Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’qed iwassal biex il-ħaddiema li bħalissa huma responsabbli mill-ħasil tal-kaxxi fil-Pitkalija jitneħħew minn hemm u minflokhom jiġu ngaġġati persuni oħra, jekk dan hu l-każ? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li bħalissa qed jagħmlu dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jkun fil-futur? X’tip ta’ arranġamenti ta’ xogħol hu mistenni li jkollhom dawk li jridu jkunu qed iwettqu dan ix-xogħol fil-futur?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari mhu minnu xejn li tneħħew xi ħaddiema li jaħslu l-kaxxi tal-Pitkalija u minflokhom ġew ingaġġati nies oħra. Li sar huwa li bħala parti mill-isforzi biex intejbu l-affarijiet, f’dawn l-aħħar ġimgħat daħħalna reġim iktar serju ta’ kif u meta jinħaslu l-kaxxi billi ma nħallux kaxxi jidħlu u jerġgħu joħorġu mill-Pitkalija mingħajr ma jkunu għaddew mill-proċess ta’ kontroll ta’ ndafa u allura ħasil kif jixraq. Dan qed ngħidu għax kien hemm min kien jidħol bil-kaxxi mimlija u minflok jirritornhom għall-ħasil jgħabbihom bi prodotti, jew addirittura iżommhom għandu vojta, mingħajr ma jgħaddu għall-ħasla. Dan kien jikkawża nuqqas fil-kaxxi disponibbli għall-Pitkalija u nuqqas ukoll ta’ iġene. B’riżultat tal-miżura li ħadna pero’, żdied b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ kaxxi li qed ikun hemm bżonn li jinħaslu. Għalhekk bħala miżura ta’ urġenza u sakemm nagħmlu arranġamenti fit-tul, qabbadna kuntrattur sabiex żiedna l-ammont ta’ ħassiela b’ħamsa oħra, ‘l fuq mill-għaxra li diġa kien hemm, biex b’hekk it-total disponibbli llum huwa ta’ ħmistax u foreman fuqhom. Ovvjament dan ma jfissirx li dawn kollha jkunu hemm kuljum u dan għal raġunijiet ta’ vacation leave u ta’ sick leave. Nispera li l-Onorevoli Interpellant jaqbel magħna li dak li għamilna hija xi ħaġa li hija tajba u ta’ ġid kemm għall-bidwi kif ukoll għall-konsumatur.
Sadanittant irrid ngħid li dawn il-ħassiela huma ħaddiema tal-kuntrattur u, wara assessment finanzjarju, kien konkluż li jkun ferm irħas jekk il-Gvern jimpjega hu numru ta’ ħaddiema. Bħalissa għaddej proċess ta’ reklutaġġ tramite il-proċeduri tal-ETC, li hija solita f’tali każi. Id-deċiżjoni sa issa hija li jiddaħħlu 10 impjegati iżda jista' jagħti l-każ li dawn jiżdiedu jekk jinħass il-bżonn. Ovvjament kull persuna li tkun tikkwalifika skont il-proċeduri tal-ETC, inkluż jekk ikunu eliġibbli dawk li jaħdmu mal-kuntrattur, tkun trid tgħaddi minn proċess ta’ għażla skont ir-regolameti applikabbli.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10342, billi fir-risposta qed jingħad li saru ħames round tables oħra, jista' l-Minsitru jgħati tagħrif dwar meta ltaqgħu l-istess round tables u x'ħareġ minn dawn ir-round tables? Jista' l-Ministru jagħti wkoll tagħrif dwar meta hu msitenni li jiltaqgħu l-istess round tables?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, ir-round tables li nżammu s'issa ltaqgħu fid-dati 2,3,9 u 10 ta’ Lulju. Dawn ir-round tables introduċew il-proċess ta' ħidma li jrid jitwettaq sabiex jiġu stabbiliti regoli ta' produzzjoni u standards ta' kwalita` għal prodott jew prodotti f'settur, li jkunu jistgħu jsiru eliġibbli għall-marka ta' kwalita` fuq bażi volontarja. Kull round table qed titmexxa skont iċ-ċirkostanzi partikolari f'dak is-settur u ser jiġu mlaqqa’ skont l-eżiġenzi tal-parteċipanti u l-progress tekniku li jkun qed iseħħ. Waqt dawn ir-round tables ġie spjegat aktar fil-fond kif ser tkun qegħda taħdem l-iskema tal-kwalita` u x’ser ikun ir-rwol ta’ dawn ir-round tables fl-iżvilupp tal-Marka tal-Kwalita`. Waqt dawn il-laqgħat ġie ukoll maqbul kif id-Direttorat ser ikun qed jaħdem mar-round tables biex jiġu stabbiliti l-istandards tal-prodotti kkonċernati.
Sensiela ta’ laqgħat qed jiġu ppjanati għall-aħħar ta’ Ottubru.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2000 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma ngħataw l-ebda xogħolijiet lill-kumpaniji li qed jissemmew fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-bibien tat-tip fast roller shutter li bihom hija mgħammra t-tinda fl-impjant ta’ Sant’Antnin, fejn jiġi pproċessat l-iskart tal-borża s-sewda qed jitħallew miftuħa waqt li tkun għaddejja l-operazzjoni b'kawża li l-irwejjaħ joħorġu barra l-impjant, kuntrarju għal kif kien isir qabel? Jekk dan huwa l-każ għal-liema raġuni qed isir dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, mhux minnu li qed issir xi ħaġa li qabel ma kinitx issir. Mgħarraf li l-Konsultenti tas-Saħħa u Sigurta` fil-WasteServ jagħmlu spezzjonijiet regolari mal-impjant ta’ Sant Antnin u jirrikmandaw rimedji immedjati fejn tinħass il-ħtieġa. Kien hemm diversi okkażjonijiet fejn ir-roller shutters kellhom jinżammu miftuħin għal intervalli qosra meta nħass li jista’ jkun hemm periklu għall-impjegati fl-impjant. Dan ma jsirx fuq bażi regolari imma skont il-ħtieġa kif mistenni fl-interess tas-saħħa u sigurta` fuq il-post tax-xogħol.
Minħabba li dawn huma miżuri temporanji u okkażjonali meħuda għar-raġunijiet ta’ saħħa u sigurta` ma jinħassx il-bżonn li l-WSM toqgħod tinforma lill-MEPA.
M’hemm l-ebda ħsieb li ttul din il-prattika għaliex qed jittieħdu miżuri oħra kemm ta’ manutenzjoni fil-makkinarju tal-impjant kif ukoll fis-sistemi li jintużaw biex tiżdied l-effiċjenza u jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ambjent u tal-arja fl-impjant.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’ Antnin?
Response (BRINCAT, LEO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-ħinijiet tal-operat tal-impjant ta’ Sant’ Antnin matul il-ġimgħa huma skont il-permess tal-MEPA, jigifieri mis-6:30 sal-22:30 għall-Mechanical Treatment Plant / Anaerobic Digestion u mis-6:30 sas-18:30 għall-Materials Recovery Facility.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta’ ħaddiema assenjati xogħol mal-Wasteserv? Jista’ jindika n-numru ta’ kull kategorija ta’ ħaddiema u f’liema sezzjoni tal-kumpanija jaħdmu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu twil il-perjodu ta’ żmien li fih l-iskart RDF qed jitħalla maħżun fl-Impjant ta’ Sant’Antin qabel ma jinbiegħ skont il-politika kurrenti ta’ dan il-Gvern?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, il-perjodu medju li fih il-materjal RDF jitħalla maħżun fl-impjant ta’ Sant Antnin huwa dak ta’ ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tender ħarġet il-Wasteserv minn Marzu 2013 ’l hawn biex jinbiegħ l-iskart RDF iġġenerat? Jista’ jindika d-dati li fihom ħarġu dawn is-sejħiet għall-offerti, jekk fil-fatt ħarġu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, minn Marzu 2013 ‘l hawn inħarġu 3 tenders. Id-dati rispettivi kienu fis-26 ta’ Lulju 2013, fit-23 t’Awwissu 2013 u fit-13 ta’ Ġunju 2014.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-CA site li kellha tinfetaħ f’Ta’ Qali f’Diċembru 2013 għadha ma nfetħitx?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-WasteServ li għalkemm ix-xogħolijiet fuq il-kuntratt prinċipali tas-CA site ġie konkluż, baqgħu jsiru ċertu xogħolijiet ta’ mportanza b’żieda ma’ dak meħtieġ, bħal per eżempju installazzjoni ta’ traffic barriers u sistema ta’ CCTV, twaħħil ta’ madum mal-ħajt fil-binja tal-composter għall-fini ta’ iġene u tisbiħ permezz ta’ siġar u pjanti.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Affarjiet Rurali – lista aġġornata tal-persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jressaq lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu is-servizz tagħhom lid-dekasteru tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li l-prodotti agrikoli li jidħlu f'pajjiżna minn pajjiżi oħra, fil-fatt ma jinbiegħux bħala prodotti lokali? Ma' liema Ministeri / dipartimenti oħra jikkordina din il-ħidma l-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura?
Response (BRINCAT, LEO)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub ikun aktar speċifiku għal-liema prodotti agrikoli qed jirreferi u mil-liema pajjiżi.
Fish Farming f'Malta u f'Għawdex — bdil ta' policies
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'policies mistennija jinbidlu għal dak li jikkonċerna l-fish farming f'Malta u f'Għawdex? Meta hu mistenni li jidħlu fis-seħħ dawn il-bidliet? X'konsultazzjoni saret dwar dan is-settur, u ma min?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument “Aquaculture Strategy for the Maltese Islands - towards Sustainability 2014-2025” li ġie ppreżentat lill-medja f’Konferenza Stampa li saret fis-16 ta’ Lulju 2014. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Istqarrija Nru. 141618 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni f’dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jaħgti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jipproponi xi bidliet għal dawk li jikkonċernaw il-proposti tal-proġett marbut mar-riabilitazzjoni ta' dik li kienet il-miżbla tal-Magħtab? Jekk iva, x'kienu dawn il-bidliet proposti
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif jaf, kien ġimgħa ilu, fil-15 ta’ Lulju, fejn il-Gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, ħareġ Stqarrija għall-Istampa, Numru PR141610 u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li fiha għamel ċar il-pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant f’dan l-istadju m’għandi xejn x’inżid.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rapporti rċieva d-dipartiment responsabbli dwar il-ħanfusa tat-tin (bajtar ta' San Ġwann)? Kemm-il rapport irċieva l-Ministeru, min liema lokalitajiet u x'passi ttieħdu dwar dan? X'passi ngħataw lill-bdiewa kkonċernati dwar din l-istess problema?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li minn Lulju 2012 ‘l hawn, id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti rċieva 68 rapport mill-pubbliku rigward il- ħanfusa tat-tin Hypocrypahlus scabricollis. Dawn kienu minn diversi lokalitajiet fosthom il-Mellieħa, l-iMġarr, San Pawl il-Baħar, Had-Dingli, il-Għargħur, in-Naxxar, il-Mosta, l-Iklin, Birkirkara, tas-Sliema, Ħaż-Żebbuġ, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, Ħal Kirkop, iż-Żurrieq, il-Gudja, Ħal Għaxaq, ix-Xgħajra, Ħal Luqa, Santa Venera, is-Siġġiewi, H’Attard, Ħal Balzan, Ħal Lija, ir-Rabat u l-Baħrija f’Malta u mix-Xagħra, Għawdex.
Wara r-rapporti saru spezzjonijiet mid-Direttorat u l-klijenti ngħataw pariri dwar kif jistgħu jippruvaw jikkontrollaw din il-ħanfusa. Inħarġu wkoll 15-il notifikazzjoni ta’ infurzar għad-distruzzjoni tas-siġar tat-tin mid-Direttorat. Id-Direttorat ippublika wkoll fuljett dwar dan l–insett bħala tagħrif dwar il-kontroll ta’ din il-marda.
Ta’ min isemmi li l-informazzjoni dwar dan l-insett hija limitata ħafna, u d-Direttorat qiegħed f’komunikazzjoni ma’ entitajiet oħra esperti f’dan il-qasam biex jiġbor informazzjoni dwar kif dan l-insett jista’ jiġi kkontrollat aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid liema skalli se jiġu rranġati din is-sena? Kemm hu l-investiment previst?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari, fil-kas li qiegħed jirreferi ghalih, l-“slipways”, hemm żewġ skallijiet, wieħed fix-Xemxija u l-ieħor f'Marsaskala, li huma fil-bżonn li jiġu mibnija mill-ġdid din is-sena, minħabba l-ħsara estensiva li sofrew wara snin ta’ telqa. L-investiment previst huwa ta’ madwar Tletin Elf Ewro (€30,000).
Jista’ l-Ministru jikkonferma li għadhom kif waslu numru ta’ kaxxi ġodda għall-użu tal-Pitkalija sabiex fihom issir il-preżentazzjoni ta’ prodotti agrikoli fl-istess Pitkalija? Kemm hu n-numru ta’ dawn il-kaxxi u kif se jiġi assigurat li jibdew jintużaw fl-iqsar żmien possibbli? Jista’ jikkonferma wkoll li hemm possibilità li l-kaxxi tal-plastik kif nafuhom illum jispiċċaw miċ-ċirkolazzjoni biex minflok jintużaw kaxxi differenti? Jekk iva, ma’ min saru diskussjonijiet dwar dan?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari fil-ġranet li għaddew waslu madwar 7000 kaxxa tal-plastik ġodda (minn ordni ta' 10,000) għall-użu fil-Pitkalija . Huwa mistenni li 3,000 kaxxa, il-kumplament tal-ordni, jiġu kkunsinjati fil-Pitkalija sa' l-aħħar ta' din il-ġimgħa jew għall-bidu tal-ġimgħa d-dieħla. Jien infurmat ukoll li qegħdin isiru diskussjonijiet interni biex ikun assigurat li dawn il-kaxxi jintużaw bl-aħjar mod skont il-ħtiġijiet tal-bdiewa u sabiex ikun assigurat li dejjem ikun hemm provvista adegwata ta' dawn il-kaxxi. Ta' min ifakkar ukoll li l-proġett pilota, li qed isir mill-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa (l-FCCS) flimkien ma' Pitkalija Ltd., fix-xhur li ġejjin maħsub jiddaħħlu numru konsiderevoli ta' kaxxi ġodda u innovattivi, skont kif kien ippjanat u pprogrammat mill-istess koperattiva tal-bdiewa.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar ma’ min saret konsultazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-marka tal-kwalità li dwarha se jkun hemm leġiżlazzjoni ġdida? Meta hu mistenni li tidħol fis-seħħ din il-leġiżlazzjoni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretariat Parlamentari li l-abbozz leġislattiv dwar l-iskema ghal-Prodotti ta' Kwalita' ser joħrog għal-konsultazzjoni fil-jiem li ġejjin liema konsultazzjoni ser idum miftuħa għal-perjodu ta' 30 ġurnata.
Il-Ministeru diġa identifika għaxar 'round tables' sabiex jikkonsulta magħhom. Ħamsa minn dawn, li jkopru s-setturi tat-tadam ghall-iproċessar, il-ħalib mill-baqar, l-għasel, iż-żejt taż-żebbuġa u l-laħam tal-majjal diġa` ġew organiżżati. Il-Ministeru qiegħed ukoll fil-proċess li jwaqqaf 5 'round tables' oħra li jkopru s-setturi tal-laħam tat-tiġieġ, il-bajd, il-frott u l-ħaxix frisk, il-laħam tal-fenek kif ukoll tal-ħalib tan-nagħaġ u l-mogħoż.
Wara l-perjodu ta' konsultazzjoni l-abbozz leġislattiv ikun irid jiġi notifikat lill-Komunita Ewropea u wara dan il-proċess il-liġi tkun tista' tidħol fis-seħħ.
Programmi ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex u frott ġdid
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx mitlub li jipparteċipa f'xi programm partikolari ta' esperimentazzjoni ta' ħxejjex jew frott ġdid għal hawn Malta? Minn min qed isiru dawn l-esperimenti u x'kollaborazzjoni kien hemm bejn il-Gvern u l-persuni nvoluti?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku għal liema programm qed jirriferi għalih. Għaldaqstant infakkar li l-esperimentazzjoni ta’ ħxejjex u frott huma part and parcel mix-xogħol ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jintbagħtu għoġġiela/barrin lejn l-Afrika ta' Fuq (pajjiż pajjiż) sal-aħħar ta' din is-sena? Kemm hu n-numru ta' għoġġiela li jitwieldu kull sena (bejn wieħed u ieħor), f'Malta u f'Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, s’issa qatt ma ntbagħtu għoġġiela/barrin lejn l-Afrika ta’ Fuq. Sadanittant mgħarraf li minn Jannar 2011 sa l-aħħar ta Ġunju 2014 kien hemm wild ta’ 17,809 għoġol.
San Pawl il-Baħar – xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni tas-Salini
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10218, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli, m’għandu l-ebda rwol f’dan l-istess proġett, u għalhekk bħala Ministeru m’għandu l-ebda diffikultajiet marbuta ma’ dan l-istess proġett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li m’għandix x’inżid mat-tweġiba li diġà tajt. Altrimenti nitlob lil Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku.