Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #38008 Sitting 853 2003-01-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Servizz tat-telecare

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kumpannija Maltacom mhux qed tagħti aktar is-servizz tat-telecare lil applikanti l-ġodda? Jista' jgħid xi problema hemm mal-gvern jew aħjar mad-Dipartiment tal-Politika Soċjali li huma responsabbli li jħaddmu dan is-serivzz?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li s-servizz tat-Telecare huwa servizz soċjali li joffri l-Gvern lil nies bi ħtiġijiet partikulari. Dan is-servizz, li huwa sponsorjat bejn il-Gvern u l-Maltacom, huwa marbut ma' ammont speċifiku ta' abbonati. Kull tant żmien jiġri li t-talba għal dan is-servizz taqbeż l-ammont miftiehem u għalhekk l-applikanti ġodda jkollhom jistennew sakemm isir l-upgrading neċessarju biex ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz.
Leg 9 PQ #38195 Sitting 853 2003-01-20 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Medigrain — Ftehim kollettiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'pożizzjoni se jieħu fuq it-tiġdid tal-ftehim kollettiv tal-Medigrain li suppost diġa' sar? Jekk ser jiġġedded, meta se jiġġedded?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena infurmat li sa llum il-kumpanija ma irċeviet ebda talba għat-tiġdid tal-ftehim kollettiv.
Leg 9 PQ #38112 Sitting 852 2003-01-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti ta' l-ikel

Question

B'referenza għal temporary state aid to support processor and recognised retailers of imported products li ġew negozjati mill-Gvern ma' l-UE, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-prezzijiet interni u esterni tal-prodotti ta' l-ikel li fuqhom ġew ibbażati is-sussidji mill-Gvern Malti sabiex jiġi ssussidjat il-prezz għoli ta' dawn il-prodotti ta' l-ikel impurtati f'pajjiżna mill-UE?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mas-sħubija ta' Malta fl-UE ser jibdew jiġu applikati f'Malta l-istess tariffi applikati mill-UE. Dawn ivarjaw, mhux biss skond il-prodott partikolari iżda wkoll skond il-pajjiż minn fejn qed jiġi mpurtat. Ta' min ifakkar, f'dan il-kuntest, li l-UE għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma bosta pajjiżi minn fejn wieħed jista' jimporta mingħajr tariffi jew b'tariffi mnaqqsa. Fin-negozjati tagħha ma' l-UE, Malta kisbet id-dritt li timplimenta mekkaniżmu ta' sussidju li, permezz tiegħu, il-Gvern ser ikun jista' jikkumpensa għal xi żidiet li jista' jkun hemm minħabba d-differenza bejn il-prezz tal-prodott fuq is-suq internazzjonali u dak fl-UE. B'dan il-mod, wara s-sħubija, il-konsumatur Malti mhux mistenni li ser jiffaċċja għoli fil-prezz fuq dawn il-prodotti. Id-dettalji preċiżi ta' kif ser jitħaddem dan il-mekkaniżmu ta' sussidju ser jiġu ppubblikati wara li jiġu diskussi ma' l-entitajiet u individwi konċernati.
Leg 9 PQ #37933 Sitting 851 2003-01-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi — Private securities

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hu n-numru ta' kuntratti għal securities privati li għandu l-Ministeru, dipartimenti, kumpanniji, eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' sigħat u ta' flus li tħallsu għal dawn il-kuntratti matul is-snin 2002, 2001 u 2000, separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba hija kif ġej: ENTITA' SENA TOTAL TA' AMMONT SIGĦAT Institute for the Promotion of Small Enterprise 2001 - Lm 6,204 2002 - Lm 2,960 Malta Development Corporation 2000 5,030 Lm11,264 2001 19,193 Lm19,193 2002 5,180 Lm13,400 Kordin Grain Terminal 2000 8,760 Lm12,645 2001 8,760 Lm12,702 2002 8,760 Lm15,592 Malta Inv. Management Co. Ltd. 2001 - Lm11,968 2002 - Lm13,710 Med. Offshore Bunkering Co. Ltd. 2002 324 Lm 932
Leg 9 PQ #38090 Sitting 851 2003-01-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat Kunċizzjoni — Kappella storika

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 37212, jista' l-Ministru jara x'azzjoni tista' tittieħed mill-Korporazzjoni Enemalta peress li l-cables li jridu jsiru huma għad-distribuzzjoni ta' l-elettriku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni Enemalta ġiet infurmata bl-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Leg 9 PQ #37984 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Msida — Triq Sta. Venera - bozza

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza faċċata tar-residenza 47, Triq Sta. Venera, Msida minħabba d-dlam li hemm fl-inħawi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Din it-talba ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra bħalha.

Kummerċ Ħieles

Question

Liema pajjiżi pajiżna għandu diġa ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Kemm ġew iffrankati flus f' dazji f'prodotti (i) importati ta' materja prima (ii) esportati matul is-sena li għaddiet? Liema pajjiżi pajjiżna m'għandu l-ebda ftehim ta' kummerċ ħieles magħhom? Liema minhom għandu fethim ta' kummerċ ħieles mal-UE bħalissa?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li Malta għandha ftehim ta' kummerċ ħieles ma' l-Unjoni Ewropea biss. Dan il-ftehim imur lura għal Diċembru ta' l-1970 u beda jseħħ f'April 1971. Min-naħa l-oħra, l-Unjoni Ewropea għandha ftehim ta' kummerċ ħieles reċiproku ma' dawn il-pajjiżi: l-Isvizzera (EFTA) in-Norveġja, l-Islanda u Lechtenstein (EFA) il-pajjiżi ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant (Polonja, Rumanija, Repubblika Ċeka, Slovakkja, Ungerija, Bulgarija, Latvia, Estonia, Lithuania u Slovenja li kollha huma kandidati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea) il-pajjiżi ta' l-Euromed (Alġerija, Marokk, Tuneżija, Eġittu, Israel, Libanu, Ġordan, Awtorita' Palestinjana, Sirja, Ċipru, Turkija. Il-ftehim mas-Sirja biss għadu ma ġiex iffirmat, pero', għandu jiġi finalizzat kmieni dis-sena.) Messiku, Afrika t'Isfel, Ċili u Kroazja Il-ftehim mal-pajjiżi tal-Mercosur, jiġifieri Arġentina, Brażil, Paragwaj għadu ma seħħx imma d-diskussjonijiet jinstabu fi stadju avvanzat L-Unjoni Ewropea qiegħda wkoll f'negozjati avvanzati għal ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Gulf Co-operation Council li jinkludi s-Saudi Arabja, il-Kuwait, il-Bahrain, il-Qatar, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Oman. L-Unjoni Ewropea għandha wkoll ftehim ta' kummerċ ħieles ma' dawn il-pajjiżi: Il-GSP ma' mija u tnejn u erbgħin pajjiż li qed jiżviluppaw; Il-pajjiżi ta' l-ACP, Afrika, Karibew u Paċifiku. Dawn illum jissejħu l-Cotonou Agreements (qabel Lome'). Hawnhekk sary ftehim ma' tmienja u erbgħin pajjiż. Hemm ukoll ftehim imsejjaħ "Everything But Arms" ma' disgħa u erbgħin pajjiż sotto-żviluppat. Tajjeb jingħad ukoll li l-Unjoni Ewropea għandha għaddejjin diskussjonijiet dwar kummerċ ħieles ma' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, ir-Russja, il-Ġappun u l-Kanada. Hekk kif Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea, pajjiżna jibda jgawdi minnufih minn dawn il-ftehim u s-swieq ta' dawn il-pajjiżi jinfethu għall-esportazzjoni minn Malta bl-istess mod li bħalissa huma miftuħa għall-esportaturi minn pajjiżi li jiffurmaw l-Unjoni Ewropea. Mhux faċli li wieħed jikkalkula l-valur kumplessiv ta' dan il-gwadann għall-industriji tagħna peress li qed nitkellmu dwar potenzjal kbir li s'issa ma kellniex l-opportunita' li nisfruttaw. Biżżejjed wieħed isemmi li dan il-gwadann addizzjonali li ġġib magħha s-sħubija fl-Unjoni Ewropea ser tiftaħ orizzonti ġodda għall-industriji li diġa' joperaw minn Malta. Barra minn dan, ser jagħmel lil ġżiritna wisq aktar attraenti għal kumpaniji oħra li jistgħu jitħajjru jiftħu fabbrika f'Malta. Fl-aħħarnett ta' min jinnota li bi sħubija Malta tibbenifika minn dan il-ftehim ma' dawn il-pajjiżi kollha msemmija u li mingħajr is-sħubija jkun diffiċli ferm li tikseb ftehim simili.
Leg 9 PQ #38039 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Posta — Pustiera

Question

Minnu jew le l-pustiera qegħdin jintbagħtu f'postijiet differenti b'mod li jdumu ma jidraw is-sistema ta' xogħol u jġib qtigħ ta' qalb u tbatija żejda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Maltapost tutilizza l-impjegati kollha tagħha bil-għan uniku li tagħti lill-pubbliku l-aħjar servizz bl-aktar mod effiċjenti.
Leg 9 PQ #38081 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Air Malta — Childcare centre

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 37861, jista' l-Ministru jgħid għalfejn hu personalment fetaħ iċ-childcare centre uffiċjalment jekk lanqas biss kienet għadha nħolqot struttura biex jitmexxa, liema struttura għadha ma nħolqotx minkejja li għaddew is-snin mill-ftuħ taċ-childcare centre? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk fetaħx iċ-childcare centre ta' l-AirMalta għax kien tlesta biss il-bini?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li kienet u għadha l-intenzjoni tal-kumpanija nazzjonali ta' l-ajru li ċ-Child Care Centre ikun funzjonabbli. Kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 37861, minn mindu ġie inawgurat dan iċ-Ċentru inqalgħu ċirkustanzi li xekklu l-progress fuq dan il-proġett.
Leg 9 PQ #38095 Sitting 850 2003-01-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Servizz tat-telephone bil-phone card

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' dawk li huma abbonati mal-Maltacom bis-servizz tat-telephone tad-dar tagħhom bil-phone card?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li s-servizz tat-telefonija qed jiġi progressivament liberalizzat, ma jkunx fl-interess kummerċjali tal-kumpanija li tali nformazzjoni ssir pubblika.
Leg 9 PQ #37821 Sitting 847 2003-01-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Pixkerija — Reflectors

Question

Jista' l-Ministru jara li jinxtegħlu r-reflectors fil-bozoz li hemm ftit 'l isfel mill-Pixkerija u ċioe' l-flood light li jixgħelu s-Swar?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rifletturi li qed jirreferi għalihom ma humiex fir-responsabbilta' ta' xi entita' jew dipartiment li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #37742 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Supply measures — Unjoni Ewropea

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jikkonfermax is-sitwazzjoni kif imfissra f'mistoqsija parlamentari numru 37428 u cioe' kif jispjega l-fatt il-Ministru li supply measures li qed jiġu negozjati ma l-Unjoni Ewropea se jkunu jkopru biss l-importazzjoni attwali ta' suq ta' 380,000 ruħ meta l-industriji lokali jridu jipparteċipaw u jkunu kompetitivi f'suq ta' l-Unjoni Ewropea ta' 380 miljun illum u 500 miljun wara t-tkabbir?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija numru 36316. Jekk wieħed jidħol iktar fil-fond tal-materja: Il-kunċett ta' special supply measures huwa intiż sabiex, fuq dawk il-prodotti agrikoli fejn il-prezz fl-Unjoni Ewropeja huwa aktar għoli minn dak internazzjonali, il-prezzijiet għas-suq lokali ma jgħolewx u jibqgħu dawk attwali. Fil-każ ta' industriji li jixtiequ jbiegħu il-prodotti tagħhom fil-pajjiżi l-oħra membri ta' l-Unjoni Ewropeja, jiġi applikat il-prezz ta' l-Unjoni Ewropeja, li huwa l-istess prezz applikat ukoll f'dawn il-pajjiżi. ukoll f'dawn il-pajjiżi. Għaldaqstant, il-produttur lokali, la jingħata vantaġġ u lanqas żvantaġġ. Fil-każ ta' industriji li jixtiequ jbiegħu il-prodotti tagħhom fil-pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropeja, titħaddem sistema ta' export refunds fejn l-esportatur jiġi rifondut id-differenza bejn il-prezz fl-Unjoni Ewropeja u dak fuq is-suq internazzjonali. Għaldaqstant, il-produttur lokali, la jingħata vantaġġ u lanqas żvantaġġ. Is-sistema ta' sussidju li ġiet innegozjata mill-Gvern Malti ma' l-Unjoni Ewropeja, bħala miżura alternattiva għal Special Supply Measures, hija wkoll primarjament intiża sabiex il-prezzijiet għas-suq lokali ma jgħolewx u jibqgħu dawk attwali. Din l-alternattiva, iżda, toffri aktar flessibilta' għaliex, sakemm ma tinqabes il-kwota stabbilita', il-prodott agrikolu sussdijat jista' jintuża wkoll fi produzzjoni għall-esportazzjoni
Leg 9 PQ #37784 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Bozza maqtugħa

Question

Peress li bozza li hemm quddiem ir-residenza St Paul, Triq in-Nigret, Rabat Malta ilha maqtugħa għal dan l-aħħar xahar, jista' il-Ministru jara li din tissewwa jew tinbidel?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Leg 9 PQ #37954 Sitting 845 2003-01-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Sussidju fuq servizz tad-dawl

Question

Tista' l-Korporazzjoni Enemalta on humanitarian grounds tikkonsidra xi forma ta' sussidju fuq is-servizz tad-dawl tal-familja, id-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba li għandhom tifla ta' tmien snin li tagħmel madwar 12-il siegħa użu mill-kidney machine fid-dar kuljum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta minn żmien għal żmien u fuq bażi regolari tirċievi talbiet għal xi forma ta' sussidju. Wieħed jifhem li kważi kull talba jkollha r-raġunijiet validi tagħha. Madanakollu l-Korporazzjoni ma tistax tilqa' dawn it-talbiet, inkluża t-talba attwali, għal raġunijiet ovvji.
Leg 9 PQ #398 Sitting 844 2003-01-13 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Transfer ta' telefon

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Maltacom, ġentilment jgħid jekk huwiex possibbli li jsir it-transfer tat-telefon, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għaliex din il-familja ngħatat flat isfel fl-istess blokk ta' flats minħabba raġunijiet ta' mard, iżda t-telefon għadu fil-flat ta' fuq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li t-trasferiment mitlub ma jistax isir qabel ma l-abbonat jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu rigward ħlas.
Leg 9 PQ #37836 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Meter tad-dawl

Question

Jista' jiġi vverifikat il-meter tad-dawl tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, minħabba l-kontijiet eċċessivi li qegħdin jirċievu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista' jsir, il-konsumatur irid japplika formalment għand il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Leg 9 PQ #37842 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Żejtun — Triq San Piju X - Bozza

Question

Jista' l-Ministru jara li bozza li tinsab fi Triq San Piju X, kantuniera ma' Triq San Ġużepp, fiż-Żejtun tiġi rranġata minħabba li dejjem qed tixgħel tard bil-lejl u mhux mal-bozoz l-oħra?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li fil-fatt il-manutenzjoni meħtieġa diġa' saret.
Leg 9 PQ #37861 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Airmalta — Childcare Centre

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 37764?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li għad li l-bini tac-childcare centre spiċċa, xorta waħda trid tinħoloq struttura amministrattiva biex jitmexxa. Dawn l-ispejjeż iridu jiġu allokati bejn il-Kumpanija u dawk li qed jibbenefikaw mis-servizz. Għar-raġunijiet ovvji bħalissa ma kienx iż-żmien tajjeb biex il-linja ta' l-ajru iżżid l-ispejjeż tagħha. Il-proġett għadu hemm u pjan amministrattiv għalih jiġi mfassal fi żmien opportun.
Leg 9 PQ #37869 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Attard — Triq is-Sienja - Arbli

Question

Jista' l-Ministru jordna li fi Triq is-Sienja, Ħ'Attard iż-żewġ arbli li saru quddiem id-dar ''Redeemer'' jiġu utilizzati billi jitwaħħlu magħhom il-cables tad-dawl flok dawk li qegħdin mal-faċċata tar-residenza partikolari u oħrajn fil-viċinanzi li qegħdin jikkawżaw ħsara fl-istess bini?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol li qed issir riferenza għalih għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra simili.
Leg 9 PQ #37887 Sitting 844 2003-01-13 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħlas ta' multa — Meter tad-dawl u ilma

Question

F'hiex waslu l-investigazzjonijiet dwar il-meter tad-dawl u ilma tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li dwaru ħalset multa proviżorja sakemm isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa? X'inhuma il-prospetti li jiġi refunded l-ammont li ħallas bħala depożitu temporanju?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-każ li qed issir riferenza għalih għadu qiegħed jiġi nvestigat. Madanakollu, prima facie, jidher li ftit hemm ċans li d-depożitu u mhux multa, jingħata lura minħabba d-defiċjenzi li nstabu fil-meter.