Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajn Tuffieħa — Esperti Hawtree

Question

Jista' il-Ministru jgħid min ħallas lill-esperti Hawtree għar-rapport li għamlu għas-sit ta' Għajn Tuffieħa u kemm ġie jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħallset lil Hawtree Ltd is-somma ta' EUR 7,219.83 għall-produzzjoni ta' rapporti fuq sitt siti proposti biex ikunu utilizzati bħala korsa tal-golf.

Manikata — Triq fuq raba' saqwi

Question

Id-dipartiment ta' l-affarijiet rurali u ta' l-ambjent huwa favur jew kontra li tinfetaħ u tiġi żviluppata triq fil-Manikata fuq raba' saqwi, liema pjanta tat-triq in kwestjoni qed tintbagħat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jiena nfurmat li t-triq in-kwistjoni tirrigwarda bypass għat-triq eżistenti li tgħaddi mix-Xemxija. Għalkemm saru diversi diskussjonijiet bejn l-Awtorità tat-Trasport u l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fuq din it-triq, għad m'hemmx applikazzjoni għall-iżvilupp għal din it-triq. Għalhekk, pożizzjoni u deċiżjoni finali fuq it-triq għad m'hemmx. In-ġenerali, il-Ministeru jirrikonoxxi l-bżonn ta' bypass li tgħaqqad it-tramuntana ta' Malta maż-żona ta' San Pawl il-Baħar mingħajr ma' tgħaddi miż-żona konġestjonata tax-Xemxija. Dan għandu jsir b'mod sensittiv għall-ambjent u l-attivitajiet agrikoli tal-madwar. Min-naħa tiegħu d-Dipartiment ta’ l-Agrikultura għadu ma rċieva l-ebda korrispondenza dwar dan il-proġett ta’ twessiegħ ta’ toroq eżistenti u kif jidher mill-pjanti annessi l-formazzjoni ta’ mina taħt il-Manikata. Meta jkun il-mument id-Dipartiment jikkummenta.

Prezz taz-zokkor

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jispjega jekk hux vera li l-prezz taz-zokkor mistenni jiċċaqlaq fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal ċaqliq ta’ prezzijiet internazzjonali, dan jiddependi minn żviluppi internazzjonali u għalhekk ma nistax nagħti tweġiba definittiva f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Għawdex — Sidien tal-baqar

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex is-sidien tal-baqar Għawdxin ilhom erba' snin ma jitħallsu s-sussidju ta' Lm5 fuq kull ras ta' bhima li tinġarr minn Għawdex għal Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dik l-iskema kienet ddaħħlet għal perjodu temporanju u twaqqfet fis-sena 2001.

Ħruq fil-miżbla tal-Magħtab

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ikkawża l-ħruq fil-miżbla tal-Magħtab nhar il-Ħadd 26 ta' Ġunju, 2005? X'periklu ġie kkawżat għar-residenti fil-qrib ta' l-inħawi tal-Magħtab?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li appropożitu għal kawża tal-ħruq fil-miżbla tal-Magħtab nhar il-Ħadd 26 ta' Ġunju, hemm is-suspett li sar att vandalu u għaldaqstant sar rapport meħtieġ lill-pulizija. Il-ħsara lir-residenti hija minima minħabba li r-riħ kien lejn il-baħar, n-nar ġie kkontrollat f'ħin qasir u l-kontaminazzjoni ma nxterditx lejn l-abitat.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Diretturi u chairpersons

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Servizzi veterinarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid hemmx xi benchmarking ta' kemm għandhom ikunu l-ħlasijiet għal servizzi veterinarji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal servizzi veterinarji privati. Jekk hu hekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Animal welfare council

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' din is-sena l-animal welfare council u x'miżuri importanti seta ħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Animal Welfare Council kellu seba' laqgħat f'dawn l-aħħar sitt (6) xhur, li kienu maqsumin kif ġej: Mill-bidu tas-sena 2005 il-Kunsill kellu diskussjonijiet u ħadem fuq is-suggetti imniżżla hawn taħt fost oħrajn: a) It-tħejjija u d-diskussjonijiet ta' dokument dwar Stray Animal Control, li jinkludi żewġ dokumenti li jirrigwardaw qtates u klieb meqjusa bħala stray; b) Saret investigazzjoni dwar it-trasferiment tal-qtates li kienu jinsabu fil-ġonna tal-Palazz ta' San Anton. c) Il-Kunsill approva l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel; d) Tħejja dokument li jipprovdi lista ta' mammiferi u rettili li jistgħu jaqgħu taħt kategorija pożittiva jew taħt kategorija negattiva; e) Twaqqfet sub-committee dwar l-isperimentazzjoni fuq l-annimali u sub-committee oħra dwar il-klieb li għandhom jitqiesu perikolużi. Għandu jingħad ukoll li l-abbozz ta' l-Avviż Legali dwar it-trobbija tal-flieles tas-simna li kien approvat fis-sena 2004 mill-istess Kunsill daħal fis-seħħ bħala liġi taħt l-AL 119/2005.

Qatla ta' annimali għall-ikel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inqatlu annimali għall-ikel fil-biċċeriji din is-sena u kif jikkompara dan ma' l-erba' snin li għaddew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema biċċeriji qed jirreferi, u għal liema annimali.

Produzzjoni lokali tal-biedja

Question

Jista' il-Ministru jinformana meta l-produzzjoni lokali tal-biedja, skond il-politika ta' dan il-gvern, se tilħaq mill-ġdid il-livelli ta' produzzjoni li pajjiżna kellu qabel is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u cioe' skond dak li l-gvern stess kien innegozja ma' l-Unjoni qabel is-sħubija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara b’eżattezza għal liema policy qed jirreferi fil-Mistoqsija li qed jagħmel.

Importazzjoni ta' annimali

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13162 u cioe' li tkopri l-informazzjoni ta' dak li ġie importat f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13162.

Pitkalija Ċentrali

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-grading u l-packing station tal-pitkalija ċentrali ma bediex jopera fl-1 ta' April kif kien ippjanat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li diġa saru diskussjonijiet sabiex l-immaniġġjar tal-grading u l-packaging station jgħaddi f'idejn għaqdiet tal-bdiewa. Fil-ġimgħat li ġejjin għandu jiġi ffirmat ftehim bil-miktub biex it-tmexxija ta' parti mill-grading station tgħaddi f'idejn l-Għaqda tal-Produtturi tal-bdiewa (Producers' Organisation)

Pitkalija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'arranġamenti ntlaħqu bejn il-pitkala, bdiewa u d-dipartiment dwar it-tħaddim tal-grading/packing station tal-pitkalija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Inrterpllant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 13213.

Pitkalija ċentrali

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu f'termini ta' flus Maltin f'konsulenzi għall-grading u l-packing station fil-pitkalijia ċentrali f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsulenza ta' l-"Istituto Agronomico Mediterraneao" ta' Bari tammonta għal 522,264 Euros, ekwivalenti għal ċirka Lm224,208. Din il-konsulenza tinkludi pariri u tekniċi biex jinbena il-grading / packing station u jiġi ordnat u jinxtara l-apparat meħtieġ kemm għal grading station tal-Pitkalija Malta kif ukoll għal dik ta' Għawdex. Barra minn hekk jinkludi wkoll assistenza teknika biex: · jitwaqqfu l-għaqdiet tal-produtturi · Korsijiet ta' taħriġ fuq Hazard Analysis and Critical Control Point (HACCP) u quality control kemm hawn Malta kif ukoll fl-Italja li ħadu sehem fihom ħaddiema tal-gvern, għaqdiet tal-bdiewa u pitkala. · tiġi mfassla liġi nazzjonali għat tmexxija tal-pitkalija. Niġbed l-attenzjoni li din is-somma hija parti mill-ftehim tal-Ħames Protokol Taljan għall-Pitkalija li t-total jammonta għal 1,432,275 Euros ekwivalenti għal ċirka Lm614,876 liema ħlas se jkun sar kollu mill-gvern Taljan.

Tjur tas-simna

Question

Jista' il-Ministru jinformana x'wassal biex matul dawn l-aħħar 14-il xahar il-produzzjoni tat-tjur tas-simna naqset b'53%?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta wieħed iqabbel il-produzzjoni tat-tjur fl-aħħar 14-il xahar ma’ l-14-il xahar ta’ qabel, wieħed isib li l-produzzjoni naqset b’20% biss u mhux bi 53% kif semma l-Onor. Membru.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onorevoli Membru, li tkopri medda ta’ erba’ snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin ta’ l-uffiċċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista’ jintuża aħjar.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Studenti li jagħmlu xogħol fis-sajf

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx kumpanniji, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li se jimpjegaw studenti għas-sajf? Jekk fl-affermattiv liema huma, kemm se jiddaħħlu u kif se jintgħażlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onor Membru li il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent għamel talba għal seba’ studenti universitarji biex jaħdmu fil-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu matul ix-xhur tas-sajf. L-għażla ta’ l-istudenti hija f’idejn l-iStudents Maintenance Grants Board’, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha bżonn timpjega madwar tnax il-student għas-sajf. L-istudenti ser jintgħażlu skond proċeduri indikati mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni aktar kmieni din is-sena. Min-naħa tagħha l-kumpannija WasteServ Malta Limited sejra tingaġġa student/a mill-International Association for the Study of Traditional Environments (IASTE) u student/a mill-Università ta’ Malta, li l-għażla ta’ dan/din ta’ l-aħħar hija f’idejn l-iStudents Maintenance Grants Board, fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol skond OPM Circular 13/2005 permezz ta’ intervisti. Kif ukoll il-kumpannija beħsiebha ddaħħal magħha żewġ (2) Apprentice Laboratory Technologists u Computer Hardware Technician Apprentice mill-Korporazzjoni ta’ l-Impiegi u t-Taħriġ (ETC) permezz ta’ intervisti skond MPO MEMO 9/2005 TAS.

Għawdex — Rabat - twaqqigħ ta' djar

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-MEPA ħarġet il-permessi biex iż-żewġt idjar kbar f'Race course Street, Victoria jitwaqqgħu u flokhom jitla' kumpless? Jaqbel il-Ministru li dan jistona mal-kumplament tal-bini tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti (Development Permit Reports) magħmula mid-Direttorat ta’ l-Ippjanar fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) li jirreferu għal outline permit u l-full development permit. Dawn fihom, fost oħrajn, l-argumentazzjoni favur jew kontra t-twaqqigħ tal-faċċata in kwestjoni.

Kċina ta' ristorant

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12970 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk ir-ristorant - dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament - għandux il-kċina kif suppost biex minnha ma joħorġux irwejjaħ qawwija fl-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li wara spezzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa fil-fond indikat, instab li l-ventilazznjoni tal-post hi regolari u ma hemm ebda ksur ta’ regolamenti f’dan ir-rigward.