Legislature:
Category:
Reset
Active:

Djar privati ta' l-anzjani — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani, taħt l-iskema public private partnership imnedija mill-Gvern Nazzjonalista, ġew ammessi fi djar privati ta' l-anzjani matul is-sena 2002 u s-sena 2003 rispettivament? X'kien in-numru attwali ta' anzjani residenti taħt din l-iskema fil-31 ta' Diċembru 2002 u fil-31 ta' Diċembru 2003? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Djar residenzjali tal-gvern — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani ġew ammessi fid-djar residenzjali tal-gvern matul is-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003, sena b'sena? X'kien in-numru attwali ta' residenti fl-aħħar ġurnata ta' kull sena msemmija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

SVPR — Anzjani residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm anzjani ġew ammessi fir-residenza San Vinċenz de Paule matul is-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003, sena b'sena? X'kien in-numru attwali ta' residenti fl-aħħar ġurnata ta' kull sena msemmija? Kemm minnhom kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Pensjonanti — Għajnuna medika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu d-dħul li jrid ikollu pensjonant sabiex ikun jista' jibbenefika mill-għajnuna medika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Biex persuna tikkwalifika għall-Għajnuna tal-Mard ma tridx ikollha riżorsi kapitali ta’ aktar minn Lm6,000 jekk tkun persuna waħedha u Lm10,000 f’każ ta’ persuna miżżewġa. Id-dħul fil-ġimgħa ta’ persuna waħedha ma jridx ikun aktar minn Lm9.30 fil-ġimgħa. Dan id-dħul jiżdied bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull persuna oħra li tgħix fid-dar. Fil-każ ta’ pensjonant, mill-ammont ta’ pensjonijiet li jirċievi, jiġi njorat ammont ekwivalenti għall-pensjoni minima nazzjonali miżjuda applikabbli. It-test biex jiġi stabbilit id-dħul fil-ġimgħa jsir skond kif elenkat fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.

Bormla — Triq Santa Liena - Manutenzjoni ta' gallarijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir spezzjoni u jekk ikun il-każ manutenzjoni, tal-gallarijiet li hemm fil-blocks il-ġodda fi Triq Santa Liena, f'Bormla peress li s-saljaturi jidhru perikolużi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta’ l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar għall-azzjoni meħtieġa.

Aġenzija Appoġġ — Vakanzi ta' child carers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ħarġux vakanzi għal grad ta' child carers ma' l-aġenzija Appoġġ? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta ħarġu u jpoġġi kopja tas-sejħa fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bejn April 2003 u Jannar 2004, l-Aġenzija Appoġġ irreklutat 6 full-time u 3 part-time care workers. Dawn kienu persuni jew li kienu riferuti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ minn dawk fuq ir-Reġistru tal-Korporazzjoni jew wara li l-Korporazzjoni ppublikat il-permess relattiv numru 1892003 fil-Job Centres u l-Website tagħha.

Benefiċċji — Koppji li jikko-abitaw - Koppji miżżewġa

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fl-aħħar ħames snin mill-Gvern biex koppji li jikko-abitaw jkollhom l-istess drittijiet u benefiċċji ta' koppji miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-benefiċċji soċjali mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, koppja li tkun qed tikko-abita għandha l-istess drittijiet bħal koppja miżżewġa fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-Għajnuna Soċjali u Għajnuna Medika mħallsa taħt l-imsemmi Att.

Djar — Talba għal akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' il-Ministru jara li t-talba għall-akkomodazzjoni alternattiva tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata attenzjoni speċjali, peress li f'appartament ċkejken qed jgħixu disgħa minn nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi t-talba qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ applikazzjonijiet oħrajn pendenti li għandu d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

SVPR — Xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex fir-residenza San Vinċenz de Paule ix-xogħol ta' kostruzzjoni fuq phase II tal-proġett tal-bini tas-swali l-ġodda flok is-swali l-qorma 1, 2, 3, u 4, Irġiel u Nisa, issa ilu wieqaf kompletament minn Awissu tas-sena l-oħra? Meta hu previst li dan ix-xogħol jerġa' jitkompla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Grazzi għall-ħidma tal-Onor. Interpellant fil-leġislatura preċedenti l-ewwel fażi tal-proġett tal-bini tal-blokki l-ġodda flok is-swali qodma 1, 2, 3, u 4, ta’ l-irġiel u n-nisa, li kien jirrigwarda s-swali ta’ l-irġiel, tlesta u ġie inawgurat f’Ottubru 2003. Ninsab infurmat li x-xogħol fuq it-tieni fażi, li tirrigwarda s-swali qodma tan-nisa u r-restawr tal-kappella, mistenni jitkompla f’qasir żmien.

SVPR — Kappella

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara x'jista' isir biex il-kappella fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule li suppost kellha terġa' tinfetaħ għall-użu ta' l-anzjani ma' l-inawgurazzjoni tal-phase I tal-proġett tal-bini tas-swali ġodda li saret f'Ottubru li għadda, terġa' tkun użabbli mill-anzjani mill-aktar fis possibbli billi issa ilha magħluqa minn Marzu tas-sena 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ir-restawr tal-kappella fir-residenza San Vinċenz de Paule hu parti mill-proġett kollu tal-bini tal-blokki l-ġodda flok is-swali qodma 1,2,3, u 4, ta’ l-irġiel u n-nisa, li hu maqsum f’żewġ fażijiet u li l-ewwel fażi tiegħu hi lesta. Dan ir-restawr mistenni jsir bħala parti mit-tieni fażi tal-proġett kif kien previst. Sadanittant is-servizzi rekuġjużi qed jiġu provduti f’parti oħra ta’ l-istess Residenza.

Dipartiment tas-sigurta' soċjali — Flus mgħoddija lill-welfare committee

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ammonti ta' flus id-dipartiment tas-sigurta' soċjali, mill-kontribuzzjonijiet li ġabar mingħand l-anzjani, għadda lill-welfare committee kull sena mis-sena 2000 'il hawn - jiġifieri fis-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammonti ta’ flus li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għadda lill-Welfare Committee mill-kontribuzzjonijiet li ġabar mingħand l-anzjani huma hekk: Sena Lm 2000 1,882,004 2001 2,108,932 2002 1,950,000 2003 2,213,555

Welfare committee

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti l-formazzjoni tal-welfare committee għas-sena 2004 u jgħid jekk il-funzjoni ta' dan il-kumitat hijiex se tkun l-istess bħal welfare committees tas-snin l-imgħoddija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nbidel xejn mill-funzjonijiet li kellu l-Welfare Committee fis-snin passati, iżda dan il-kumitat issa jrid jiffunzjona fil-kuntest spjegat fid-diskors tal-budget, għal liema raġuni qed jitressqu xi emendi għall-liġi dwar is-Sigurta’ Soċjali. Dan il-kumitat ġie rikostitwit b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2004, kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

SVPR — Hospital management committee

Question

Billi riċentement ingħatat l-informazzjoni li ġie ffurmat kumitat ġdid fir-residenza San Vinċenz de Paule imsejjaħ Hospital management committee, jista' il-Ministru jagħti l-kompożizzjoni ta' dan il-kumitat u l-funzjoni li għandu dan il-kumitat f'din ir-residenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Management Committee għar-Residenza San Vinċenz de Paule twaqqaf biex jissorvelja t-tmexxija ġenerali ta’ kuljum tar-Residenza inkluż il-kwalita’ ta’ kura li tingħata. Dan il-kumitat hu kompost minn rappreżentanti mir-Residenza, mid-Dipartiment ta’ l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ u mis-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru għall-Politika Soċjali. Iċ-Chairman ta’ dan il-kumitat hu d-Direttur ta’ l-imsemmi Dipartiment.

Dipartiment ta' l-anzjani — Social assistants

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex id-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' ma kienx f'pożizzjoni li matul is-sena kollha li għaddiet jibgħat P/T Social Assistants relievers biex jagħmlu x-xogħol ta' dawk il-P/T Social Assistants li jkunu fuq vacation jew sick leave? Jista' il-Ministru jara li ma jkunx hemm dewmien aktar f'dan ir-rigward għaliex qiegħed ikun ta' dannu u ta' tbatija kbira għal ħafna anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li dan ix-xahar ser jibdew l-intervisti għar-reklutaġġ ta’ part-time social assistants biex ikunu jistgħu jiġu rimpjazzati dawk li jkunu bil-leave jew sick leave.

Djar — Applikazzjoni 1114/88

Question

Għar-rigward ta' l-applikazzjoni konċernanti l-konvenju 1114/88 (02548) iffirmat mill-awtorita' tad-djar, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess wasal sabiex jiġi finalizzat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħaddili aktar dettalji dwar il-każ, anki b’mod kunfidenzjali, biex nitlob li jsiru l-verifiki meħtieġa.

Anzjani residenti fi djar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid sena b'sena separatament bejn l-1996 u l-2003, kemm il-welfare committee dwar l-anzjani daħħal mingħand l-anzjani residenti f'residenzi u djar ta' l-anzjani tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-flus li l-Welfare Committee dwar l-anzjani daħħal mingħand residenti f’residenzi u djar ta’ l-anzjani tal-gvern huma hekk: Sena Lm 1996 1,091,196 1997 899,378 1998 1,155,093 1999 867,050 2000 1,882,004 2001 2,108,932 2002 1,950,000 2003 2,213,555

Impjiegi — Persuni boarded out

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li għaddew boarded out f’Malta u Għawdex separatament matul Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Jista’ il-Viċi Prim Ministru jinformani bl-istess tagħrif għall-istess perjodu tas-snin 2000, 2001 u 2002 rispettivament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1612 f’Seduta Numru 35. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta’ persuni li bdew jirċievu l-Pensjoni għall-Invalidita’ f’Malta u Għawdex fis-snin u x-xhur indikati mill-Onor. Interpellant.