Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birgu — Lift ma jaħdimx

Question

B’riferenza għal mistoqsija parlamentari 27867, jista' l-Ministru jgħid meta hu suppost li kellhom jinbdew ix-xogħlijiet? Meta fil-fatt dawn bdew? Meta kellu jitlesta dan il-lift biex jintuża mir-residenti? Jekk ma jitlestiex fiż-żmien stipulat, hemm penali mposti fuq dan il-kuntrattur? Jekk fl-affermattiv, kemm huma dawn il-penali? Qegħdin jithallsu? Kemm kien stmat li jiġi jiswa dan il-lift? Kemm ġej jiswa fir-realtà?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-kuntrattur ingħata d-data tas-26 ta’ Frar 2007 bħala l-ġurnata biex jinbeda x-xogħol fuq il-lift li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Ix-xogħol inbeda fil-ġurnata stabbilita u kellu jitlesta sat-13 ta’ Awissu 2007. Ninsab infurmata wkoll li xogħol kien stmat li se jiswa Lm17,000 u ingħata b’offerta għal Lm15,098.48. Fil-każijiet fejn kuntrattur ma jonorax id-data tat-tlestija, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet validi, l-Awtorita’ tad-Djar timponi penali ta’ Lm20 għal kull ġurnata, inkluż Ħdud u festi, li tgħaddi wara din id-data. Dawn il-penali jiġu mnaqqsa mill-pagamenti dovuti lill-kuntrattur.

Disposable nappies

Question

Tista' l-Ministru tara li jiġu nvestigati lmenti li d-disposable nappies li jingħataw lill-persuni diżabbli huma ta' kwalita' nferjuri ħażina ħafna u jitqattgħu malajr? Jistgħu jingħataw disposable nappies tajbin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li s-servizz indikat mill-Onor. Interpellant hu provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Persuna bir-relief

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 28108 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tara li jinħareġ il-voucher ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jgħix bir-relief? Jista' jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali tal-lokalita’ tagħha biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Nefqa fuq petrol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq petrol mill-Ministeru, dekasteru u enti tagħha, ta' l-uffiċjali biss, (eskluż l-użu ġenerali) separatament matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Tista' tgħid liema uffiċjali huma ntitolati għal petrolimħallas mill-gvern fl-istess perijodu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra

Day centre għall-anzjani

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 24818 u 25647 u għat-tweġibiet relattivi, tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsab il-proġett ta' l-awtorita' tad-djar li jikkonsisti f'kumpless residenzjali ta' 60 appartament u block ta' 21 unit maħsub biex jiġi allokat lil persuni anzjani jew bi bżonnijiet speċjali u li skond it-tweġiba tal-Ministru li ngħatat fis-7 ta' Mejju 2007, għandu jinkludi wkoll day centre għall-anzjani, child day care centre, 85 garaxx kif ukoll landscaped area? Tista' tgħid f'liema area tas-Siġġiewi dan il-kumpless huwa ppjanat u tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-pjanti ta' dan il-kumpless? Tista' tgħid meta huwa ppjanat li dan il-kumpless jitlesta u jkun fully operational?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta’ l-Awtorita’ tad-Djar li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti hu ppjanat fuq art fi Triq l-Imdina, kantuniera ma’ Triq it-Tabib Nikol Zammit, is-Siġġiewi. Ninsab infurmata wkoll li dan il-proġett qiegħed fl-istadju ta’ proċessar preliminari mill-MEPA u l-iżvilupp u l-ippjantar tiegħu f’aktar dettal ser isir meta jinħarġu l-permessi meħtieġa.

Ħal Farruġ — Proġett

Question

Taf il-Ministru li l-proġett li kien sar mill-gvern ċentrali f'Ħal Farruġ, jiġifieri madwar il-blokki ta' l-appartamenti l-ġodda għadu ma tlestiex, partikolarment fl-area ta' Blk G fejn hemm il-ħwienet li kienu nkrew mill-gvern? Tista' tgħid għaliex dan ix-xogħol ma tlestiex meta hemm inkonvejenti kbar u riskji bla ħtieġa għas-saħħa tar-residenti li jagħmlu użu mill-uniku ħanut tal-merċa li hemm fl-akwata? Tista' tgħid meta dan ix-xogħol se jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-proġett ta’ landscaping li rreferiet għalih l-Onor. Interpellanti, għalkemm hu finanzjat mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, qed jiġi esegwit mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Luqa. Ninsab infurmata wkoll li kien hemm xi problemi bejn il-Kunsill u l-kuntrattur li mistennija jiġu diskussi, flimkien mad-Dipartiment imsemmi, fil-ġranet li ġejjin bl-iskop li jiġu risolti u x-xogħol ikun jista’ jitkompla u jitlesta.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Taxxi, tariffi u miżati

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnha, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtha bejn Jannar u Settembru 2007? Tista' tindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata illi bejn Jannar u Settembru 2007, ma ddaħħlu jew ġew riveduti ebda taxxi, tariffi jew miżati mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali jew mid-Dipartimenti jew Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru

Detox Centre

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru totali ta' persuni li talbu u ngħataw trattament fiċ-ċentru Detox fl-Isptar San Luqa fl-ewwel disa' xhur tas-sena? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija? Kemm kienu nisa u kemm rġiel? Kemm kienet l-iżgħar u kemm l-akbar eta' li talbet l-għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Shared ownership

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jkun hemm issue mill-Awtorita` tad-Djar għal Shared Ownership? Meta ser joħorġu? F'liema lokalita'? Kemm hu n-numru ta' units? Kemm hu l-average price tal-units?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li, fil-ġimgħat li ġejjin, l-Awtorita’ tad-Djar mistennija toħroġ 331 unit taħt l-iskema ta’ Shared Ownership. Il-lokalitajiet fejn jinsabu dawn il-units huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub għad mhux finalizzat.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Rapporti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġew ikkummisjonati rapporti fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u f'każ li fl-affermattiv, tista' tgħid x'kien l-għan/skop ta' kull rapport separatament, minn min sar u jekk sewa flus kemm kienet l-ispiża separatament? Tista' tgħid jekk hemmx minn dawn ir-rapport li ġew konklużi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma ġie ikkummissjonat ebda rapport mill-Ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi matul il-perijodu indikat mill-Onor. Interpellant.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Repair and upkeep

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża separatament għal repair and upkeep li saret mill-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-taghrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Irranġar ta' dar

Question

Tista' l-Ministru tara li jitmexxa l-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ta' ħruġ ta' cheque fuq skema ta' rranġar ta' dar mill-Housing Authority peress li din trid tħallas lil min għamel ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna ndikata li tmur it-Taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita tad-Djar biex tinghata l-informazzjoni u l-ghajnuna mehtiega.

Bdil ta' saqaf

Question

Tista' l-Ministru tara li jsir x-xogħol ta' bdil ta' saqaf tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li qalulhom li se jsir u għadu ma sarx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li x-xogħol li rrefera għalih l-Onor. Interpellant hu programmat li jsir kmieni s-sena d-dieħla.

Sigurta' Soċjali — Arretrati

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni jekk anzjan li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux se jieħu arretrati ta' flus nieqsa tul is-snin? Jista' jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jaghti parir lill-persuna ndikata li tmur l-Ufficcju Distrettwali tad-dipartiment tas-Sigurta’ Socjali tal-lokalita taghha biex tinghata l-informazzjoni u l-ghajnuna mehtiega.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Tista' tagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Servizz ta' l-internet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz tal-internet provdut fir-residenzi tal-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tagħha matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Tista' tgħid min hu l-ISP f'kull każ separat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birgu — Lift ma jaħdimx

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iżomm milli jibda jaħdem il-lift li gie nstallat bosta ġimgħat ilu fi blokk flats, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, imma għadu qatt ma ħadem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant għad ma jistax jintuża għax għad jonqos diversi xogħlijiet xi jsiru mill-kuntrattur qabel ma l-lift jiġi ċertifikat mill-konsultent ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. L-Awtorita’ ma tgħaddix lift lir-residenti qablel ma tkun ċerta li jkun ġie stallat skond ir-regolamenti u li jkun mingħajr difetti jew periklu. Ninab infurmata wkoll li l-Awtorita’ qegħda tagħmel l-almu tagħha possibbli biex il-kuntrattur ilesti x-xogħlijiet pendenti mill-aktar fis biex il- lift ikun jista’ jiġi ċertifikat u jibda jintuża mir-residenti.

Separazzjonijiet — Manteniment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm każijiet ta' missirijiet li telqu mid-dar minħabba li sseparaw (jew għal xi raguni oħra) u huma obbligati li jagħtu manteniment tat-tfal lil ex-mara tagħhom u mhux qegħdin jobdu d-deċiżjoni tal-Qorti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ebda Dipartiment jew entita’ taħt id-dekasteru tiegħi ma jżomm statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant.