Jista' il-Ministru jgħid minn min intrebaħ il-kuntratt għall-kiri ta' jetting bowsers maħruġ mid-dipartiment tax-xogħlijiet, skond avviż 23 tat-8 ta' Frar 2002?
Kemm kienet ir-rata li permezz tagħha intrebaħ dan il-kuntratt?
Din ir-rata kienet l-orħos waħda mitfugħa? Kermm hu l-valur ta' xogħol li tħallas s'issa skond dan il-kuntratt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt li ġie ppubblikat skond Avviż Numru 23 tat-8 ta' Frar 2002, kien ingħata l-ewwel darba fil-25 ta' Mejju lis-Sur John Bugeja bir-rati ta' Lm3.95 u Lm4.45 kull siegħa, normali u sahra rispettivament. Din kienet l-orħos offerta mitfugħa. Ftit jiem wara, ġara li s-Sur Bugeja nforma lid-Dipartiment li ma kienx jista' jipprovdi l-bowser peress li kien biegħu. Id-Dipartiment ġibed l-attenzjoni tas-Sur Bugeja li l-azzjoni tiegħu se tkun immultata skond il-kundizzjonijiet ta' l-offerta. Minħabba li x-xogħol kien urġenti, it-tieni orħos kuntrattur, Bugeja & Bugeja ġew avviċinati pero' dawn irrifjutaw. Għalhekk ma kienx hemm triq oħra ħlief li tintgħażel it-tielet irħas offerta ta' Greenlines Environment Services. Fil-31 ta' Mejju 2002 ġiet aċċettata l-offerta tagħhom bir-rati ta' Lm6.90 u Lm8.50 rispettivament għal kull siegħa normali u bis-sahra. L-ammont ta' penali li s-Sur Bugeja ġie mmultat kien ta' Lm5,305. Il-pagamenti li tħallsu s'issa lill-Greenlines jammontaw għal Lm2,692.30.
Jista' il-Ministru jinvestiga r-raġuni għaliex residenti fil-blocks li nbnew fl-area ta' Sta Liena, Bormla, minkejja li dan il-bini issa ilu s-snin li tela', ta' spiss għadhom qed isofru inkonvenjent ta' żbroff ta' drenaġġ? Min kien responsabbli mix-xogħol tas-sistema tad-drenaġġ ta' dawn l-appartamenti, u min għamel xogħol ta' superviżjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-problema tal-flats fl-'area' ta' Santa Liena, Bormla hija nterna u mhux minħabba l-'main' tad-drenaġġ tal-gvern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' il-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol ta' l-slipway għall-opri tal-baħar f'Pembroke kif ġie mwiegħed lid-dilettanti ta' l-opri tal-baħar li jabitaw fl-inħawi diversi drabi mill-gvern? Jista' il-Ministru jgħid jekk għandux il-permessi kollha meħtieġa biex dan ix-xogħol ikun jista' jibda? Jekk fl-affermattiv, meta huwa maħsub li dan ix-xogħol jitlesta?
Jista' il-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett Connections? Meta hu maħsub li se jiġu finalizzati d-diskussjonijiet mal-consortium magħżul u meta se jinbeda x-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħalissa għadhom għaddejjin in-negozjati mal-Konsorzju Renaissance u hu diffiċli li wieħed jipprevedi meta ser ikunu konklużi dawn in-negozjati.
Jista' il-Ministru jara li Wied is-Sewda, bejn Birkirkara, Balzan, Attard, Qormi u Ħaż-Żebbuġ, li hu l-uniku post li baqa' fl-area ċentrali ta' Malta li tista' ssejjaħlu 'naturali', jitnaddaf sew mill-ammont kbir ta' żibel li hemm għax il-post qed jiġi trattat qisu miżbla, u l-Gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex id-dumping jieqaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jieħu passi mmedjati biex jitwaqqaf id-drenaġġ li qed jiskula fil-ħofra li tħalliet għal proġett ta' bini fil-kantuniera bejn Triq il-Parroċċa u Triq San Pawl fin-Naxxar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li qatt ma daħal rapport fid-Dipartiment tad-Drenaġġ ta' xi ħofra mimlija bid-drenaġġ fit-toroq imsemmija.
Madankollu, d-Dipartiment se jinvestiga l-każ u jittieħdu l-passi neċessarji.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għal mistoqsija 35793, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-pubblikazzjonijiet:
Residential property market recommedations
(2001)
Report in public private partnerships (2002)
Recycling building materials working party report (2002)
Condition of contract for common civil works guidelines (2002)
Standard methods of measurements guidelines (2002)
Energy efficiency in building design guidelines (2002)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-publikazzjonijiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemx il-permessi meħtieġa biex Triq it-Tiben, Swieqi tingħalaq b'ċint fil-parti biswit Triq il-Faxxina u tgħalaq l-aċċess għall-kumplament ta' Triq it-Tiben li jwassal għal Triq il-Qasam?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35079 (Seduta 784).
Jista' il-Ministru jara li s-sistema li ddawwal is-swar tal-Belt titranġa peress li hemm sezzjonijiet sħaħ tas-swar li mhumiex imdawwla b'mod partikolari fin-naħa ta' Marsamxett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni tas-sistema ta' floodlights kien waqaf għal xi żmien pero' issa qed jitkompla.
Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35829 dwar ix-xogħol tal-quantity surveyors li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-grad ta' 'professional' quantity surveyor hemm uffiċjal wieħed biss. Dan hu s-Sur C Gauci li hu ċ-Chief Quantity Surveyor. Hemm ukoll uffiċjali oħra fi gradi ta' P.T.O, S.T.O u T.O. li jagħmlu xogħol ta' quantity surveying. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra listi li juru x-xogħol li kull wieħed minnhom għandu bħalissa. Fil-każ tas-Sur Louis Attard (P.T.O.), dan qed jaqdi d-dmirijiet ta' site supervision fuq il-Proġett ta' l-Isports Hall fil-Kottonera b'arranġament sakemm jitlesta dan il-proġett.
Rigward il-leave u s-sick leave meħuda minn dawn l-impjegati fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, l-informazzjoni hija kif tidher hawn taħt:
Isem Grad Leave S/Leave
Charles Gauci Chief Quantity Surveyor 22 5
Sandro Busuttil Principal Technical Officer (Q/S) 11 12
Debono Mark Principal Technical Officer (Q/S) 16 2
Ronnie Schembri Principal Technical Officer (Q/S) 7 24
Patrick Fenech Principal Technical Officer (Q/S) 12 0
Joe Grech Principal Technical Officer (Q/S) 2 0
Louis Attard Principal Technical Officer (Q/S) 6 2
Anthony Baldacchino Senior Technical Officer (Q/S) 10 15
Charles Chircop Senior Technical Officer (Q/S) 8 10.5
Joe Micallef Senior Technical Officer 19.5 3
Joe Busuttil Senior Technical Officer 11.5 8
Anthony Calleja Senior Technical Officer (Q/S) 14 5
Louis Mangion Senior Technical Officer (Q/S) 17 0
Dennis Schembri Senior Technical Officer (Q/S) 5 0
Joseph Scerri Senior Technical Officer (Q/S) 15 10.5
Philip Bonnici Technical Officer (Q/S) 12 11
Ma naħsibx li huwa r-rwol ta' Ministru li jgħaddi t-tip ta' ġudizzju mitlub mill-Onorevoli Interpellant fl-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jittieħdu passi biex jitneħħew it-tankijiet kbar u kollha sadid li qed jintużaw flok xatba jew ħajt ta' għalqa u li qed ikerrħu l-ambjent fi Triq il-Wied, kantuniera ma' Triq Franġisk Mangion, il-Mosta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36336 (Seduta 807).
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsiru x-xogħlijiet meħtieġa biex id-djar fi Triq Sir Arthur Barton fil-Mosta jiġu konnessi mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet għandhom jitkomplew hekk kif jinħarġu l-permessi kollha mill-MEPA. Il-kuntrattur diġa' nfurmat b'dan u ser ikompli dalwaqt.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 33872, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx żviluppi rigward in-niċeċ ta' Triq Rinella, Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa llum għad ma hemmx żviluppi ġodda rigward in-niċeċ ta' Triq Rinella, Kalkara, u dan minħabba li t-Taqsima tar-Restawr hi preżentament impenjata bi programm estensiv ta' xogħol.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 33061, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra x'xogħol sar sal-15 ta' Ottubru 2002 fuq il-Kapella tas-Salvatur Kalkara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proġett tal-Knisja tas-Salvatur, Kalkara, qed jimxi skond ma hu ppjanat. S'issa tlestiet il-kopla tal-knisja skond il-mod tradizzjonali kif kien isir dan ix-xogħol, bid-deffun. Fix-xhur li ġejjin ser jitkompla x-xogħol fuq il-faċċata u fuq ġewwa tal-knisja.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 33336, jista' il-Ministru jinforma l-Kamra jekk xogħol li kellu jsir ġewwa Triq Dwardu Ellul, Xgħajra huwiex fil-fażi li jsir billi jidher li għadu ma sarx?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li kienu ġew magħluqa xi manholes biex jiġi evitat abbuż ta' tbattil illegali fi Triq Dwardu Ellul, Xgħajra u b'hekk ma titlax riħa minnhom. Il-manholes li baqa' issa ġew issiġillati biex ma toħroġx riħa minnhom u dawn ser jinbidlu meta jsir il-main il-ġdid.
Riżorsi u Infrastruttura — Kuntratti lill-Kumpanniji u Periti Privati
Question
Jista' il-Ministru jgħid minn Settembru 1998 sal-lum jekk ingħatawx kuntratti jew xi xogħlijiet oħra lill-periti jew kumpannija ta' periti privati fid-dekasteru tiegħu? X'kienu dawn ix-xogħlijiet jew kuntratti u kemm jiswew kull wieħed? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm sejħa għall-offerti jew le?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma narax il-ħtieġa li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba. Iżda, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi każ partikolari, nitolbu jagħmel mistoqsija speċifika.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-WMSID jikri Mitsubishi pick-up JBA 028? Mingħand min jinkera dan il-pick-up u x'inhi r-rata tal-kirja? Il-kirja tkopri Ħdud u festi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-WMSID m'għandha l-ebda pick up van bin-numru ta' reġistrazzjoni IBA 208.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-grad tal-ħaddiem li jaħdem fi ħdan il-WMSID li d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament? Din il-persuna tagħmel xogħol ta' overtime fil-ħdud u jekk fl-affermattiv, x'tip ta' xogħol iwettaq matul dan l-overtime? Kemm hu l-ammont ta' overtime li din il-persuna għamlet minn Ottubru 1998 sal-lum, kull sena separatament?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija jokkupa l-grad ta' Assistant Principal u fil-Ħdud jagħmel xogħol ta' supervision fuq ħaddiema li jaħdmu wara l-ħin normali tax-xogħol.
Matul is-sena 1998 tħallas Lm 24.44 overtime
1999 tħallas Lm281.84 overtime
2000 tħallas Lm 90.76 overtime
2001 tħallas Lm651.40 overtime
2002 tħallas Lm967.21 overtime (sal-paga ta' Settembru)