Jista' il-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol tal-Gżira Link Road - Regional Road fejn qabel kien hemm it-tankijiet tal-gas? Fiex jikkonsisti? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti proposti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar minnu l-proġett tal-park and ride? Veru li hemm il-ħsieb li mhux se jsir dan il-proġett?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 18022, fejn ġew spjegati t-tlett fażijiet tal-proġett tal-Park and Ride. It-tender għall-operat tal-Park and Ride għadu fil-proċess tal-arbitraġġ, fuq iż-żewġ oġġezzjonijiet li tresqu quddiem l-Awtorita' dwar it-Trasport meta ġie aġġudikat. It-tender tax-xogħlijiet fuq is-sit ġie aġġudikat mill-kumitat tal-Kuntratti u bħalissa qegħdin fil-perjodu ta’ ħmistax-il ġurnata għall-oġġezzjonijiet. Dan għandu jagħlaq fis-sitta ta’ Ġunju.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi l-ispiża tal-fuel kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, hija kif tidher hawn taħt :-
2004
2005
2006
Ministeru / Dipartiment
Lm 2,262.76
Lm 2,111.45
Lm 2,558.18
Awtorita’ dwar it-Trasport
Lm 6,955.00
Lm 8,313.00
Lm 7,430.00
TOTAL
Lm 9,217.76
Lm 10,424.45
Lm 9,988.18
Jista' il-Ministru jgħid sa l-aħħar ta' din is-sena liema toroq arterjali u toroq oħra responsabbli tal-gvern ċentrali mistennija li jsir xogħol fuqhom f'San Pawl il-Baħar, fin-Naxxar u fil-Mellieħa?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġranet li għaddew ingħata tender għall-bini ta’ Triq San Ġwann l-Evanġelista fin-Naxxar filwaqt li xogħol tal-bini mill-ġdid tal-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar (ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea) huwa fil-bażi inizjali tiegħu.
Fil-ġranet li ġejjin l-Awtorita' dwar it-Trasport mistennija tagħmel xogħlijiet ta' għoti ta' tarmac fit-triq biswit il-proġett tal-promenade tax-Xemxija, liema xogħlijiet saru mill-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura u l-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Bħalissa hemm tlett tenders mgħotija f'dawn il-lokalitajiet :-
Triq ir-Rattan - Mellieħa
Culverts in Triq l-Għargħar - Mellieħa
Triq San Mark - Naxxar
Ix-xogħlijiet għadhom fi stadju bikrin.
Fl-aħħar ġimgħat thejja program fuq it-toroq residenzjali f'Malta, li qatt ma nbnew. Tenders fuq dawn it-toroq jibdew jinħarġu skond il-program u prijoritajiet li ser ikun stabbilit mill-Awtorita' dwar it-Trasport.
Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena finanzjarja kemm saru toroq mill-gvern ċentrali? Fejn? B'liema fondi? Kemm swew? Min kien il-kuntrattur f'kull każ u kemm tħallas jew se jitħallas?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jara li l-culvertsfi Triq Msida, Birkirkara li qegħdin quddiem id-dar 148, fl-istess triq jinqalgħu u jintaddfu għaliex meta tagħmel ix-xita l-ilma ma jlaħħaqx u qed jidħol fl-istess dar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilta’ tal-Kunsill Lokali peress li hija triq asfaltata imma mhijiex arterjali jew distributorja
Jista' il-Ministru jgħid għaliex diversi persuni li qed imorru l-ADT sabiex iġeddu l-liċenzja tas-sewqan li tkun skadiet qed jintalbu ħlas addizzjonali ta' Lm5 late payment minħabba li n-notifika minn naħa ta' l-ADT tkun intbagħtet f'indirizz antik għaliex id-data fid-dipartiment ma taqbilx ma' dak tar-reġistru elettorali?
Jista' jgħid għaliex każi ta' bdil ta' indirizz li jmur lura aktar minn sitt snin ilu għadu ma ġiex updated fid-database ta' l-ADT?
Ma jaħsibx li dan hu nuqqas serju li qed ibatu minnu inġustament ħafna nies?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-Onorevoli Interpellant għandu japprezza l-fatt li l-liċenzja tas-sewqan għandha terminu ta’ snin li jiskadi. Dan hu viżibbli fuq l-istess liċenzja. Hu l-obbligu tal-persuna liċenzjata li tara li din il-liċenzja tiġi mġedda kif suppost.
L-ADT tiċċarġja ħlas ta’ Lm5 bħala late renewal fee biss fuq dawk il-liċenzji li ma jkunux mġedda matul l-ewwel tnax-il xahar wara d-data ta’ l-għeluq tagħha.
Naħseb li Onorevoli Interpellant jaqbel miegħi li ndividwi li jdumu sena biex iġeddu l-liċenzja skaduta tagħhom, jagħmlu dan għax ikunu naqsu li jonoraw l-obligu tagħhom li jżommu l-liċenzja tas-sewqan kurrenti u valida.
Matul l-aħħar tnax il-xahar kien hemm madwar 711 persuna biss li ġew mitluba jħallsu dan l-ammont. Meta wieħed jikkunsidra li ġew mġedda 26,938 liċenzja tas-sewqan matul l-istess perjodu, wieħed mill-ewwel jinduna li hi l-minoranza żgħira tal-pubbliku li jonqsu li jġeddu l-liċenzja tagħhom fil-ħin. Nixtieq nenfasiżża li huwa llegali li persuna jsuq vettura b’liċenzja tas-sewqan skaduta.
L-ADT m’għandha l-ebda obligu li trid tinnotifika persuni sabiex iġeddu l-liċenzja tagħhom, tagħmel dan biex tkun tista’ tgħin lill-pubbliku.
Huma ħafna dawk il-membri tal-pubbliku li jħossu d-dover li jinfurmaw l-ADT meta jbiddlu l-indirizz tagħhom. Dan jgħin ħafna lill-Awtorita’ fl-għoti tas-servizz tagħha.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi offrut post ġdid għal dawk l-SMEs li hemm fil-Floriana fl-inħawi fejn se ssir is-sistema tal-Park and Ride?
Jista' jgħid jekk għadux fil-ħsieb li dawn l-SMEs jiġu trasferiti fl-inħawi tal-Maltacom fil-Blata l-Bajda?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kif ġiet introdotta s-sistema ta' parkeġġ fit-telgħa tax-Xemxija qabel ma tlesta x-xogħol kollu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi tali proġett ġie mmedi mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni u x-xogħlijiet ikkonċernati qed isiru minn tali dipartiment flimkien mall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Telgħa tax-Xemxija — Traffic lights u zebra crossing
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru t-traffic lights u ż-zebra crossing biex persuni li jużaw din it-triq tat-telgħa tax-Xemxija jistgħu jaqsmu mingħajr periklu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi t-traffic lights u z-zebra crossing msemmija mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija tiegħu huma parti mill-proġett ta' tisbieħ fit-telgħa tax-Xemxija u tali proġett qed isir mid-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni flimkien mall-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18642 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jittieħdu xi passi biex tissebbah l-entratura tal-Belt Valletta biex tidher aktar attraenti kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ix-xogħol fuq l-entratura tal-Belt Valletta jifforma parti mill-proġett tas-sit tat-Teatru Irjal, liema proġett għadu qiegħed jiġi kkunsidrat mill-Gvern.
Sakemm dan isir m'hemm l-ebda ħsieb li jsiru xi spejjeż kbar fuq dan is-sit jew madwaru. Dan ma jfissirx iżda li m'hemmx skop ta' titjib fl-inħawi li wieħed jista’ jagħmel.
Jista' il-Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-ispiża ta' safar matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kienu :-
- Ministeru/Dipartiment Lm 2,597 (dan l-ammont ma jinkludiex l-ispejjeż li ser jiġu rimburżati)
- L-Awtorita' dwar it-Trasport Lm14,064
Jista' il-Ministru jinvestiga ilment li għamlu xi residenti minn Mdina Road, Qormi dwar culverts miżduda minn quddiem 178, Mdina Road lejn id-direzzjoni ta' Ħal Qormi peress li dawn l-istess residenti qed jilmentaw li wara li ġew mibnija l-culverts fi Triq San Dwardu f'Ħal Qormi u ġew imqabbda ma dawk ta' Mdina Road, qed tinħoloq sitwazzjoni fejn l-ilma minn Triq San Dwardu qiegħed ifur għal ġo Mdina Road? Jista' jgħid x'passi se jittieħdu?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn spezzjoni li saret fuq is-sit jirriżulta li saru xogħlijiet ta’ culverts fi Triq Santa Katerina kantuniera ma’ Triq San Edwardu liema żewg toroq jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali Qormi.
Ma' l-ewwel daqqa t'għajn jidher li dawn il-culverts ġew mqabbda ma' dawk ta' Mdina Road. Mir-records tat-Trenching Section, jidher li l-istess Kunsill tefa’ applikazzjoni għal dawn ix-xogħlijiet, liema applikazzjoni qatt ma ġiet ipproċessata, u għalhekk il-permess qatt ma ħareġ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17615, jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija kollha billi jgħid kemm kienet in-nefqa separatament fis-snin 2003, 2004, 2005 u minn Jannar 2006 sal-lum?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq rigali li ngħataw sena b'sena mill-2003 sal-lum, huma :-
2003 Lm647.80
2004 Lm895.38
2005 Lm594.70
Minn Jannar 2006 sal-lum Lm489.59
Jista' il-Ministru jgħid jekk fil-futur hemmx il-ħsieb li fiż-żona indikata separatament isir studju fuq l-impatt ta' traffiku minħabba li regolarment qed ikun hemm inċidenti ta' traffiku minħabba diżorganizzazzjoni ta' sewqan?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li ma kien hemm l-ebda talba mill-Kunsill Lokali Żabbar sabiex il-junction bejn Triq is-Santwarju u Triq Wied il-Għajn tiġi studjata. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Traffic Management Unit irriżulta li f'din il-junction hemm bżonn ta' tiġdied fuq il-linji ta' l-art u s-sinjali tat-traffiku. It-Traffic Management Unit ser jikkuntatja lil Kunsill Lokali sabiex tittiehed l-azzjoni meħtieġa.