Siġġiewi — Triq ġdida fi Triq il-Fawwara - Asfaltar
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tingħata wiċċ it-triq n/s in Fawwara Str, Siġġiewi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport għamlet spezzjoni fil-lokalita msemmija mill-Onor. Interpellant u rriżulta illi peress li hemm ħafna għelieqi li għadhom ma ġewx żviluppati, it-triq ma tistax tingħata wiċċ għalissa.
Jista' il-Ministru jgħid: a) x'passi ttieħdu; u b) x'passi jonqos li jittieħdu dwar din ir-rakkomandazzjoni li tinsab f'paġna 31 tal-Comprehensive monitoring report on Malta's preparations for membership: "The Maltese flag is still on the black list of the Paris memorandum of understanding. Efforts should be sustained to ensure that Malta will meet its objective of removing the Maltese flag from the Paris MoU black list"?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat matul l-aħħar snin l-Awtorita' Marittima ta' Malta ħadet diversi miżuri biex tassigura l-progress tal-bandiera Maltija. Tant hu hekk li r-rata ta' 'detentions' fil-Paris M.O.U naqset minn 17% fl-1995 għal 6.3% din is-sena li hu nqas mill-medja ta' 'detentions' għall-pajjiżi tad-dinja kollha fil-Paris M.O.U.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-parti tat-triq li tiġi ħdejn il-Liceo Vassalli, Tal-Ħandaq ġewwa Ħal Qormi, jiġifieri it-Triq tal-Ħandaq, hijiex responsabbilta' tal-gvern ċentrali? Jekk iva, jista' jara li din it-triq tingħata priorita' minħabba li hija perikoluża għall-istudenti li jattendu f'dan il-liċeo?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi l-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija responsabilta tal-Kunsill Lokali, madankollu tajt struzzjonijiet lill-Awtorita' dwar it-Trasport sabiex tagħmel spezzjoni f'din it-triq u tara x'għandu jsir.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Każi ta' serq
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum?
X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ma ġewx rrapporti ebda każi ta' serq fid-Dipartimenti u l-Awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' dan il-Ministeru.
Dipartiment ta' l-Avjazzjoni Ċivili
Dipartiment ta' Telegrafija Mingħajr Fili
Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta
Awtorita' ta' Malta Dwar il-Komunikazzjoni
Awtorita' Marittima ta' Malta.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 35983 li saret fil-leġislatura l-oħra biex l-awtorita' marittima taċċerta l-fairway fil-bajja ta' Wied il-Għajn: 1) jista' il-Ministru ġentilment jinformani xi progress sar minn dak iż-żmien 'il hawn?
2) Ir-ritratti msemmija f'dik it-tweġiba ttieħdu? X'irriżulta? Possibbli jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra?
3) Saret xi konsultazzjoni mas-sajjieda kif intqal f'dik it-tweġiba?
4) Tneħħew ostakoli jew ġew spustjati rmiġġi?
5) Għaliex sena wara l-istess sajjieda full-time għadhom qed isibu problema biex jidħlu u joħorġu bil-laneċ tas-sajd tagħhom?
6) Jista' ġentilment iwieġeb il-mistoqsijiet tiegħi waħda waħda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sar progress fil-ħolqien ta` fairway ġewwa l-Bajja ta` Marsaskala kif ser ngħid: -
1. Ir-ritratti msemmija ttieħdu u servew ta` bażi sabiex ssir proposta ta` kif tista' tinħoloq fairway ġewwa l-Bajja ta' Marsaskala b l-anqas spostamenti ta' dgħajjes possibbli li jkunu jridu jingħataw irmiġġ alternattiv ieħor.
2. Din il-proposta ġiet diskussa f'laqgħat li saru mal-Għaqda Sajjieda u Dilettanti ta' Wied il-Għajn sabiex jinstab l-aħjar mod ta' kif għandhom jitneħħew l-irmiġġi nvoluti u jingħataw irmiġġi alternattivi.
3. B'konsultazzjoni ma' l-Għaqda tad-Dilettanti ser jiġi ppublikat avviż għall-Baħħara fil-Gazzetta tal-Gvern.
4. Is-sidien involuti għandhom ineħħu l-irmiġġi tagħhom jew jispustawhom band'oħra sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2004 u fin-nuqqas ta' dan l-irmiġġi jintneħħew mill-Awtorita` Marittima ta' Malta.
5. Għalkemm teżisti l-ħtieġa tal-fairway ma jirriżultax li f'din l-aħħar sena saru xi lmenti partikulari li kien impossibbli li s-sajjieda ma jistgħux joperaw mill-irmiġġi tagħhom.
6. Il-proċess ħa daqsxejn fit-tul għaliex huwa mportanti li jsiru konsultazzjonijiet mal-Għaqdiet tad-Dilettanti u kif ukoll dawk kollha nvoluti, fosthom ukoll il-Kunsill Lokali, sabiex sa fejn hu possibbli eżerċizzju delikat bħal dan isir bil-koperazzjoni ta' kulħadd.
Possibbli l-Ministru jindikali meta bejn wieħed u ieħor it-Triq Hurd's Bank f'Żonqor Estate, f'Wied il-Għajn se tiġi mogħtija t-tarmac għax għalkemm hi abitata, għadha f'kondizzjoni ħażina ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi s-sejħa għall-offerta biex isir ix-xogħol tal-asfalt f'din it-triq issa ħarġet u qegħda fil-proċess li tiġi aġġudikata.
Possibbli l-awtorita' marittima tieħu passi biex fl-iqsar żmien possibbli titwaħħal bozza fil-ponta tal-breakwater li hemm fi Triq is-Salini, f'Wied il-għajn għaliex bil-lejl hu bla dawl, ma jidhirx minn fuq il-baħar u hu ferm perikoluż?
Jista' ġentilment jara li jittieħdu passi mmedjati qabel isir xi inċident?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Awtorita` Marittima diġa` qed tieħu l-passi xierqa biex tistabilixxi dawl għall-għajnuna lin-naviganti fil-ponta tal-breakwater li jinsab li l'hemm fit-Triq is-Salina f'Wied il-Għajn.
Dan id-dawl se jitwaħħal hekk kif l-apparat meħtieġ jasal għand l-Awtorita` Marittima. Il-Kunsill ta` Wied il-Għajn jinsab infurmat b'dan.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-sistema tal-magni tal-biljetti tal-karozzi tal-linja inkluż ix-xiri tal-magni u l-istallazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema tal-magni tal-biljetti tal-karozzi tal-linja, globalment, ġiet tiswa Lm 1,175,040.
Dan l-ammont jinkludi fih il-Materjal, Installazzjoni, Taħriġ u Manutenzjoni.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Bordijiet
Question
Jista' il-Ministru jinformani liema kienu l-bordijiet li twaqqfu u l-membri li nħatru f'dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru? Meta fil-fatt twaqqfu u kemm-il darba ltaqgħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitwaħħlu l-bus stops fl-inħawi tal-knisja tal-Balluta fejn in-nies ikunu jistgħu jistkennu sakemm jirkbu l-karozza tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Dwar it-Trasport ta' Malta qed tikkonsidra talbiet għall-approvazzjoni ta' Bus Shelters.
F'dan il-kaz, l-Awtorita' ma rċeviet l-ebda talba mill-Kunsill Lokali konċernat.
B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2168, jista’ l-Ministru jgħid mill-4,656 vettura li m'għaddewx mill-VRT din is-sena, kemm għaddew fit-test ta' wara u kemm hemm li għalkemm għamluh aktar minn darba għadhom ma għaddewx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn 4656 vettura li sarilhom il-VRT għal aktar minn darba, vettura waħda biss m'għaddietx mit-test.
Ta' min jinnota iżda, li oriġinarjament kien hemm 4946 vettura li m'għaddietx mill-ewwel test, li minnhom 290 vettura baqgħu iċċertifikati bħala 'failed' għaliex ma reġgħux itellgħu għat-test.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 2166, jista’ il-Ministru jgħid kemm-il liċenzja ma ġietx imġedda mis-sidien din is-sena? Kemm-il liċenzja ma ġietx imġedda fl-2000, fl-2001 u fl-2002?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant rigward sidien li ma ġeddewx il-liċenzja tat-triq hija kif ġej:
Sena 2000 2,975 vetturi
Sena 2001 3,029 vetturi
Sena 2002 4,396 vetturi
L-informazzjoni għal din is-sena għadha mhix kompluta peress li jkun hemm sidien li jħallsu l-liċenzja wara d-data ta' l-għeluq.
Jista’ il-Ministru jgħid meta vettura tiġi skrappjata mis-sidien dawn iridux jinfurmaw lill-pulizija? Jekk iva, kemm-il waħda giet skrappjata fl-2000, fl-2001, fl-2002 u din is-sena s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li meta vettura tiġi skrappjata, is-sid ma għandux għalfejn jinforma lill-Pulizija iżda għandu japplika d-Direttorat tal-Liċenzji u Testijiet fi ħdan l-Awtorita' dwar it-Trasport.
L-informazzjoni mitluba dwar vetturi li ġewskrappjati mis-sena 2000 sa Settembru 2003 hija kif ġej:
Sena 2000 4,180
Sena 2001 2,805
Sena 2002 2,621
Jannar sa Settembru 2003 1,939
Fid-dawl tal-fatt li nhar it-12.06.03 il-kummissarju Ewropew Frits Bolkestein kiteb lis-segretarju Amerikan għall-Homeland security fejn esprima id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw linji ta' l-ajru Ewropej biex jiġu konformi mal-ħtieġijiet Amerikani dwar tagħrif konness ma' PNR data sabiex jiġu megħluba possibbiltajiet ta' theddid għall-qasam ta' l-avjazzjoni, fejn sussegwentement il-kummissarju Ewropew esprima l-fehma li hemm dubji kbar jekk dan il-qafas Amerikan imurx kontra l-ħtieġijiet legali Ewropej ta' ħarsien adegwat tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari artiklu 15 tad-direttiva Ewropea dwar data protection, kif ukoll artiklu 8 tal-EU charter of fundamental rights, jista' il-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti għandux jew ħax pożizzjoni dwar din l-issue għalkemm din sal-lum torbot lill-pajjiżi membri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar il-ħtiġijiet Amerikani dwar tagħrif koness ma' PNR data hija l-istess bħal dik meħuda mill-Kummissjoni Ewropeja, jiġifieri illi dan it-tagħrif għandu jkun konformi ma' l-liġijiet tad-data protection ta' l-EU.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3025 u cioe' kemm waqfu ajruplani tal-gwerra f'Malta matul din is-sena u f'kull każ minn liema pajjiżi ġew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lista ta' ajruplani militari skond in-nazzjonalita' tagħhom li niżlu f'Malta minn Jannar sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena hija kif ġej:-
Ajruplani militari li niżlu Malta skond in-nazzjonalita' minn Jannar sa Novembru 2003
Belġju 2, Repubblika Ċeka 1, Franża 20, Ġermanja 8, Italja 37, Kuwajt 1, Libya 40, Nato 1, Portugall 1, Spanja 3,
Svizzera 1, Tuneżija 1, Renju Unit 21, Stati Uniti ta' l-Amerika 90.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' il-Ministru jgħid jekk it-triq magħrufa bħala Spinola Hill li tagħti minn Spinola bus terminus għal Paceville sal-bini tal-Maltacom hux se tingħata resurfacing jew jekk hux se tiġi rranġata bħala parti mill-proġett ta' upgrading ta' Paceville? Jekk le, jista' jgħid jekk din it-triq hux se tingħata priorita' mill-gvern u jistax il-Ministru jagħti indikazzjoni jekk u meta dawn ix-xogħlijiet se jsiru?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm applikazzjoni għand l-Awtorita' tal-Ippjanar sabiex tiġi rranġata Pjazza Spinola li qiegħda f'tarf din it-triq u għalhekk ix-xogħol ta' resurfacing ikun jista' jsir inkonnesjoni ma' dak il-proġett.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' passiġġieri li wżaw il-karozzi tal-linja kull sena, matul dawn l-aħħar għaxar snin?
Kemm kien id-dħul minn dawn il-passiġġieri kull sena separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-patrunaġġ u d-dħul mill-użu tal-karozzi tal-linja għal dawn l-aħħar għaxar snin kien hekk kif ġej:
SENA AMMONT TA` PASSIĠĠIERI DĦUL TOTALI
Lm
2002 29,557,340 4,801,921
2001 30,379,290 4,982,333
2000 31,207,280 5,137,146
1999 32,087,600 4,374,000
1998 33,175,770 4,075,017
1997 34,006,040 4,146,209
1996 34,380,330 4,160,218
1995 36,786,040 4,180,984
1994 38,264,300 3,938,907
1993 37,873,500 3,721,549
Ta` min jinnota li dawn il-figuri ma jinkludux 7-day tickets.
Jista' il-Ministru jara li jsir it-tarmac fit-Triq tax-Xewk u fi Triq Maria Addolorata f'Raħal Ġdid?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat illi dawn it-toroq ġew inklużi fil-programm ta' kostruzzjoni ta' toroq li qed isiru mid-Direttorat, u x-xogħol isir aktar 'l quddiem skond il-prijoritajiet li jkollu quddiemu d-Direttorat.