Ħal Balzan — Triq il-Kbira - Xogħol mill-kunsill lokali
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi mqabbda mill-kunsill ta' Ħal Balzan li qed jagħmlu x-xogħlijiet fi Triq il-Kbira? Kemm ġie jiswa kull kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill konċernat.
B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 687 u 857 u cioe' jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-kunsilli li jinsabu fi żbilanċ finanzjarju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f`xi Seduta oħra.
Dipartiment ta' l-artijiet — Esproprjazzjoni ta' proprjeta' privata
Question
Jista' il-Ministru jinvestiga ilment li wasalli mingħand grupp ta' residenti li joqogħdu fi blokk bini li d-dettalji tagħhom u korrispondenza oħra relatata qed jintbagħtu separatament, fejn żviluppaturi privati qed jheddu li jitolbu lill-gvern jesproprja l-proprjeta' privata tagħhom proprju fejn hemm il-ġnien u s-swimming pool biex jgħaddu triq? Il-lands department irċieva xi applikazzjoni f'dan is-sens? Jekk iva, jaħseb il-Ministru li l-gvern għandu jħares l-interessi ta' dawn ir-residenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Artijiet għandu talba mingħand l-Awtorita` tat-Trasport biex jesproprja parti żgħira minn ġnien, li skond l-iskemi tal-Awtorita` tal-Ippjanar jifforma parti minn triq li għad trid tinfetaħ. Dan ser isir a spejjeż tal-iżviluppaturi skond kif jitlob il-Kapitolu 88 tal-Liġijiet ta` Malta.
Karozzi mixtrija/mikrija — Ministeru tal-Ġustizzja u Intern
Question
Kemm inxtraw karozzi ġodda jew huma fil-proċess li jinxtraw u kemm, jew mikrija jew huma fil-proċess li jinkrew mit-12 ta' April ta' din is-sena sal-lum mill-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern u d-Dipartimenti, korporazzjonijiet, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern? Kemm fil-fatt huwa n-numru totali ta' karozzi mixtrija u mikrija mid-dikasteri li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja u Intern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet ta’ l-għeluq ta' postijiet ta' divertiment bħalma huma discos, eċċ? Jista' jara li fejn tindaqq il-mużika fil-miftuħ din ma tibqax tindaqq sas-sigħat bikrin kif qed isir fil-weekend f'post f'Ta' Qali u li qed idejjaq lir-residenti ta’ l-inħawi inklużi dawk ta' H’Attard?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħinijiet ta` l-għeluq ta` postijiet ta` divertiment huma regolati bil-Leġislazzjoni Sussidjarja 10.40 dwar bon ordni f`lokalitajiet ta` divertiment.
Tajt direttiva lill-Pulizija biex dawn ir-regolamenti jiġu applikati b`iktar reqqa.
San Pawl il-Baħar — Triq il-Knisja - Twessigħ ta' bankina
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk intalbux il-permessi rilevanti biex il-kunsill lokali jwessa' il-bankina fi Triq il-Knisja f'San Pawl il-Baħar biex jiġi akkomodat stabbiliment ta' l-ikel li qed ikollu b'impatt ħażin fuq ir-residenti u l-ġirien?
B’riferenza għall-mistoqsija numru 473, jista' jgħid x'jiġri meta persuna tirrifjuta li tieħu t-test tal-breathalyser? Xi jfisser meta l-Ministru jgħid li t-test ma jkunx komplut? Xi tkun ir-raġuni? X'passi jittieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-proċedura segwita mill-Pulizija fit-testijiet tan-nifs hija dik stipulata fl-artikoli 15 tar-Regolament tat-Traffiku (Kap. 65). Persuna li tirrifjuta jew tonqos milli tagħti kampjun kif maħsub taħt dawn ir-regolamenti tkun ħatja ta` reat u għaldaqstant jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra tagħha. Infurmat ukoll illi t-test ma jkunx komplut jekk dak il-kampjun ma jingħatax b`dak il-mod u f`dik il-kwantita` li tkun tista` tiġi analizzata kif imiss.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Lulju 2002 sal-15 ta' Gunju 2003, kienx hemm xi impjegat/a tal-Faċilita` Korrettiva ta' Kordin li nqabad b'xi droga jew li daħħal xi affarijiet li mhux suppost fil-Faċilita`? Jista' jgħid x'passi ttieħdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Lulju 2002 sal-15 ta` Ġunju 2003 ma kien hemm l-ebda uffiċjal/uffiċjala tal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin li nqabad/inqabdet b`xi droga jew iddaħħal xi affarijiet li mhux suppost ġewwa l-Faċilita`.
Jista' il-Ministru jinvestiga rapport li surġent - ismu qed jintbagħat separatament - minn wara dahar il-kummissarju qabbad impjegat li jaqa' taħtu - ismu qed jintbagħat separatament - biex jaħdimlu fid-dar tiegħu waqt il-ħin tax-xogħol fil-bidu ta' Mejju 2003? Jista' jinvestiga rapport li l-istess surġent fi tmiem Mejju, ukoll minn wara dahar il-kummissarju qabbad persuni jaqgħu taħtu jaħdmulu soffitt id-dar ukoll waqt il-ħin tax-xogħol? Jista' jgħid x'passi se jittiħedu jekk jirriżulta li dawn ir-rapporti huma bbażati fuq fatti li tassew ġraw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-allegazzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed jiġu investigati. Jekk dan jirriżulta, jittieħdu proċeduri kif previst mill-Att dwar il-Pulizija.
Jista' il-Ministru jgħid x'fondi irċieva kull Kunsill Lokali f'Malta u Għawdex għal din is-sena bħala fondi ordinarji u fondi straodinarji separatament?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-fondi ordinarji (skond Art. 55 u l-Għaxar Skeda ta` l-Att) li ħa kull Kunsill għas-sena finanzjarja li tkopri mill-1 t`April 2003 sal-31 ta` Marzu 2004.
Dwar fondi straordinarji nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Fondi għal Ħtiġijiet Speċjali skond Art. 58 ta` l-Att. Dawn il-fondi l-aħħar li ngħataw kien għas-sena finanzjarja tal-Kunsilli 1999-2000, meta mbagħad kienet inbidlet il-formola ta` l-allokazzjoni li tinsab fl-Għaxar Skeda ta` l-Att li biha l-Kunsilli bdew jiġu ffinanzjati skond ir-responsabbilitajiet u l-assi tagħhom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 29, fejn il-Ministru ta' l-Edukazzjoni rrisponda:
"Informat li l-
ground
li qed jirriferi għalih l-Onor. Interpellant hi pjazza pubblika li ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-iskola".
Peress li jidher li din hi proprjeta' li taqa' taħtu, jista' il-Ministru jirrispondi din il-mistoqsija?
Response (BORG, TONIO)
Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li fuq il-post minnu indikat hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA għal outline development ta` car park ta` numru ta` sulari li preżentement hija pendenti. Għalhekk ma jkunx għaqli li f`dan l-istadju jinbdew xogħlijiet ta` natura straordinarja.
Wara diversi rapporti fuq stazzjonijiet tat-televiżjoni Taljani u akkużi li hemm rabta bejn it-Turkija u Malta qabel ma immigranti klandestini jittieħdu fi Sqallija, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx kuntatt ma’ l-awtoritajiet Taljani dwar il-mijiet ta' immigranti illegali li daħlu fi Sqallija f'dawn l-aħħar ġimgħat? Ġew identifikati ċittadini Maltin li huma allegati li qed jieħdu sehem f'dawn l-operazzjonijiet illegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-kuntatt mal-Pulizija Taljana fuq materja ta` Immigrazzjoni Illegali hija kontinwa u regolari. Ma jirriżultax illi l-mijiet ta` immigranti illegali li ddaħħlu fi Sqallija, f`dawn l-aħħar ġimgħat, huma l-istess immigranti illegali illi l-Pulizija Taljana qed taħdem fuqhom b`kollaborazzjoni mal-Pulizija Maltija, il-għaliex dawk oriġinaw minn pajjiżi oħra fil-Mediterran.
Għadhom qegħdin isiru l-indaġini neċessarji, biex dawk il-Maltin jew barranin li qegħdin Malta, u li huma nvoluti f`dawn l-operazzjonijiet jiġu iddentifikati u l-investigazzjonijiet ser ikomplu bejn iż-żewġ servizzi tas-Sigurta`.
Minbarra s-sorveljanza li ssir mill-Pulizija mill-art madwar il-kosta ta' Malta, jista' jgħid x'tagħmir għandha biex din tkun tista’ ssir ukoll mill-baħar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta. Il-Pulizija għandha għad-dispożizzjoni tagħha żewġ speedboats u tlett rubber dinghies li jintużaw primarjament għal inshore patrols. Ninsab infurmat ukoll illi kull meta jkun hemm il-ħtieġa, il-Pulizija dejjem titlob u tingħata l-assistenza meħtieġa mill-Forzi Armati ta` Malta.
Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji — Sentenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex titwettaq is-sentenza mogħtija fis-27 ta' Frar, 2002 mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji fir-rikors numru 260/97? Meta se titwettaq din is-sentenza mogħtija iżjed minn sena ilu?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu bħalissa mid-dipartiment tal-kunsilli lokali biex il-kunsill b'responsabbilta' f'inħawi turistiċi u ta' villeġġjatura jżommuhom indaf peress li nħawi bħal Buġibba u l-Qawra jagħtu dehra ta' telqa u ħmieġ fejn l-iktar jippassiġġaw in-nies?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u billi t-tindif ta` toroq, li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tagħhom, huwa funzjoni delegat lilhom skond Art 33 ta` l-Att, nissuġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 428, jista' il-Ministru jgħid meta ġiet imwaqqfa l-ħatra, jekk ġiet ta' kull maġistrat msemmi fl-imsemmija tabella? Jista' il-Ministru jagħti dettalji u jgħid kemm ilhom pendenti l-inkjesti imsemmija, maġistrat b'maġistrat?
Response (BORG, TONIO)
B’referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 428, wieħed irid jgħid li d-data tal-ħatra msemmija hi d-data ta’ meta kull persuna msemmija saret Maġistrat.
Minn żmien għal żmien id-dmirijiet tal-maġistrati jinbidlu u s-Sinjuri Maġistrati li preżentament jikkonduċu l-inkjesti huma:
MALTA
Maġistrat Antonio Mizzi
Maġistrat Jacqueline Padovani
Maġistrat Saviour Demicoli
Maġistrat Abigail Lofaro
Maġistrat Giovanni Grixti
Maġistrat Consuelo Scerri Herrera
Maġistrat Miriam Hayman
Maġistrat Lawrence Quintano
GHAWDEX
Maġistrat Paul Coppini
Maġistrat Antonio Micallef Trigona
Minkejja dawn id-dmirjijiet preżenti, l-inkjesti mhux magħluqa tal-Maġistrati l-oħra jibqgħu jidhru għandhom sakemm jingħalqu u jintbagħtu fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li juru n-numru ta` inkjesti pendenti, sena b`sena, ta` kull Maġistrat għal Malta u Għawdex sal-25 ta` Ġunju 2003.
Jista' il-Ministru jagħti d-dettalji dwar kemm-il inċident tat-traffiku seħħ fi Triq il-Ferrovija l-Qadima kantuniera ma Vjal il-Bon Pastur f'Ħal Balzan f'dawn l-aħħar 3 snin? Jaqbel il-Ministru li għandha tinsab soluzzjoni immedjata sabiex jiġu evitati dawn l-inċidenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` inċidenti tat-traffiku li ġew irrapurtati lill-Pulizija li seħħew fi Triq il-Ferrovija l-Qadima kantuniera ma` Vjal il-Bon Pastur, Balzan, kienu kif ġej:
2000
2001
2002
2003*
4
1
xejn
4
*Sa 24.06.03
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmilha lill-Ministru responsabbli mit-Traffic Planning.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas li l-gvern ħallas xahar b'xahar matul is-sena 2002 sa Marzu 2003 lil Eureka Services Limited għal xogħol ta' riċerki? Kemm daħħal flus il-Gvern minn riċerki għall-istess perjodu? Kemm kienu r-riċerki li ma nġabrux u x'inhu l-ammont fi flus dovut lil Gvern?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku ħallas lill-Eureka Services Ltd. l-ammont ta` Lm933,079 minn Jannar 2002 sa Marzu 2003 għar-riċerki. Il-ħlasijiet, xahar b`xahar huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta` min wieħed jgħid li dan il-ħlas ikopri x-xogħol kollu ta` inputting, scanning u indexing li jsir mill-Kumpanija. Mill-kalkoli li saru jirriżulta li dan l-ammont jinkludi s-somma ta` Lm121,706 li titħallas lura lill-Gvern mill-Kumpanija bħala VAT.
Ninsab infurmat ukoll illi d-dħul globali għall-istess perijodu dovut lid-Dipartiment għax-xogħol ta` riċerki huwa ta` Lm939,446.
In-numru ta` riċerki li ma nġabrux sal-31 ta` Marzu 2003 kien ta` 115 li l-valur tagħhom jammonta għal Lm2,553.96,0.
Jista' il-Ministru jagħti l-lista tal-kuntratti li n-nutara ddepożitaw fl-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern sa l-aħħar ta' April 2003? X'passi qiegħed jieħu l-Gvern biex jara li l-kuntratti kollha jiġu depożitati għand in-Nutar tal-Gvern?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija l-Onorevoli Interpellant hu mitlub li jkun iżjed speċifiku b`mod li jindika għal liema perijodu qed jitlob l-informazzjoni.
Għar-rigward tat-tieni parti, l-Onorevoli Interpellant hu infurmat li l-atti qed jiġu depożitati fl-Arkivji Notarili permezz tal-Qorti tar-Reviżjoni ta` l-Atti Notarili kif ukoll permezz tal-Kummissarju Speċjali għall-Atti Nutarili appuntat in segwitu għall-promulgazzjoni tal-Att Numru X tal-1999.