dan huwa parti mill-addendum iffirmat bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Malta Union of Teachers. Dan ir-regolament japplika għall-għalliema fl-iskejjel kollha fuq talba li huma jagħmlu bħala riżultat ta' ċirkolari li toħroġ kull sena.
Leg 9 PQ #33834 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skola — Studenti Barranin - Tgħalim ta' l-Ingliż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 33540, jista' l-Ministru jgħid għaliex ingħalqet l-iskola ta' l-Istat li kienet tgħallem l-Ingliż lill-barranin? Meta? X'sar mill-bini fejn kienet din l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola ta' l-Istat li kienet tgħallem l-Ingliż lill-barranin ingħalqet mill-Amministrazzjoni Laburista fl-1998. L-iskola msemmija, magħrufa bħala International School of English kient ilha sejra lura, tnaqqas fid-dħul finanzjarju u fin-numru ta' studenti li jiffrekwentawha. Kien inħass li jekk l-iskola tidħol tagħmel parti mill-MUS ta' l-Universita` ta' Malta, l-isem ta' l-Universita` jwassal sabiex aktar studenti barranin jersqu lejn din l-iskola milli kieku baqgħet topera bil-kriterji stabbiliti. Għalhekk, is-servizz ġie trasferit għand l-Universita` sabiex tmexxih hi. L-International School of English kienet tagħmel użu minn bini fl-iskejjel governattivi sabiex twassal is-servizz tagħha u ma kellha ebda bini speċifiku allokat lilha.
Leg 9 PQ #33845 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Universita'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33694, jista' jgħid x'sodisfazzjon b'mod ta' rapporti serji u dokumentati ngħataw il-membri tal-kunsill ta' l-Universita` dwar id-deċiżjonijiet tal-promotions board fl-għażla tal-ħatriet fis-sejħa li ħarġet għal staff akkademiku fl-1998? Fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti dokumentati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Kunsill aġixxa u aċċetta bl-istess mod kif dejjem aġixxa u aċċetta qabel fejn bordijiet ta' għażla mwaqqfin minnu taw rakkomandazzjonijiet tagħhom, speċjalment fejn dawn saru b'mod unanimu. Informat li r-rapporti li ta l-Promotions Board lill-Kunsill kienu dejjem verbali u ta' natura kunfidenzjali.
Leg 9 PQ #33847 Sitting 751 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill ta' l-Universita'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33691, jista' jgħid jekk l-ittra ta' Prof. EA Mallia, mibgħuta lill-President Dr A Camilleri bid-data tat-8 ta' Mejju 2002, ġietx diskussa fil-kunsill ta' l-Universita`? Jista' jgħid jekk itteħditx xi deċiżjoni dwarha? Fil-każ, x'deċiżjonijiet ittieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ittra ta' Professor E A Mallia ġiet diskussa fil-Kunsill tas-16 ta' Mejju 2002. Naturalment id-diskussjonijiet tal-Kunsill huma kunfidenzjali. Id-deċiżjoni li kien ħa l-Kunsill dwar il-promozzjonijiet ma nbidlitx.
Leg 9 PQ #33778 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Klassijiet Primarji — Bdiel ta' PCs

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jibdew jinbidlu l-PCs li daħlu fil-klassijiet primarji fis-snin li għaddew biex jiġu aġġornati b'mudelli iżjed riċenti? Fil-każ li iva, x'se jsir mill-PCs li jitneħħew? Hemm xi ħsieb li joffruhom għall-bejgħ lill-familji li jixtiequ jixtruhom għat-tfal tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li ma hemmx pjani biex il-PCs fil-klassijiet tal-primarja jinbidlufis-sena 2003.
Leg 9 PQ #33785 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Computer Studies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33605, jista' jgħid liema junior lyceums u area secondary schools qed jiġi offrut is-suġġett tal-computer studies mill-form III 'il fuq? F'kull skola kemm applikaw għal dan is-suġġett għal form III għas-sena d-dieħla? F'kull skola kemm ġew aċċettati minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sa mis-sena skolastika 1994-95 l-istudenti kollha mill-Form I sa Form V f'kull Junior Lyceum u f'kull Area Secondary ibbenefikaw mis-suġġett obbligatorju ta' l-IT. Fl-iskejjel primarji t-tfal kollha qed isiru midħla ta' l-IT permezz tat-tagħlim li qed jingħataw bil-computer. Barra minn hekk issa dħalna fil-fażi fejn it-tfal jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex iħaddmu software, l-email u l-internet. Informat ukoll li s-suġġett tal-computer studies huwa wieħed mis-suġġetti li jiġi offrut bħala għażla (option) mill-Form III 'l fuq fil-Junior Lyceums kollha u mill-Form IV fl-Area Secondaries kollha. Minħabba l-limitazzjoni ta' riżorsi ta' għalliema fis-suġġett u apparat issir għażla ta' liema studenti jiġu aċċettati. L-għażla ssir fuq kriterju ta' marki li l-istudenti jġibu fl-eżamijiet ta' nofs is-sena fil-Matematika, fl-Ingliż u fl-IT. Lista ta' kemm applikaw studenti u kemm qed jiġu aċċettati f'kull skola qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #33800 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Titjieb fl-Ambjent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq s'issa matul din is-sena finanzjarja fuq miżuri biex l-ambjent jitjieb fl-iskejjel ta' l-Istat kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33214? Liema skejjel gawdew s'issa u x'inhu x-xogħol li sar fihom? Saret valutazzjoni tax-xogħol li għandu jsir fil-liċeo San Ġużepp? Meta se jsir ix-xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għal Mistoqsija numru 33843.
Leg 9 PQ #33843 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 33692, jista' jgħid x'xogħol għaddej bħalissa ta' 1) manutenzjoni 2) bini fl-iskejjel? F'kull każ f'liema skejjel u x'inhi l-istima tax-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #33874 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kalkara — Villa Portelli

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'użu qiegħed isir preżentament minn Villa Portelli, Kalkara? Kemm hemm impjegati u kemm jattendu studenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Villa Portelli bħalissa qed tintuża mill-Istitut Marittimu tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Informat li hemm 7 impjegati full-time u waħda part-time. Hemm ukoll 24 għalliema oħra part-time. Hemm 18-il student full-time u 3 part-time fuq bażi regolari. Ma dawn wieħed irid jgħodd ukoll 1598 studenti oħra part-time li jattendu diversi short courses mitlubin mill-STCW (Standards for Training Certification Watchkeeping).
Leg 9 PQ #33906 Sitting 750 2002-06-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior Lyceum Ħamrun — Maintenance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi bi ħsiebu jieħu l-gvern biex tiġi indirizzata t-traskuraġni li jidher li hemm fiż-żamma u fil-maintenance tal-junior lyceum, tal-Ħamrun?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġimgħa li għaddiet stess beda l-audit ta' din l-iskola u jekk jirriżulta li hemm bżonn xi ħtiġijiet, dawn jiġu ndirizzati.
Leg 9 PQ #33727 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid hemmx xi problema ta' spazju fil-kindergarten ta' primarja A taz-Zurrieq għas-sena skolastika 2002 -2003? Jirriżulta li ġenituri qed imorru jiktbu lil uliedhom għall-kindergarten għas-sena d-dieħla u qed jgħidulhom li mhux se jaċċettawhom għax m'hemmx spazju għalihom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskola Primarja A taż-Żurrieq għadha qed taċċetta ġenituri biex jiktbu lil uliedhom għall-Kindergarten. Jirriżulta li n-numru ta' tfal li ser jidħlu fil-Kindergarten huwa bejn wieħed u ieħor l-istess bħal tas-sena l-oħra. It-tfal kollha miktubin għas-sena skolastika 2002-2003 ser ikunu aċċettati.
Leg 9 PQ #33728 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li studenti li joqgħodu għas-Sec tal-istorja jkollhom iwieġbu bl-ingliż biss u mhux jagħżlu jekk iwieġbux bil-Malti jew bl-Ingliż? Meta ġiet ikkomunikata din id-deċizjoni lill-istudenti - kandidati tas-Sec fl-istorja?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kull eżami hu bbażat fuq is-sillabu li joħroġ mill-Bord ta' l-eżami sa minn sentejn qabel. Fis-sillabu ta' l-Istorja ma hemm imkien indikat li l-istudenti jistgħu jwieġbu bl-Ingliż jew bil-Malti. Għalhekk l-eżaminaturi ma kienux marbuta li jagħtu din l-għażla lill-istudenti fl-ewwel karta ta' l-Istorja, aktar u aktar meta t-tweġibiet għall-mistoqsijiet kienu għażla ta' ismijiet jew kliem, jew ta' sentenzi qosra. Ma' dan kollu l-eżaminaturi taw l-għażla lill-istudenti biex iwieġbu bl-Ingliż jew bil-Malti fit-tieni karta billi din kienet titlob komponimenti ta' ċertu tul.
Leg 9 PQ #33738 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Msida — Kulleġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm għall-kulleġġ Madre Tereża ta' l-Imsida peress li qed timxi l-kelma li se jingħalaq?

Response (GALEA, LOUIS)

Hemm il-pjan li l-Kulleġġ Madre Tereża jiġi riorganizzat u amalgamat ma' l-Istitut għas-Servizz fil-Komunita` fi ħdan il-Kulleġġ Malti ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija, meta dan l-Istitut jitwaqqaf.
Leg 9 PQ #33753 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li studenti li qagħdu għas-sessjoni prattika ta' l-eżami tal-chemistry f'livell avvanzat tal-Matsec fil-laboratorju ta' l-universita' tħallew jistennew ħafna bla ma kien spjegat lilhom għaliex u kellhom ukoll jaħslu l-apparat qabel jibdew, jista' jivverifika x'ġara u x'rimedju se jkollhom l-istudenti biex ittaffi l-problemi li nħolqu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li din is-sena kien hemm sitt sessjonijiet ta' l-eżami tal-chemistry fil-livell avvanzat fil-laboratorji ta' l-Universita`. Dawn tqassmu fuq tlett ijiem u kull jum ikun hemm sessjoni mid-9.00a.m. sa' nofs in-nhar u sessjoni oħra bl-istess prattiku wara nofs in-nhar. L-istudenti li jmisshom fit-tieni sessjoni jintalbu jiġu f'nofs in-nhar u jinżammu f'lecture room sakemm jitnaddfu u jintramaw mill-ġdid it-tlett laboratorji li jkunu ntużaw filgħodu. Din il-proċedura, li ilha tintuża dawn l-aħħar tlett snin, tieħu bejn tlett kwarti u siegħa u f'dan il-ħin il-kandidati jingħataw spjega ta' dak li jkun qed jiġri. Malli l-kandidati jidħlu fil-laboratorji jintalbu jlaħalħu l-apparat tat-titration bl-ilma distillat. Din hija rutina normali biex l-istudenti jassiguraw irwieħhom li ma jkunx hemm kontaminazzjoni kimika mill-ilma tal-vit, li tista' tagħtihom riżultati ħżiena. Il-proċedura ma ħolqitx problemi fl-assessjar ta' l-istudenti u għalhekk mhux il-każ li jingħata xi rimedju.
Leg 9 PQ #33760 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Floriana — Sir Robert Sammut Hall

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjani tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar l-użu ta' Sir Robert Sammut Hall fil-Floriana? Meta hemm il-ħsieb li din is-sala tibda tintuża b'mod differenti milli qed tintuża bħalissa?

Response (GALEA, LOUIS)

Il-bini Sir Robert Sammut Hall ser jintuża bħala Ċentru Nazzjonali tal-Litteriżmu. Studenti, għalliema u ġenituri se jibdew jużaw dan iċ-Ċentru għal ħafna attivitajiet li joħorġu mill-inizjattivi marbutin mal-litteriżmu fil-gżejjer Maltin. Is-sular ta' isfel sejjer jipprovdi s-servizzi kollha ta' tħejjija u appoġġ, filwaqt li s-sala ta' fuq se tkun spazju għal użu varju ('multipurpose') skond in-natura ta' kull attivita`. Wara li l-bini kollu minn barra kien restawrat, bħalissa għaddej xogħol estensiv ta' tibdil fuq ġewwa. Ix-xogħol fis-sular ta' isfel (basement) riesaq lejn tmiemu. Is-sala ser tiġi restawrata u adatata mingħajr ebda ħsara lil dan il-wirt. Din il-biċċa xogħol delikata, skond pjani approvati, mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #33771 Sitting 748 2002-06-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord għal Twaqqif ta' Skejjel Ġodda — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif segwenti dwar il-bord imwaqqaf mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni u l-awtorita` ta' l-ippjanar biex jeżamina l-applikazzjonijiet ġodda għat-twaqqif ta' skejjel, tuition centers kemm fis-settur governattiv kif ukoll tal-privat? Kemm-il darba ltaqa' dan il-bord minn Jannar ta' 2001 sa Diċembru 2001 u minn Jannar 2002 sal-lum? Kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem dan il-bord fil-qasam statali, skejjel tal-knisja, skejjel tal-lingwa Ingliża u skejjel jew ċentri ta' tagħlim privat? Għaliex dan il-bord mhux qed jiltaqa' regolarment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li rappreżentanti mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar jiltaqgħu flimkien bl-iskop li tingħata informazzjoni dwar applikazzjonijiet pendenti. F'dawn il-laqgħat ma jittieħdux deċiżjonijiet. Ir-rappreżentanti iltaqgħu tliet darbiet fil-perjodu bejn Jannar u Diċembru 2001. Minn Jannar 2002 sal-lum iltaqgħu darba u ser jerġgħu jiltaqgħu fil-bidu ta' Ġunju 2002. Barra minn hekk issir kommunikazzjoni bejn iż-żewġ naħat b'mod regolari skond il-ħtieġa. Bħala applikazzjonijiet pendenti hemm seba' li jirrigwardaw il-qasam statali, xejn għar-rigward ta' Skejjel tal-Knisja, tnejn għal dawk li huma skejjel tal-lingwa Ingliża u tnax minn skejjel jew ċentru ta' tagħlim privat.