Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #28386 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – operating profit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-operating profit tal-Air Malta għas-sena 2015/16?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-operating profit tal-Air Malta għas-sena 2015/16 ser jiġi ppublikat fil-forum opportun skont il-liġi.
Leg 12 PQ #28387 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati l-financial statements tal-Air Malta għas-sena 2015/16?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28386, datata 20 ta’ Diċembru 2016.
Leg 12 PQ #28388 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MCC – Financial Statements

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 23898, peress li t-tweġibiet li għamel riferenza għalihom il-Ministru ma jikkonċernawx il-financial statements (li huwa obbligu statutorju ta’ kull kumpanija), jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar set ta’ financial statements tal-Mediterranean Conference Centre?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħal ma diġa spjegajt fil-Mistoqsija Parlamentari 23898, peress illi il-Mediterranean Conference Centre (MCC) tikkompeti ma’ kumpaniji u entitajiet oħra li joperaw fl-istess settur, il-management għadu jinsisti li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u għalhekk sensittiva. Filwaqt illi l-Mistoqsijiet Parlamentari, li kienu saru lill-amministrazzjoni Nazzjonalista u li qed jagħmel referenza għalihom l-Interpellant ma jistaqsux speċifikament għall-financial statements, madanakollu jistaqsu għal informazzjoni finanzjarja bħal taxxi u tariffi, prezz ta’ kirjiet tas-swali u servizzi ta’ awditjar intern. Tali nformazzjoni ma ngħatatx minħabba sensittivita’ kummerċjali, u per konsegwenza ser jiġi applikat dan il-prinċipju.
Leg 12 PQ #28389 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-Air Malta fis-snin 2015 u 2016, u jagħti l-informazzjoni skont il-grad li fihom ġew impjegati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar
Leg 12 PQ #28390 Sitting 463 2016-12-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Smart City – ITS — Proġett ta’ rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiswa l-proġett tar-rilokazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) lejn Smart City?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-proġett tar-rilokazzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) lejn Smart City huwa stmat ill ser jiġi globalment jiswa madwar €74 miljun u ser jitmexxa minn Projects Malta. Dan l-investiment, illi huwa wieħed mill-akbar proġetti li qatt saru għar-riżorsi umani fit-turiżmu, se jġib fil-prattika l-impenn tal-Istitut sabiex jipprovdi l-industrija tat-turiżmu b’impjegati professjonali, kif ukoll imħarrġa u ppreparati għad-dinja tax-xogħol tal-lum f’dan il-qasam.
Leg 12 PQ #28383 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23897 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22323, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ accounts irrispettivament liema metodu ta’ accounting tintuża?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #28384 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi – erba’ u ħames stilel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ lukandi ta’ erba’ u ħames stilel bejn l-2012 u l-2016, u jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tabella bin-numru ta’ lukandi ta’ erba’ u ħames stilel bejn l-2012 u l-2016, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Interpellant illi bejn il-perjodu 2004 u 2012, għalqu disa’ lukandi ta’ erba’ stilel u tlett lukandi ta’ ħames stilel. Filwaqt illi fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti, il-lukandi jagħlqu u ma jerġgħux jiftħu, bil-politika ta’ dan il-Gvern illi qed toħloq stabbilta’ ekonomika u finanzjarja li tixpruna u tippermetti lis-settur privat ikompli jinvesti f’din l-industrija, il-lukandi f’dawn l-aħħar erba’ snin qed jagħlqu temporanjament għal rinovar maġġuri. Riċentement qed naraw ukoll żieda sostanzjali ta’ lukandi illi applikaw biex i¿idu n-numru tas-sulari tagħhom. Fil-fatt, fl-2014 applikaw ħames lukandi ta’ erba’ stilel u żewġ lukandi ta’ ħames stilel għal żewġ sulari addizzjonali, filwaqt li fl-2015 u fl-2016, rispettivament, applikaw disa’ u seba’ lukandi ta’ erba’ stilel. Apparti minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2016, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu għandha erba’ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ erba’ stilel u żewġ applikazzjonijiet pendenti għal lukandi ġodda ta’ ħames stilel. Skond l-aħħar stħarriġ ikkummisjonat mill-MHRA, ta’ min jinnota illi f’termini ta’ okkupanza ta’ kmamar f’lukandi t’erba’ u ħames stilel naraw li s-sena 2015 kienet sena li mmarkat ¿ieda konsiderevoli minħabba avvenimenti għoljin internazzjonali li seħħew f’pajji¿na. Madanakollu, meta tqabbel l-okkupanzi ta’ l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena ma’ l-istess xhur tas-sena 2014 naraw tkabbir ta’ 3.2% għal erba’ stilel u żieda ta’ 1.6% għall-lukandi ta’ ħames stilel. Mill-istess stħarrig, insibu li d-dħul tal-lukandi (GOPAR) t’erba’ u ħames stilel fl-istess xhur imsemmija ta’ din is-sena kien wieħed pożittiv kemm mad-dħul li rreġistraw fl-istess xhur tas-sena l-oħra u wisq aktar ma tal-2014. Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, il-lukandi ta’ ħames stilel kellhom tkabbir fid-dħul ta’ 3.3% fuq l-istess perjodu tal-2015, filwaqt li l-lukandi ta’ erba’ stilel irreġistraw żieda ta’ 11.4% fuq l-istess xhur imsemmija tas-sena l-oħra.
Leg 12 PQ #29019 Sitting 459 2016-12-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Kontribuzzjoni ta’ 50 ċenteżmu mit-turisti — proġetti

Question

Billi issa s-somma miġbura mill-kontribuzzjoni ta' 50 ċenteżmu mit-turisti suppost li tlaħħaq il-miljuni, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-proġetti li se jkunu qed isiru matul l-2017? Liema minn dawn il-proġetti jeħtieġu permessi minn awtoritajiet oħra? Liema huma l-proġetti li għalihom diġà saru l-applikazzjonijiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 27450, 26661 u 25761.
Leg 12 PQ #29020 Sitting 459 2016-12-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – titjiriet għal Airports Ewropej

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Air Malta hux se tkun qiegħda tnaqqas jew twaqqaf għal kollox xi titjiriet għal xi Airports Ewropej? Jekk iva, lejn liema airports u x’inhi r-raġuni għal dan it-twaqqif?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-sajf li ġej, l-Air Malta qed tippjana li topera 150 titjira fil-ġimgħa lejn 29 destinazzjoni. B’din l-iskeda, li tibda mis-26 ta’ Marzu sat-28 ta’ Ottubru 2017, il-linja tal-ajru ta’ Malta qed tippjana li ġġorr 1.2 miljun passiġġier filwaqt li tkompli topera bi flotta ta’ tmien ajruplani. Il-numru ta’ passiġġieri u l-flotta se jibqgħu l-istess bħal din is-sena. L-iskeda tal-Air Malta għas-sajf 2017 se jkollha żieda fil-frekwenzi lejn Munich, Brussell, Amsterdam, Vjenna, Zurich, Ruma, Catania, Lyon, Palermo, Praga u Moska. Fl-eqqel tas-sajf, il-linja tal-ajru se topera sa żewġ vjaġġi kuljum lejn Munich, Ruma u Catania. Is-sajf li ġej l-Air Malta se tnaqqas xi frekwenzi għall-istaġun kollu, jew parti minnu, lejn London Gatwick, Berlin, Manchester u Ġinevra u se twaqqaf il-frekwenzi lejn Ateni u Frankfurt. Madankollu l-linja tal-ajru xorta se żżomm it-titjiriet ta’ code-sharing mal-Lufthansa lejn Frankfurt fejn il-linja tal-ajru Ġermaniza se topera b’żewġ titjiriet kuljum. Tibdil simili jsir kull stagun u jsir għal raġunijiet kummerċjali sabiex il-linja tal-ajru żżid l-effiċjenza operattiva u tikseb l-aħjar opportunitajiet min-netwerk ta’ rotot tagħha filwaqt li tirreaġixxi għall-kompetizzjoni.
Leg 12 PQ #28950 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: BEPPE FENECH ADAMI To: Ministeru għat-Turiżmu

Safar fuq xogħol Ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-15 ta’ Novembru 2016 huwa sifirx fuq xogħol ministerjali u jekk fl-affermattv jgħid f’liema ħin telaq mill-pajjiż, b’liema linja tal-ajru u għal liema destinazzjoni?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jum indikat fid-domanda parlamentari, il-Ministru telaq fuq żjara uffiċjali lejn Brussel fejn l-għada l-kabinett Malti kien se jiltaqa’ mal-Kulleġġ tal-Kummissarji tal-Unjoni Ewropeja, anke in vista tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (UE), li se tibda ftit ġimgħat oħra f’Jannar 2017. Il-Ministru telaq minn Malta bit-titjira KM420.
Leg 12 PQ #28957 Sitting 458 2016-12-05 Oral · Final From: ETIENNE GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Wied il-Għajn — pjazza quddiem il-Knisja - tisbiħ

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 28815, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir it-tisbiħ tal-pjazza quddiem il-Knisja ta’ Wied il-Għajn u fejn se ssir il-pixxina l-ġdida?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp ta’ Żoni Turistiċi qed tikkoordina x-xogħol neċessarju fejn jidħol disinn tal-pjazza quddiem il-Knisja, konsultazzjonijiet, kif ukoll diskussjonijiet mal-Awtoritajiet ikkonċernati. Huwa maħsub li l-applikazzjoni tiddaħħal il-Planning Authority fil-ġimgħat li ġejjin. Huwa pjanat li dan it-tisbiħ isir fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla sabiex jitlesta’ u jkun jista’ jitgawda fis-sajf 2017. Rigward id-domanda fuq il-pixxina, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Leg 12 PQ #28821 Sitting 455 2016-11-28 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Baggage Handling – Lufthansa — servizz

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Lufthansa se tħalli s-servizz ta’ baggage handling tal-Air Malta? X’se jkun it-telf għall-Air Malta u x’qed jagħmel il-Ministru biex inaqqas l-impatt jew iġib xogħol ġdid?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħalissa l-Air Malta qed toffri s-servizzi ta’ ground handling lil għoxrin kumpanija tal-ajru. Dawn il-kuntratti jiġu nnegozjati perjodikament. Kontinwament, il-kumpanija nazzjonali taħdem sabiex iġġib aktar xogħol lejn din it-taqsima u filfatt fl-aħħar sena rnexxielha tirbaħ sitt klijenti ġodda: l-Air Berlin, Czech Airlines, Iberia Express, Fly Niki, Volatea u Atlantic Airways. Għalkemm il-Lufthansa għadha m’għarrfitx lill-Air Malta b’mod formali, jidher li din il-kumpanija m’hux ser iġġedded il-kuntratt tagħha. Huwa proċess normali f’entitajiet kummerċjali li kuntratti jiġġeddu, jiġu negozjati mill-ġdid jew ma jiġġeddux abbażi ta' diversi fatturi u termini li jagħmlu sens kummerċjali kemm għall-klijent u kif ukoll għal min jipprovdi servizz. It-termini tal-kuntratt, bħall-introjtu għall-Air Malta, ma’ jistgħux jingħataw minħabba li huma kummerċjalment sensittivi. Nassigura lill-Interpellant illi mis-sena 2013 l’hawn, l-introjtu li qed iddaħħal il-kumpanija permezz ta’ kuntratti ta’ ground handling qiegħed kull ma jmur jiżdied, bi tkabbir ta’ iktar minn 50% fuq l-2013.
Leg 12 PQ #27098 Sitting 454 2016-11-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Suq Pollakk

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Pollakk fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-suq Pollakk huwa suq ieħor li qiegħed jagħtina sodisfazzjon b’riżultati tajbin ħafna f’dawn l-aħħar sentejn. Fl-2013, kienu żaruna 23,889 turist mill-Polonja, fl-2014 dan in-numru tela’ għal 34,723 u fl-2015 ilħaqna iċ-ċifra ta’ 46,233 ruħ. Ċertament rata ta’ tkabbir fenomenali li mhux qed tkun biss fix-xhur tas-sajf imma tul is-sena kollha. Fil-fatt, meta tqabbel l-ammont ta’ 20,086 viżitatur mill-Polonja illi ġew fl-2012 ma l-2015, l-ammont iktar milli rdoppja. Tabella bil-figuri qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fl-2016, għall-ewwel darba, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu nhediet kampanji ta’ reklamar fil-bliet Pollakki ta’ Varsavja, Poznan, Gdansk, Krakovja u Wroclaw u r-riżultati minn dan il-pajjiż komplew jitjiebu. Fil-fatt, skont l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena ġew pajjiżna 45,898 turist. Dan ifisser li kważi diġa’ lħaqna n-numru totali ta’ Pollakki li żaruna fl-2015 u żieda ta’ 46.5% jew 14,575 turist meta wieħed iqabbel mal-ewwel tmien xhur tas-sena li għaddiet. Dan il-Gvern qed jippjana sabiex fl-2017, nżidu l-attivita’ tagħna ta’ marketing u nifirxu l-attivita’ f’niċeċ li għadna m’esplorajniex f’dan is-suq, bħat-turiżmu reliġjuż u tal-konferenzi, kif ukoll nespandu f’reġjuni oħra viċin l-ajruporti li minnhom għandna titjiriet diretti lejn pajjiżna.
Leg 12 PQ #27099 Sitting 454 2016-11-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Suq Ġermaniż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’riżultati nkisbu mis-suq Ġermaniż fl-ewwel sitt xhur tal-2016? Xi pjanijiet għandha l-Awtorità għal dan is-suq?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħala Ministeru u bħala Awtorita tat-Turi¿mu, nemmnu li s-suq Ġermaniz jista’ jtina iktar milli tagħna f’dawn l-aħħar għaxar snin, fejn għajr għal eċċezzjoni ta’ sena jew tnejn, in-numru ta’ turisti minn dan il-pajjiż varja fir-regjun ta’ 130,000/140,000 turist fis-sena. Ħdimna u se nkomplu naħdmu sabiex intejbu l-konnettivita’ minn dan il-pajjiż u varajna u se nkomplu nvaraw inizjattivi ġodda ta’ marketing fl-ibliet u reġjuni li minnhom għandna titjiriet diretti. Fis-Sajf li għadda, kellna lil Ryanair li beda titjiriet ġodda minn Baden Baden, Berlin, Kolonja u Dusselforf Weeze u Air Malta li ¿iedet il-frekwenzi minn Berlin. Fl-iskeda tax-xitwa li tibda f’Novembru, se jkollna titjiriet ġodda minn Ryanair fuq Nuremberg filwaqt li se jkomplu t-titjiriet minn Baden Baden, Berlin u Kolonja. Lufthansa se jkunu qegħdin iżidu t-titjiriet minn Frankfurt u Munich filwaqt li Air Malta se żżid t-titjiriet minn Munich ukoll. Għas-Sajf 2017, se jkollna l-linja ta’ l-ajru Condor li se tibda ttir lejn Malta minn Hamburg filwaqt li Transavia se tibda titjiriet lejn pajjiżna minn Munich. Ir-riżultati miksuba fis-suq Ġermaniż fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena huma pożittivi fejn meta mqabblin ma’ l-istess perjodu s-sena l-oħra qegħdin naraw żieda ta’ 7,424 turist jew tkabbir ta’ 8.2%. Għal dan is-suq, l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu għandha ppjanat programm fejn ser tkompli tkabbar l’attivitajiet ta’ PR u Marketing, kif ukoll is-sapport għal tour operators għas-sena d-dieħla.
Leg 12 PQ #27100 Sitting 454 2016-11-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Overseas productions iffilmjati f’Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-overseas productions iffilmjati f’Malta u f’Għawdex fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkolat li kien il-kontribut finanzjarju li ħallew dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-ekonomija lokali sena b’sena b’mod separat? Jista’ jgħid kemm inħolqu impjiegi riżultat ta’ dawn il-produzzjonijiet sena b’sena b’mod separat?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul is-sena li għaddiet, kien hemm element qawwi ta’ diversifikazzjoni fl-industrija tal-Films. Minbarra films li ġew attirati, numru kbir ta’ sensiliet għat-televizjoni internazzjonali u produzzjonijiet ta’ reklami għal ditti rinomati nefqu miljuni ta’ ewro f’pajjiżna. Din l-industrija kompliet tagħti kontribuzzjoni importanti lill-ekonomija ta' Malta. Fost xogħol ieħor, il-Kummissjoni tal-Films wettqet kampanja estensiva ta’ marketing madwar id-dinja u qed tesplora wkoll swieq ġodda fosthom dak tal-Asia. Din l-industrija qed taqdi wkoll rwol importanti f’dak li hu reklamar ta’ pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Is-sena 2015, kienet sena rekord fin-numru ta’ produzzjonijiet barranin li ffilmjaw f’Malta. Fil fatt, in-numru ta’ produzzjonijiet jammonta għal 16-il wieħed. Is-sena 2015 kienet ukoll rekord assolut fl-ammont ta’ flus iġġenerati mill-industrija tal-films. L-attivita’ ekonomika diretta u indiretta tal-industrija tal-films laħqet figura ta’ madwar mitt miljun Ewro. Meta kkumparat mal-2012 u l-2013, l-ammont iġġenerat kien ta’ ftit aktar minn sittax-il miljun u ta’ kwazi erba’ miljuni u nofs, rispettivament. Fir-rigward tan-numru ta’ impjiegi li nħolqu, l-impjiegi diretti jammonta għal madwar 2,000 bħala crew u madwar 2,500 persuna li ħadmu bħala extras u atturi. Fir-rigward ta’ impjiegi indiretti, dawn il-produzzjonijiet jiġġeneraw eluf ta’ impjiegi illi huwa diffiċli ħafna jiġu kkwantifikati.
Leg 12 PQ #27101 Sitting 454 2016-11-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Fund – local productions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-local productions li bbenefikaw mill-Malta Film Fund fl-2015? Jista’ jgħid liema kienu u x’kienet in-natura tagħhom? Jista’ jgħid kemm kienu l-fondi allokati lil dawn il-produzzjonijiet b’mod totali fl-2015?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fit-talent lokali u qed jaħdem sabiex jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ sehem u ta’ xogħol fl-industrija tal-films indiġena. F’konformita’ mal-politika nazzjonali tal-Film – li hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, il-Gvern huwa determinat li jkompli jgħin u jinvesti f’dan is-settur f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Permezz tal-Malta Film Fund qed jirnexxielna noħolqu dawn l-opportunitajiet għal film makers lokali. Għall-ewwel darba mit-twaqqif ta’ dan il-fond, se jiżdied il-budget allokat sabiex ikunu jistgħu jingħataw aktar grants lil produzzjonijiet lokali. Fl-2015, ingħataw €243,400 lil għaxar proġetti differenti. Skond il-prattiċi ta’ trasperenza li bihom timxi l-Kummisjoni tal-Films, kull sena, dettalji tal-Film Fund qed jiġu ppublikati fuq il-Website tal-Kummissjoni.
Leg 12 PQ #27092 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Port calls minn cruise liners ġewwa Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellna port calls minn cruise liners ġewwa Għawdex waħdu, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena u kemm kien l-ammont ta’ passiġġieri li kienu qed iġorru fl-istess xhur imsemmija? Jista’ jgħid x’kienet id-differenza perċentwali f’dawn il-figuri meta kkomparati mal-istess xhur tas-sena l-oħra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Gżira Għawdxija wkoll qed tgawdi mis-suċċessi li qed joħloq is-settur tal-Cruiselining. Skont ċifri minn Transport Malta, f’Għawdex fl-ewwel nofs ta’ din is-sena ġew reġistrati 9 port calls minn vapuri tal-cruiseline, tnejn aktar milli daħħlu is-sena l-oħra fl-istess perjodu. Dawn il-cruiseliners kienu qed iġorru fuqhom 2,474 passiġġier, jiġifieri 3.6% aktar minn dak reġistrat fl-istess xhur tas-sena l-oħra. Skont l-aħħar ċifri maħruġa mill-uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, fl-ewwel 9 xhur ta’ din is-sena il-cruiseliners li daħħlu Għawdex ġarrew aktar minn 5,200 passiġġier. Dan ifisser tkabbir ta’ aktar minn 76% fin-numru ta’ passiġġieri reġistrati fl-istess xhur tal-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti. L-2015 kienet l-aqwa sena li Għawdex qatt irreġistra f’din l-industrija hekk kif is-sena l-oħra f’Għawdex ġew reġistrati 18-il port call, li ġarrew il fuq minn 9,800 passiġġier, it-tripplu minn dak reġistrat fl-2012 u 14-il darba aktar mill-2014.
Leg 12 PQ #27093 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Bidliet fl-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlet l-istaġonalità fl-influss ta’ turisti lejn Malta matul l-aħħar tliet snin? X’kienu r-raġunijiet prinċipali li wasslu għal dan it-tibdil? Minn liema swieq l-aktar li kien hemm kambjament pożittiv?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-istaġonalità minn aspett ta’ żieda perċentwali fil-volumi tat-turisti, l-aħħar xitwa 2015/2016, qed turi l-għola żieda ta’ 11% meta mqabbla mal-istaguni l-oħra fejn fil-perjodu tas-sajf żdied b’rata ta’ 6%. Barra minn hekk, jekk wieħed iħares kif l-influss tat-turisti huwa mqassam fuq l-istaġuni, jinnota, li s-sehem (share) tax-xitwa fl-aħħar sena (2015/2016) meta mqabbel mas-sena ta’ qabel (2014/2015), żdied b’ 1 punt perċentwali, minn 24% għal 25%. Ir-raġuni prinċipali għal din iż-żieda, hi r-riżultat pożittiv ta’ xogħol kontinwu tal-Gvern mal-Malta International Airport biex ikomplu jtejbu l-konettivita’ ta’ Malta matul is-sena kollha, speċjalment fl-istaġun tax-xitwa. Fil-fatt, in-numru ta’ air seats fix-xitwa 2016/2015 żdied b’10.4% meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel (Novembru sa Marzu). Reġuni oħra wara dawn ir-riżultati kien ix-xogħol tal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu illi qassmet il-baġit tagħha aħjar u allokat iktar fondi għall-inizjattivi ta’ marketing li jiffokaw fuq ħolqien ta’ domanda addizzjonali għal pajjiżna fix-xhur tax-xitwa. L-Awtorità qed tiffoka wkoll fuq niċċeċ speċifiċi bħal ma huma turiżmu sportiv, turiżmu kulturali, btajjel qosra, turiżmu għat-terza eta', dak reliġjuz u gastronomiku, u turiżmu MICE. Qed naħdmu wkoll mas-settur privat u promoturi internazzjonali sabiex noħolqu u nippromwovu iktar avvenimenti ta' livell għoli, li bihom jirnexxielna nattiraw turiħmu ġdid lejn Malta u Ghawdex. L-influss ta’ turisti fl-aħħar staġun tax-xitwa meta mqabbel max-xitwa ta’ qabel żdied minn diversi pajjizi ta’ oriġini kemm miċ-ċentru u il-punent ta’ l-Ewropa (Ġermanja, Italja, Spanja, Kroazja), il-lvant ta’ l- Ewropa (Polonja, Litwanja, Latvja, Repubblika Ċeka,) mill-Ewropa ta’ fuq (Renju Unit, Irlanda u pajjiżi Nordiċi) u kif ukoll minn pajjiżi mbegħda bħall-Amerika. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella illi turi l-influss tat-turisti u żieda fil-persentaġġi perċentwali matul l-aħħar tlett snin. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għall-benefiċċju ta’ din il-mistoqsija u l-informazzjoni li ser titpoġġa, l-istaġuni tat-turiżmu ser jiġu maqsumin fi tlett perjodi - minn Lulju sa Ottubru bħala x-xhur fejn l-influss jilħaq l-għola livelli, minn Novembru sa Marzu li hu l-perjodu meqjus bħala l-istagun tax-xitwa, u minn April sa Ġunju.
Leg 12 PQ #27094 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Servizzi provduti fil-bajjiet Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iżviluppi ewlenin fis-servizzi provduti fil-bajjiet Maltin u Għawdxin matul is-sajf 2016 komparat mas-snin ta’ qabel, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċessibilità? Kemm kienet in-nefqa din is-sena għal titjib fil-bajjiet?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu timmanniġja direttament numru ta’ bajjiet u fost ħidma oħra, tagħmel xogħol ta’ titjib sabiex il-bajjiet tagħna jkunu iktar aċċessibli għal kulħadd. In-nefqa totali għal dan it-titjib fuq il-bajjiet tammonta għal €64,150. Għas-sena 2016, l-Awtorità wettqet diversi proġetti li permezz tagħom individwi u familji bi bżonnijiet diversi, setgħu igawdu milli jżuru l-bajjiet b’iktar kumdità. Dan is-sajf, ġew installati żewġ pjattaformi ġodda ta’ 150 metru tul fil-bajja tal-Għadira fil-Mellieħa. Għall-ewwel darba, twaħħlu hoist chairs f’bajjiet bil-blat fil-Qawra u l-Exiles Sliema. Barra minn hekk, xtrajna u żidna wkoll l-ammont ta’ beach trotters (magħrufa wkoll bħala amphibious chairs) fil-bajjiet ramlin ta’ Malta. F’konformita’ ma’ politika sostenibbli u responsabbli għat-turiżmu, dan il-Gvern hu kommess illi jżid l-aċċessibilità u jgħin lin-nies u familji sabiex ikunu jistgħu igawdu l-ħin liberu tagħħom mingħajr tfixkil. Filwaqt li nifmhu li mhux kull żona jista’ jkollha l-istess livell ta’ aċċessibilita’, rridu naraw illi in-numru ta’ bajjiet aċċessibli jikber fis-sajf li ġej. Għalhekk, fuq din il-premessa kif ukoll b’konjezzjoni tal-kummenti pożittivi għall-inizjattivi li ttieħdu f’dan il-qasam, ser inkunu qed ninvestu aktar flus fiż-żieda ta’ aktar faċilitajiet għal aċċess aħjar f’Golden Sands, l-Armier, il-Bajja s-Sabiħa B’Bugia u l-bajja tal-Fajtata.
Leg 12 PQ #27095 Sitting 453 2016-11-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – pink tourism

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fir-rigward tas-segment magħruf bħala Pink Tourism fid-dawl tal-fatt li Malta kisbet reputazzjoni tajba ħafna fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, kif konfermat mill-ILGA Rainbow Europe Index 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-niċċa ta’ Pink Tourism illum hi realta’ mportanti fis-settur turistiku Malti. F’din in-niċċa għamilna avvanzi kbar f’dawn l-aħħar 3 snin speċjalment wara l-bidliet li saru minn dan il-Gvern fil-liġi taż-żwieġ ċivili fejn koppji ta’ l-istess sess bdew jistgħu jiżżewgu f’unjoni ċivili. Dan l-avvanż tella’ lil pajjiżna fil-quċċata ta’ l-ILGA Rainbow Europe Index u qed jgħin mhux ftit sabiex nippromwovu l-gżejjer Maltin għal btajjel qosra, btajjel b’temi ta’ attivita’ sportiva, lussu, kif ukoll għal żwieġ u honeymoon. Għal dan il-għan nippjanaw u nwettqu pjani ta’ marketing speċifikament għal din in-niċċa f’diversi pajjiżi fosthom l-Istati Uniti, l-Italja, ir-Renju Unit, Ġermanja, Awstrija, Svizzera, Spanja, Olanda, Repubblika Ċeka, Polonja u l-pajji¿i Nordiċi. Il-ħidma ta’ l-Awtorita’ qegħda tiġi rikonoxxuta u apparti r-riżultati pożittivi li qegħdin jinkisbu tista’ tgħid f’kull suq, fil-qasam ta’ Pink Tourism ġejna nominati u konna finalisti fil-kategorija ta’ LGBTIQ marketing fir-Renju Unit fit-TTG (Travel Trade Gazette) industry awards, l-iżjed awards importanti fil-qasam tat-turiżmu fir-Renju Unit. Fil-fatt ftit ġimgħat ilu id-Direttur ta’ l-MTA fl-ufficcju ta’ Londra rċieva l-premju għat-tielet post miksub għall-kampanja ta’ marketing fl-2016.