Legislature:
Category:
Reset
Active:

Laboratorji

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28599, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra t-tagħrif dwar il-laboratorji tax-Xjenza u l-Lingwi li kienet għadha qed tiġi miġbura? Jista' jgħid ukoll kemm kienet in-nefqa matul is-sena 2007 fuq il-laboratorji l-ġodda li nbnew u liema kienu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-preżent jinbnew il-laboratorji meħtieġa tal-Bioloġija, Kimika u Fiżika fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew.

MCAST

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28600, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qed joġġezzjona li jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-master plan tal-campus l-ġdid ta' l-MCAST? Barra minn hekk, jista' jagħti breakdown dettaljat ta' kif huwa maħsub li jintnefqu l-Lm50 miljun li ssemmew b'rabta ma' dan l-istess proġett?

Response (GALEA, LOUIS)

F'dan l-istadju ma għandi xejn x'inzid mat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 26521, 28600 u Paper Laid Numru 6871.

Sistema ta' awditjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex ikollha sistema ta' awditjar akkademiku u amministrattiv serju? Jista' jgħid ukoll għalfejn l-evalwazzjoni ta' l-istudenti kienet intemmet ħesrem u għaliex s'issa għad m'hemmx mekkaniżmu kif l-istudenti jesprimu ruħhom dwar it-tagħlim ta' l-akkademiċi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-ġimgħat li ġejjin, l-Universita' sejra tibdel is-sistema prezenti ta' awditjar tal-programmi akkademiċi tagħha għal waħda bbazata fuq prattiċi moderni simili għal dawk adottati f'universitajiet oħra ewropej. Is-sistema l-ġdida se tinvolvi proċeduri rigoruzi li bihom, fost affarijiet oħra, korsijiet ġodda jiġu verifikati qabel jiġu adottati, filwaqt li korsijiet li diġa' jezistu jiġu evalwati perjodikament. Biex jista' jsir dan, diġa ddaħħlu proċeduri akkademiċi u amministrattivi ġodda bl-għajnuna ta' staff amministrattiv li ġie dedikat apposta għal dan il-għan. Fost il-proċeduri li se jifformaw parti integrali mill-mekkanizmi ta' l-awditjar akkademiku, l-Universita' se terġa tintroduċi l-evalwazzjoni tat-taqsimiet ta' studju. Dan se jsir permezz ta' formoli li se jimtlew mill-istudenti b'sistema on-line. B'hekk xi problemi li setgħu nħolqu fil-passat meta kien sar dan l-ezerċizzju bl-uzu ta' karti li kienu jimtlew manwalment mill-istudenti jiġu evitati. B'din is-sistema l-ġdida, ir-risposti ta' l-istudenti jkunu magħrufa mill-għalliema u mill-amministrazzjoni immedjatament kif l-istudenti jibgħatuhom. Dan ma jfissirx li prezentement l-Universita' ma għandiex sistemi effettivi ta' kontroll tal-kwalita'. Ta' min ifakkar li fit-tul tas-snin l-Universita' dejjem stiednet ezaminaturi barranin biex mhux biss jieħdu sehem fil-proċess ta' l-ezamijiet, imma wkoll jagħtu rapport dwar l-evalwazzjoni tagħhom tal-korsijiet. Kostantement, dawn ir-rapporti indikaw li l-korsijiet ta' l-Universita' ta' Malta jilħqu l-ogħla livelli u jikkomparaw sew ma' dawk ta' l-aħjar universitajiet internazzjonali.

Postijiet diċenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-Univerista' ta' Malta kemm kien hemm letturi li ma ħadux il-performance bonus s-sena l-oħra? Jista' jgħid ukoll xi pjanijiet għandha l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex il-letturi u l-amministraturi kollha jkollhom post diċenti minn fejn joperaw, il-laboratorji u l-ħwienet tax-xogħol ikunu ta' standard internazzjonali, l-librerija tkun denja ta' l-Universita' li tirriċerka u l-arti espressiva ma tibqax tiddobba b'garaxx misluf mill-amminsitrazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Association of Commwealth Univeristies

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' hux kuntenta bl-effiċjenza ta' l-Association of Commonwealth Universities rigward il-promozzjonijiet ta' l-akkademiċi u jekk hux qed taħseb f'alternattivi?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Regoli dwar id-doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ppubblikati r-regoli dwar id-doping f'pajjiżna li suppost ilhom lesti ż-żmien? X'inhi r-raġuni għal dan id-dewmien meta x-xogħol fuq dawn ir-regolamenti ilu lest żmien?

Response (GALEA, LOUIS)

Filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport lesta x-xogħol fuq ir-regolamenti tad-doping f'pajjizna u aġġornahom fuq linji gwida ta' l-aġenzija internazzjonali relattiva, dawn ir-regolamenti issa jinstabu fl-aħħar fazi ta' tħejjija għall-pubblikazzjoni kif titlob il-liġi.

Suġġett tax-xjenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28612, jista' l-Ministru jgħid jekk allura fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel li l-istudenti ma ġewx mitluba biex jixtru ġagaga u/jew nuċċali minħabba s-suġġett tax-xjenza mhux qed iħarsu l-iġene ta' kull student/a? Jista' jgħid ukoll jekk l-iskejjel għandhomx jipprovdu huma dawn l-affarijiet jew inkella jħallsu għalihom l-istudneti permezz tal-ġenituri tagħhom?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ġagaga u/jew nuċċali jiġu wzati meta l-istudenti jkollhom s-suġġett tal-Kimika. Infomat ukoll li l-kriterju li jintuza għax-xiri tal-ġagaga huwa l-istess bħal dak għax-xiri ta' l-uniformi u tal-PE kit.

Universita — Stipends Office

Question

Peress li ħafna studenti universitarji qed jilmentaw dwar it-tmexxija ta' l-iStipends Office ta' l-Universita' billi għad hemm ħafna studenti li sal-lum għadhom ma rċevewx il-formola ta' l-istipendju, bil-konsegwenza li jekk ma jibagħtux din il-formola jispiċċaw mingħajr stipendju u kif ukoll għad hemm studenti minghajr aċċess għall-iSmart Card għax ma nfetħitx, jista l-Ministru jindirizza din is-sitwazzjoni minnufih?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasal fl-uffiċju tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Gżira — Allokazzjoni ta' ground

Question

Jikkonferma l-Ministru li f’dawn l-aħħar erba’ snin saru laqgħat bejn Gżira United FC u l-Kunsill Malti għall-Isport dwar l-allokazzjoni ta’ ground tal-football u clubhouse ġewwa Manoel Island? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ftehim bil-miktub jew bil-fomm dwar din l-istess allokazzjoni lill-club tal-football tal-Gżira United? Jekk dan ma jeżistix, saru xi diskussjonijiet ma’ min huwa responsabbli mill-proġett ta’ Manoel Island, fosthom il-MIDI u/jew il-Ministeru għall-Izvilupp Urban u Toroq?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-KMS kellu laqgħat ma’ Gzira United FC dwar il-ground ta’ Manoel Island. Informat ukoll li l-ground ma ġiex mogħddi lill-istess KMS mill-Kummissarju ta' l-Artijiet.

Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Riklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanniji ħadmu riklamar u kampanji ta’ informazzjoni għall-mezzi tax-xandir awdjo-viżivi u stampati għan-nom tal-Ministeru/Segretarjat Parlamentari tiegħu u għan-nom ta’ dipartimenti, awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006 u bejn Jannar u Settembru 2007? Kemm kien il-ħlas involut għal kull biċċa xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' tistax tiggarantixxi li l-informazzjoni rigward korsijiet li se jibdew f'Ottubru 2008 tasal għand l-istudenti attwali u prospettivi b'mod sħiħ, permenanti u mill-anqas tmien xhur qabel il-bidu tas-sena akkademika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-korsijiet li jiftħu regolarment huma magħrufa u dawn jikkostitwixxu l-maġġoranza assoluta tal-korsijiet. Korsijiet ġodda u korsijiet li jiftħu minn zmien għal zmien jkunu mħabbra appena jkunu finalizzati l-proċessi kollha, inkluz proċessi ta' assikurazzjoni ta' kwalita' u ta' rizorsi. L-Universita' tqis li ma jkunx sew u ma jaqbel għal ħadd li l-Universita' tintrabat li ma toffrix kors jekk ma tkunx f'pozizzjoni li tħabbru sa minn tmien xhur qabel.

Allokazzjoni ta' kmamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' tistax tiggarantixxi li l-allokazzjoni tal-kmamar tasal għand l-letturi u l-istudenti ferm qabel il-prattika attwali ta' tliet ijiem qabel ma tibda s-sena akkademika? Tista' l-Universita' tiggarantixxi li jonqsu l-ammont esaġerat u inġustifikat ta' clashes fit-timetables ta' l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li filwaqt li l-Universita' tirrikonoxxi li minħabba n-natura u l-kumplessita' tat-timetables jistgħu jirrizultaw clashes fil-bidu tas-sena, assolutament mhux korrett li wieħed jgħid li hemm ammont esaġerat u inġustifikat ta' clashes. B'danakollu l-amministrazzjoni tkompli tagħmel l-almu tagħha biex sa fejn hu possibli ikunu eliminati il-clashes kollha.

Studenti internazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet ta' l-Universita' fuq medda ta' ħames snin biex tkabbar n-numru ta' studenti internazzjonali li jħallsu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Universita' beħsiebha tkabbar in-numru ta' studenti internazzjonali li jħallsu billi toffri dejjem aktar degrees ta' kwalita' li jkunu jkopru materji meqjusa cutting edge. Din l-enfasi fuq tagħlim ta' kwalita' se jkun akkumpanjat minn kampanja pubbliċitarja f'numru ta' swieq bħaċ-Ċina, il-pajjizi ta' l-ex Unjoni Sovjetika u l-Golf Għarbi. Dan se jseħħ fost l-oħrajn permezz ta': (i) parteċipazzjoni f'diversi fieri dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-reġjuni msemmija (ii) numru akbar ta' aġenti f'dawn il-pajjizi li jirreklamaw il-prodott li toffri l-Universita' (iii) uzu effettiv tal-website il-ġdida ta' l-Universita' li għadha kif ġiet imnedija. L-Uffiċċju Internazzjonali ta' l-Universita' diġa' pproduċa materjali pubbliċitarji ġodda fix-xhur li għaddew fosthom brochures u kif ukoll DVD's bl-iskop li tissaħħaħ il-kampanja pubbliċitarja ta' l-Universita'. Ta' min wieħed isemmi ukoll li parti mill-isforz ta' l-Universita' li tattira aktar studenti li jħallsu se jiffoka fuq numru ta' Masters Degrees li se jiġu offruti mill-Universita' ta' Malta flimkien ma' l-universitajiet barranin ta' reputazzjoni tajba. Fost dawn it-tip ta' degrees wieħed jista' jsemmi id-dual degree Masters fl-Immaniġġjar Sostenibbli tar-Rizorsi Ambjentali li ġie mniedi fit-2 ta' Novembru mill-Universita' ta' Malta u l-James Madison University ta' l-Istati Uniti. Dawn it-ttip ta' Masters għandhom jinteressaw ferm lil studenti internazzjonali peress li joffru ċertifikazzjoni Maltija (u allura Ewropea) flimkien ma' ċertifikazzjoni Amerikana f'materji ta' interess kbir fid-dinja kontemporanja.

Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Universita' biex tħarreġ lill-akkademiċi tagħha fil-pedagogija, l-assessjar, il-preparazzjoni ta' riżorsi u l-użu effettiv tat-teknoloġija?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Area ta' Ħal Farruġ — Saħħa u Sigurta tal-ħaddiema u r-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid b'mod konkret x’passi ttieħdu fl-interess tal-ħaddiema u tar-residenti ta’ Ħal Farruġ minħabba emissions, ħmieġ u skart industrijali li qed jitħalla minn industrija li qed topera minn dan il-bini mhux komplut u li ġie żviluppat matul din l-aħħar sena fl-area qrib Triq l-Egrett l-Isfar? X’inhuma d-direttivi li ngħataw lil din l-industrija biex l-emissions, ħmieġ u skart industrijali ma jibqgħux jaffettwaw b’mod ħażin lill-ħaddiema u lir-residenti msemmija? X’qed isir biex l-awtorita’ tassigura li d-direttivi qed jiġu segwiti?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser insegwi l-ilmenti mqanqla mill-Onor. Membru.

Għawdex — MCAST

Question

Peress li fl-MCAST tax-Xagħra, Għawdex hemm nuqqas ta' għalliema ta' l-Ingliż u l-istudenti qed jilmentaw għax m'għandhomx għalliema ta' l-Ingliż, jista' l-Ministru jindirizza din il-problema minnufih?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-intervisti saru, u persuni adattati għall-postijiet ġew magħzula. Informat ukoll li l-ewwel wieħed magħzul se jibda jgħallem fiċ-ċentru tax-Xewkija mill-ġimgħa d-dieħla.

Universita' — Vandaliżmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet ta' l-Universita' dwar vandaliżmu li sar ġewwa dik li hija magħrufa bħala l-istudent house proprju fejn kien hemm l-uffiċċju ta' l-istudenti demokristjani Maltin?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li skond informazzjoni mingħand il-KSU, li allokat l-uffiċċju msemmi, ma jidhirx li sar xi vandalizmu.

Technical Design

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi provduta persuna biex tgħallem it-Technical Design lill-istudenti tal-Form 2 ġewwa l-Junior Lyceum Santa Tereża, l-Imrieħel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-prezent m'għadx hemm ebda nuqqas ta' għalliem/a tat-Technical Design fil-Junior Lyceum tal-bniet ta' l-Imrieħel. Informat li l-vakanza li kien hemm imtliet fil-25 ta' Ottubru 2007.