Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27244 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Triq Pope Alessandro VII — Dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed ikun hemm dewmien biex jitwaħħlu bozoz ġodda fi Triq Pope Alessandro VII, meta ilu żmien li saret applikazzjoni bil-miktub?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Membru tindika l-lokalita' fejn tinsab it-triq li qed issir riferenza għaliha fil-mistoqsija.
Leg 9 PQ #27254 Sitting 576 2001-07-10 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid billi wasluli ilmenti minn persuni li irċivew ittri mill-Enemalta fejn tavzhom li se jissospendulhom is-servizz tad-dawl minħabba kontijiet pendenti u billi l-ittra hi iffirmata b'firma li ma tingħarafx u taħt hemm biss il-kliem customer desk possibli jittieħdu passi biex l-Enemalta tkun aktar customer friendly u meta tibagħt ittra jkollha l-isem, il-kunjom u l-grad miktuba b'mod car ta' min qed jibgħata ħalli jekk l-individwu jkollu bżonn jagħmel kuntratt jew jikteb lura jkun jaf lil min għandu jindirizza l-ilment jew l-ittra tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex jingħata l-attenzjoni xierqa.
Leg 9 PQ #27088 Sitting 575 2001-07-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Agro-Industrija — Levies

Question

Jista' l-Ministru jinformana jekk huwiex verita li l-levies ta' protezzjoni li għandha agro-industrija se jitneħħew kollha fis-sena 2002? Jekk iva, ma' min saru l-konsultazzjonijiet? Jekk le, meta huwa previst li jitneħħew fid-dawl ta' sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li fl-1999 il-Gvern ippubblika skeda dettaljata għat-tneħħija tal-levies fuq l-importazzjoni ta' prodotti manifatturati li huma ta' natura industrijali. Pero' din l-iskeda ma tinkludix il-prodotti manifatturati li huma ta' natura agrikola u dan speċifikament għaliex dawn il-prodotti għadhom ma jgawdux minn aċċess ħieles fis-suq Ewropew bħal fil-każ tal-prodotti industrijali. Minn dakinhar il-pożizzjoni ta' Malta ma nbidlitx. Tajjeb li wieħed jgħid li is-suġġett tal-levies fuq il-prodotti agro-industrijali huma parti minn negozjati ma' l-UE dwar settur agrikolu u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jagħti aktar dettalji.

Ingustizzja

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 12150 li ngħata 10/01/2000, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub dwar dettalji individwali ta' x'kienet l-allegata ingustizzja f'kull każ u kemm ingħataw kumpens kull individwu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27163 Sitting 574 2001-07-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dawl u Ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom jinġabru flus mill-kontijiet tad-dawl u ilma sal-lum? Kemm minn dawn huma residenzjali, kummerċjali jew ta' xi azjenda governattiva?

Response (BONNICI, JOSEF)

Rigward il-perjodu bejn April/Mejju u Awissu/Settembru 2000, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 23188 waqt is-Seduta numru 478. L-informazzjoni li tkopri l-perjodu minn Ottubru 2000 'l quddiem għadha qed tinġabar.

Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kien hemm impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta li talbu u ngħataw permess imorru jagħtu d-demm waqt il-ħin tax-xogħol, xahar xahar, matul din is-sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kif ġie mpjegat perit ġdid fil-Korporazzjoni Enemalta? Kien hemm sejħa interna qabel ma ġie mpjegat? Xi grad ingħata, u fuq liema bażi ngħat l-grad?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Santa Venera — Dawl fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il lampa ġdida, sena b'sena, saret f'Santa Venera kull sena mill-1994 'il hawn? F'liema triq saru, kemm saru f'kull triq, meta kienu approvati u meta saru?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #27232 Sitting 574 2001-07-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

San Ġwann — Dawl fit-toroq

Question

Tista' titwaħħal bozza qrib 34 u 24, R. Caruana Dingli Street, San Gwann billi ma hemm ebda street lighting fuq dik in-naħa tat-triq?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #26817 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi Ekonomiċi — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum? Jista' l-Ministru jgħid separatament: (1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru; (2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti; (3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti? (PQ waslet 6/6/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jien mhinix sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba f'din il-mistoqsija tiġġustifika li nordna li din għandha tinġabar. Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
Leg 9 PQ #27014 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Lukanda Verdala

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru l-pagamenti dovuti lil ex-ħaddiema ta' l-ex-lukanda Verdala, issa li l-MDC biegħet il-lukanda Verdala? Billi l-GWU għandha d-dokumenti tal-pagamenti pendenti, jista' l-Ministru jara li l-MDC tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex isiru l-pagamenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kredituri ipotekarji tal-kumpanija li kienet is-sid tal-Lukanda Verdala qabel ma xtratha l-Korporazzjoni għall-Iżvilupp ta' Malta, tħallsu kollha.
Leg 9 PQ #27099 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Enemalta tieħu passi biex jiġu mibdula tlett bozoz li hemm maqtugħa fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn (quddiem ir-Restaurant La Favorita) peress li din it-triq hi ferm mudlama u mhux l-ewwel darba li jkun hemm żagħżagħ li jaqilgħu l-inkwiet wara li joħorġu minn disco li hemm fil-vicinanzi?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Leg 9 PQ #27114 Sitting 573 2001-07-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dwal Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li d-dwal pubbliċi bħalissa jintfew fis-6.15 a.m. meta jistgħu jinftew siegħa qabel, fil-5.15 a.m. meta jkun diġa' sebah tajjeb? Kemm huwa stmat li tiswa lill-Enemalta siegħa ta' dwal pubbliċi bħalissa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-mistoqsija hija ġenerika, ikun aħjar jekk tingħata nformazzjoni aktar preċiża, bħal per eżempju l-lokalita' fejn ġie nnotat li d-dawl pubbliku qiegħed jintefa' fis-sitta u kwart ta' filgħodu, sabiex il-Korporazzjoni Enemalta tkun f'pożizzjoni aħjar biex tagħti l-attenzjoni meħtieġa għal dan l-ilment.
Leg 9 PQ #26721 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-cabin crew temporanji tal-kumpannija Air Malta li mistennija jaħdmu fis-sajf li ġej għadhom ma ġewx offruti l-kuntratt tax-xogħol wara li ilhom impjegati mill-bidu ta' Mejju meta l-liġi tax-xogħol (CERA) tobbliga lil min jimpjega sabiex minnufih mhux talli joffri l-kuntratt tax-xogħol lill-impjegat imma jispjega eżattament dak li qed jiġi offrut? F'dan ir-rigward u ladarba l-group head u d-deputata tiegħu għadhom ma esigwewx dan l-obbligu, jista' l-Ministru bħala rappreżentant tal-gvern li huwa l-major shareholder f'din il-kumpannija li taqa' direttament taħt ir-responsabbilta' tiegħu, jara li tiġi rranġata din is-sitwazzjoni u jittieħdu l-passi kontra min qed jonqos mill-obbligi tiegħu? Jista' l-Ministru jispjega kif min huwa responsabbli jista' jagħmel dawn in-nuqqasijiet meta hu stess qiegħed jgħarbel b'diliġenza lil min jimpjega fi ħdan il-linja nazzjonali Air Malta? (PQ waslet 30/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-kumpanija nazzjonali ta' l-ajru tinsab fil-proċess li tiffinalizza dawn il-kuntratti. Madanakollu mhux kull min intagħżel beda jaħdem. Għaldaqstant ma kien hemm ebda nuqqas u l-proċess miexi pass pass mar-reklutaġġ.
Leg 9 PQ #26722 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jiggarantixxi li l-aħħar kandidati magħżula għal cabin crew temporanji mal-kumpannija Air Malta ġew magħżula fuq kriterji stabiliti u mhux b'favoritiżmu jew minħabba rakkomandazzjonijiet politiċi li setgħu saru? Jista' jiggarantixxi wkoll li dawn l-għażliet saru mingħajr ma sar vetting tal-kulur politiku tal-kandidati li resqu għall-intervisti? (PQ waslet 30/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-aħħar kandidati magħżula biex jaħdmu bħala Cabin Crew temporanji ma' l-Air Malta, intagħżlu skond kriterji stabbiliti. Nassigura lill-Onorevoli Membru li dawn ma jinkludux la favoritiżmu u lanqas rakkomandazzjonijiet politiċi.
Leg 9 PQ #26808 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni kif f'intervista relattivament qasira ta' ħames minuti biss sabiex jintgħażlu l-cabin crew temporanju mal-kumpannija Air Malta li saru l-aħħar, il-kandidati ġew imkejla u intervistati b'mod superfiċjali? Jaħseb il-Ministru li dan il-proċess ta' intervisti m'huwiex wieħed professjonali u mhux qiegħed iwassal biex il-kumpannija jkollha l-aħjar riżors uman? Jaħseb il-Ministru li l-intervisti ta' dan it-tip m'huwiex il-mod kif jiġu impjegati l-aħjar fost il-kandidati kif jitlob il-konċett tal-human resources management? (PQ waslet 305/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-każ ta' Cabin Crew temporanji, intervista qasira, bħal ma dejjem sar, hija meqjusa bħala biżżejjed meta wieħed jikkunsidra li l-kandidati jkunu diġa' taw lill-Air Malta l-Curriculum Vitae tagħhom u allura l-Kumpanija diġa' tkun taf x'inhuma l-kwalifiki tal-kandidati. Tajjeb jingħad li fl-intervista ssir l-identifikazzjoni ta' l-abbilta' ta' l-individwu, li meta wieħed ikollu l-esperjenza neċessarja, il-ħin imsemmi huwa meqjus suffiċjenti.
Leg 9 PQ #26809 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta

Question

Peress li fl-Air Malta ġew approvati designations ġodda, bħal per eżempju, deputy head human resources, jista' l-Ministru jgħid x'delegi ġew miżjuda li jistgħu jiġġustifikaw dawn id-designations ġodda? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li l-linja nazzjonali sofriet nuqqasijiet ta' supplies fuq l-ajruplani waqt it-titjiriet għal perijodu konsiderevoli u għad-detriment tal-passiġġieri, bħal tonic water, headrest covers, sickbags u saħansitra hand refreshments? Min kien responsabbli għal dan in-nuqqas? (PQ waslet 30/5/2001)

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, tajjeb jingħad li d-designation ta' Deputy Group Head m'hijiex ġdida. Din kienet ġiet introdotta fl-1997. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, li ma għandha x'taqsam xejn ma' l-ewwel parti, jiena nfurmat li n-nuqqasijiet imsemmija kienu għal ftit ġranet biss u dan minħabba li kien hemm dewmien fil-wasla tal-provvisti.
Leg 9 PQ #27006 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Servizzi Ekonomiċi — Relazzjonijiet Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mill-entitajiet, awtoritajiet u istituti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, din is-sena għamlu użu minn servizzi ta' PR (relazzjonijiet pubbliċi) permezz ta' aġenziji privati? Jista' jgħid għal liema raġuni għamlu użu minn dawn l-aġenziji? Jista' jgħid kemm kien il-ħlas f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Sakemm ma ningħatax raġuni valida għaliex qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Leg 9 PQ #27008 Sitting 572 2001-07-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mosta — Taz-Zokkrija - Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li tiddawwal aktar l-area tal-flats Taz-Zokkrija, il-Mosta, peress li l-inħawi jinsabu mudlama? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.