Legislature:
Category:
Reset
Active:

Miżura tal-Baġit dwar pensjonanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun qed tidħol il-miżura tal-Budget 2016 dwar pensjonanti li fl-aħħar snin ta’ ħidma tagħhom kienu self employed u d-dħul tagħhom kien wieħed baxx bil-konsegwenza li llum għandhom pensjoni baxx? Jista’ jgħid min huma l-pensjonanti li se jibbenefikaw u x’se jkunu l-kriterji sabiex pensjonant jibbenefika minn din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-miżura msemmija se tidħol fis-seħħ b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016. B’din il-miżura se jkunu qegħdin jibbenefikaw pensjonanti li fl-imgħoddi kienu impjegati u ħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tal-Ewwel Klassi għal mhux inqas minn 20 sena u li komplew iħallsu tali kontribuzzjoni għal mhux inqas minn ġimgħa fl-aħħar 10 snin ta’ qabel l-irtirar tagħhom u wara dan il-perjodu, bdew jaħdmu għal rashom u bdew iħallsu kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali tat-Tieni Klassi ta’ valur inqas minn dak imħallas fis-snin meta kienu impjegati u li b’konsegwenza ta’ dan, ġew intitolati għal rata ta’ pensjoni aktar baxxa. Għaldaqstant, bis-saħħa ta’ din il-miżura, dawn il-pensjonanti ser ikun possibbli għalihom li jiġu intitolati għal rata ta’ pensjoni ogħla minn dik li qegħdin jirċievu fil-preżent.

In-Naxxar – Hub għall-persuni b’diżabilità – faċilitajiet u servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema faċilitajiet u servizzi se jkunu qed jiġu offruti fil-proġett indikat bħala hub għall-persuni b’diżabilità li se jinbena fin-Naxxar u li tħabbar fl-aħħar jiem?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għadna għaddejjin bid-diskussjonijiet fuq il-pjanijiet maħsuba u meħtieġa għal dan il-proġett ma' diversi entitajiet.

In-Naxxar – Hub għall-persuni b’diżabilità – tmexxija u operat

Question

Jista’ l-Ministru jindika taħt liema mudell/kunċett se jkun qed jinbena u effettivament jiġi operat/imħaddem il-proġett ta’ hub għall-persuni b’diżabilità fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, dettalji dwar il-kunċett/mudell diġà ngħataw fi stqarrijiet li saru fuq il-mezzi tax-xandir. Dettalji ulterjuri se jkunu qegħdin jingħataw iktar 'l quddiem. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokument PL 6021 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 325, it-Tnejn 16 ta' Novembru 2015)

Hub għall-persuni b’diżabilità – impressjoni artistika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra impressjoni artistika tal-proġett ta’ hub għall-persuni b’diżabilità u jinkludi wkoll site plan tal-post fejn se jsir dan il-proġett?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lilll-Onor. Interpellant li, il-Ministeru flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità, għadu għaddej bix-xogħol fuq dan il-proġett u għaldaqstant għadu kmieni biex wieħed ipoġġi fuq il-mejda tal-kamra dokumenti relatati mal-hub in kwistjoni.

In-Naxxar — hub għall-persuni b’diżabilità – applikazzjoni quddiem il-MEPA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-applikazzjoni għall-bini ta’ hub għall-persuni b’diżabilità fin-Naxxar quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li saret referenza għalih fl-aħħar diskors tal-baġit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-applikazzjoni għall-bini ta' hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar, għadha fi stadju ta' validazzjoni.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien kompost il-Bord li evalwa l-oġġezzjonijiet li saru mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li ħarġu fl-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, billi kien “interview”, il-Bord li evalwa l-oġġezzjonijiet li saru mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li kienet ħarġet l-Awtorita’ tad-Djar, kien kompost mill-istess membri li kienu jagħmlu parti mill-Bord tal-Għażla.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx evalwati l-oġġezzjonijiet kollha li setgħu daħlu mill-kandidati li applikaw għall-25 vacancies li ħarġu fl-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid x’kien l-eżitu tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord li kkonsidra dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — vacancies

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19494, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kandidati li oġġezzjonaw għar-riżultati li ħarġu, ingħatawx l-opportunità li jidhru quddiem il-Bord li twaqqaf sabiex jiġu kkunsidrati dawn l-oġġezzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, dawn l-oġġezzjonijiet ġew trattati mill-Bord tal-Għażla li analizza bir-reqqa kull oġġezzjoni li daħlet.

Ħaddiema ma’ operaturi fil-qasam tas-saħħa, tindif jew sigurtà — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tal-ħlas għal kull siegħa għal dawk il-ħaddiema li huma impjegati ma’ operaturi u/jew kuntratturi li jagħtu servizz fil-oqsma tas-saħħa, tindif jew sigurtà wara sejħa għall-offerti fil-bidu tas-sena 2014 u 2015? Jista’ jgħid x’kienet ir-rata tal-ħlas għal dawn il-ħaddiema f’każ ta’ overtime matul il-ġimgħa, fil-Ħdud u fil-festi pubbliċi dejjem għal kull siegħa u għall-istess snin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

SVPR – gradi ta’ staff tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi tal-istaff tal-Gvern fl-SVPR?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Youth Guarantee

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li daħlu għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ jew kif inhija magħrufa bħala Youth Guarantee? Jista’ jagħti wkoll stima ta’ kemm ġew iffrankati flus f’Għajnuna Soċjali li kienu jieħdu dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-aħħar ta’ Diċembru 2014, kien hemm 205 benefiċjarju taħt it-23 sena li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali u li kienu potenzjalment eliġibbli li jidħlu għall-Garanzija għaż-Żagħżagħ filwaqt li fl-aħħar ta’ Settembru, 2015 kien hemm 68 benefiċjarju taħt it-23 sena li kienu qed jirċievu l-Għajnuna Soċjali. L-ammont ta’ Għajnuna Soċjali li tħallas fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru, 2014 kien ta’ €18,988.43 filwaqt li fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru, 2015 l-ammont imħallas bħala Għajnuna Soċjali kien ta’ €6,459.03. Għalhekk jista’ jingħad li potenzjalment, l-ammont ta’ flus f’Għajnuna Soċjali li ġew iffrankati fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kien ta’ €488,646.60, jiġifieri €12,529.40 fil-ġimgħa. Pero l-aktar ħaġa importanti m’hijiex kemm ġew iffrankati flus fuq Għajnuna Soċjali imma li dawn iż-żgħażagħ qed noffrulhom futur aħjar milli jista’ jkollhom jekk jibqgħu dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali.

Tapering — Benefiċjarji single parents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm benefiċjarji single-parents li gawdew mis-sistema tat-Tapering fejn minflok ma jieħdu l-benefiċċju tal-qagħad dan jibda jonqos gradwalment filwaqt li huma jidħlu fid-dinja tax-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-ammont ta’ benefiċjarji Single Parents li gawdew mis-sistema tat-Tapering kien ta’ 508.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – persuni li ammettew li qarrqu fil-benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li resqu ’l quddiem u ammettew mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li kienu jqarrqu għax jieħdu xi benefiċċju li ma kinux intitolati għalih? Jista’ jgħid kemm iffranka flus mit-taxxi tal-poplu permezz ta’ din l-inizjattiva bejn Jannar u Lulju 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li resqu lejn id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bejn Jannar u Frar 2015, biex jirregolarizzaw ruħhom, kien ta’ 236. It-total ta’ kemm se jkunu ġew iffrankati flus sal-aħħar tas-sena permezz ta’ din il-miżura, jammonta għal €623,700.

Anzjani li bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom 75 sena jew aktar li baqgħu jgħixu fi djarhom u allura bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa fuq din il-miżura għal din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa kien hemm 28,851 persuna li għandhom 75 sena jew aktar u li għadhom jgħixu fi djarhom li bbenefikaw mill-għotja ta’ €300 fis-sena. In-nefqa s’issa fuq din il-miżura kienet ta’€ 8,489,935.

Pensjonanti tas-servizz li gawdew mill-miýura ta’ £200

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm pensjonanti tas-servizz li din is-sena gawdew mill-miżura ta’ żieda ta’ €200 biex titjieb il-pensjoni taż-żewġ terzi b’mod gradwali? Jista’ l-Ministru jgħid għal din is-sena kemm kienet l-ispiża s’issa fuq din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta’ pensjonanti li jirċievu wkoll pensjoni ta’ servizz li din is-sena bbenefikaw mill-miżura ta’ żieda ta’ €200 fil-pensjoni kien ta’ 4,830 bi spiza ta’ €966,000.

Persuni li gawdew mill-miżura ta’ €100 u €200

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni ta’ età bejn 62 u 74 sena li din is-sena gawdew mill-miżura ġdida ta’ €100 u €200 separatament u b’hekk ingħataw rikonoxximent għall-ħames jew għaxar snin kontribuzzjonijiet imħallsa li qabel l-2015 ma kenux ikkalkulati mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq dan il-benefiċċju l-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm 11,912-il persuna ta’ bejn l-età ta’ 62 sena u l-74 sena li gawdew mill-miżura l-ġdida ta’ €100 u €200 bħala rikonoxximent tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li ħallsu imma ma kienux biżżejjed biex jintitolawhom għal pensjoni kontributorja. Kien hemm 5,098 persuna li rċevew €100 u kien hemm 5,706 persuni li rċevew €200. Barra minn dawn kien hemm ukoll min irċieva parti mill-€100 jew €200 minħabba li jew għalqu t-62 sena jew il-75 sena matul din is-sena. Minn dawn kien hemm 436 persuna li rċevew parti mill-€100 u kien hemm 672 persuna li rċevew parti mill-€200.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — assistent parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sal-2013 ? X'kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2010 kien inħatar l-Onorevoli Stephen Spiteri bħala Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. Ma nstabu l-ebda rekords ta’ ħlasijiet lil Onorevoli Spiteri li ġew effetwati mill-Ministeru imsemmi jew xi rapporti li saru kif indikat fil-mistoqsija.

Pensjoni tad-diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu l-pensjoni tad-diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li sal-aħħar ta’ Ottubru, 2015 kienu qed jirċievu Pensjoni ta’ Diżabilità huwa ta’ 2,976.

Pensjoni mit-teżor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu l-pensjoni mit-teżor?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant il-pensjoni tat-teżor ma titħallasx mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u għaldaqstant nitolbu jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.