Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #31129 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kulleġġ ġdid – post ta’ prinċipal

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx sejħa biex jimtela' l-post ta' Prinċipal għall-Kulleġġ il-ġdid li twaqqaf u li jinkorpora fih skejjel għal studenti minn sittax-il sena l' fuq? Jekk saret din is-sejħa meta saret u kemm applikaw? Jekk ma saritx sejħa speċifika x'kienet ir-raġuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalma ġara dejjem, is-sejħa inħarġet għal Prinċipal tal-Kulleġġi. Is-sejħa ħarġet fid-29 ta' Lulju 2016 fil-Gazzetta tal-Gvern 19,615. Għal din is-sejħa kien hemm 13-il applikazzjoni. Id-deployment isir wara skont l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 12 PQ #31216 Sitting 486 2017-02-21 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel Primarji u Sekondarji tal-Gvern – impressed funds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' studenti f'kull skola primarja u sekondarja tal-Gvern fil-bidu tas-sena skolastika 2016/2017? Jista' jgħid kemm kull skola ngħatat impressed funds għal din is-sena skolastika u kif inħadem l-ammont li ngħata lil kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat li n-numru ta' studenti f'kull skola primarja u sekondarja tal-Gvern fil-bidu tas-sena skolastika 2016/2017 hu skont l-istatistika tat-13 ta' Ottubru 2016. Infurmat ukoll li l-mod ta’ kemm jingħata imprest funds lill-iskejjel tal-istat f'Malta inħadem bħas-snin preċedenti. Dwar l-iskejjel tal-istat f’Għawdex, dawn ġew meqjusa ugwali f’kollox mal-iskejjel tal-istat ta’ Malta.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Konsulenti - remunerazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ konsulenti ngaġġati mill-2014 ‘l hawn u x’kienet ir-remunerazzjoni tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar konsulenti ingaġġati u r-remunerazzjoni tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

NCFHE – riżultati tal-proċess tal-għażla

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tal-proċess tal-għażla ta’ Head of Accreditation within the National Commission for Higher Education (NCFHE) bl-ordni tal-kandidati kif ġew ikklassifikati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dispost li ngħaddi l-informazjoni mitluba privatament u b'mod kunfidenzjali u dan minħabba kundizzjonijiet ta' protezzjoni tad-data.

Kindergarten, primarja u sekondarja – studenti li ma attendewx l-iskejjel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ studenti, kemm fil-livell ta’ kindergarten, fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju, li ma attendewx l-iskola, maqsuma skola b’skola, kull sena bejn l-2012 u llum? Kemm minn dawn il-każijiet ta' assenza kien minħabba mard, u kemm kienu l-każijiet mhux ġustifikati, għal kull skola, għal kull sena? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-Ministeru jkollux din l-informazzjoni dwar l-iskejjel mhux governattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 8510 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 488 ta' nhar it-Tlieta, 28 ta' Frar 2017)
Leg 12 PQ #30558 Sitting 484 2017-02-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Sekondarja tal-Ħandaq – l-ewwel u t-tieni sena – Nuqqas ta’ għalliem tal-matematika

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-istudenti tal-ewwel u t-tieni sena sekondarja fl-iskola tal-Ħandaq ilhom mingħajr għalliem tal-matematika għal sitt ġimgħat sħaħ? Sa meta se jkun instab replacement għal dawn it-tfal? X’inhu l-pjan biex dawn l-istudenti li tilfu tant lezzjonijiet ikunu kapaċi jagħmlu l-eżamijiet bħal tfal oħra? Jista’ ġentilment jindaga dwar dan u jsib soluzzjoni kif jixraq lit-tfal li jattendu din l-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġejt infurmat li l-istudenti ilhom mingħajr għalliem tal-Matematika mill-15 ta’ Jannar, 2017, minħabba leave tal-maternità. Qabel din id-data kien hemm assenza ta’ għaxart ijiem mifruxa fl-ewwel term u jiem oħra mill-bidu ta’ Jannar minħabba leave ta’ mard. Saret laqgħa mid-Direttur Ġenerali, il-Prinċipal tal-Kulleġġ San Injazju, il-Kap tal-Iskola u l-Kap tad-Dipartiment tal-Matematika mal-ġenituri tal-istudenti, fejn ġiet spjegata s-sitwazzjoni. Għall-eżami tal-Matematika dawn l-istudenti għandhom jirrispondu biss l-eżerċizzji indikati lilhom. Il-ġenituri ġew infurmati wkoll li mill-1 ta’ Marzu għandhom jidħlu jagħtu l-lezzjonijiet l-istudenti tal-Università u għalliema tal-Matematika għandha tidħol lura tgħallem wara l-leave tal-maternità.
Leg 12 PQ #30525 Sitting 483 2017-02-15 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kumpanija – sitwazzjoni tal-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'interventi qed jikkontempla l-Gvern biex isalva l-futur tal-impieg ta’ dawn il-ħaddiema u l-għajxien tal-familji tagħhom? Kemm hemm ħaddiema li x-xogħol tagħhom huwa pperikolat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li wara diskussjonijiet mal-kumpanija msemmija, Jobsplus offriet l-għajnuna lill-ħamsa u għoxrin ħaddiem/a li se jispiċċaw fl-immedjat. Madankollu, huwa mifhum li dawn il-ħaddiema għandhom pjanijiet lesti hekk kif s’issa ħadd minnhom ma rrikorra għall-assistenza.

MCAST – kors tas-CPC – applikazzjoni posposta – każ ta’ individwu

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u li applikat għall-kors l-MCAST tas-CPC għat-tag tas-sewqan ta' trakkijiet u trasport pubbliku, qed tiġi posposta ripetutament, l-ewwel f'Novembru imbagħad f'Jannar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors ma ġiex postpost. Billi kien hemm numru kbir ta’ applikazzjonijiet inqasmu fi gruppi tant li bħalissa għaddej it-taħriġ lil grupp numru 26. Kull grupp jieħu 30 student. Il-persuna msemmija hija mniżżla mal-grupp li jmiss jibda f’Marzu. Is-sistema li min applika l-ewwel jiġi mgħajjat għall-kors l-ewwel qed tiġi applikata (first come, first served).

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Jobsplus – Head Office — operator

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex telefonati li jsiru lill-operator fuq in-numru tal-Jobsplus Head Office jiġu interrotti flok jgħaddu għand l-operator?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat minn Jobplus li ma jirriżultax li kien hemm interruzjoni ta’ telefonati. Madankollu, mhux eskluż li jista’ jkun hemm konġestjoni ta’ telefonati f’istanti fejn ikun hemm numru kbir ta’ telefonati fl-istess waqt.

FTS — Skola tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi – ħatra ta’ Quantity Surveyor b’referenza għall-Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tqabbadx Quantity Surveyor indipendenti biex jeżamina d-diskrepanzi bejn l-ammonti claimed mill-kuntrattur u dawk deskritti mill-FTS b’konnessjoni ma’ tender li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament (Provvista u Tqegħid ta’ Madum u Irħam fl-iskola ġdida tal-bniet f’Tal-Ħandaq f’Ħal-Qormi, liema skola tifforma parti mill-Kulleġġ Sant’Injazju)? Jekk iva, min kien dan il-Quantity Surveyor? Jista’ jgħid ippreżentax rapport? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-FTS li kien tqabbad perit bħala Quantity Surveyor indipendenti iżda ma sarx rapport peress li ma saritx il-perizja mitluba. Isem dan il-perit qiegħed jingħata lill-Onorevoli interpellant separatament.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – xogħlijiet li saru minn Destination Management Companies

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ xogħlijiet li tqabbdu biex jagħmlu Destination Management Companies (jew operaturi simili) mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull biċċa xogħol jista’ jgħid meta tqabbdu, fiex kien jikkonsisti x-xogħol, kemm sewa u jekk tqabbdux wara proċess kompettititv jew b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. interpellant biex jikkjarifika aktar il-mistoqsija tiegħu.

Ħaddiema fis-settur pubbliku – ftehim kollettiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi ffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid għall-ħaddiema fis-settur pubbliku li skada f'Diċembru 2016? Jista’ jgħid jekk dan il-ftehim kollettiv hux se jindirizza l-problema ta' pagi baxxi li qed jaffaċċjaw ħaddiema li qegħdin fi skali 15, 16, 17, 18, 19, u 20 li bejn wieħed u ieħor, pereżempju persuna li qiegħda bħala skrivana fi grad 16 qed tispiċċa b'paga ta' madwar €900 nett fix-xahar meta wieħed jaqta' l-bolla u taxxa, u skirvani fi gradi inqas qed jispiċċa b'madwar €800 fix-xahar biss, u ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż ta' kuljum?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-iffirmar tal-ftehim indikat mill-Onor. Interpellant ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi.

Għawdex — Grounds tal-futbol – dwal mitfija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30756, liema mistoqsija kienet tirreferi għal żewġ grounds tal-football, dak ta' ħdejn l-iskola sekondarja tar-Rabat Għawdex u l-ieħor ta' ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija u fit-tweġiba saret referenza biss għal ground ta' ħdejn l-iskola sekonkarja tar-Rabat, jista' l-Ministru jgħid x-inhi r-raġuni li wara li dawk li jkun jridu jużaw il-ground ta' ħdejn l-iskola primarja tax-Xewkija jħallsu għall-ispejjeż tad-dawl qed tinxtgħel naħa waħda b biss tal-istess ground?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li jekk l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-grawnd li hemm ġewwa l-iskola Primarja tax-Xewkija, il-klabb tax-Xewkija Tigers F.C. ma jagħmel ebda ħlas però għandu obbligazzjonijiet dwar manutenzjoni tal-grawnd u l-madwar tiegħu. Il-grawnd ta’ ħdejn l-iskola mhux responsabbiltà tal-iskola.

Aġenzija Żgħażagħ – Programm Youth.inc

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ li qed jattendu l-programm Youth.inc offrut minn Aġenzija Żgħażagħ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ żgħażagħ li qed jattendu l-Programm tal-Youth.Inc huwa 142.

Aġenzija Żgħażagħ u Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb – Konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li pparteċipaw fil-konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ organizzat minn Aġenzija Żgħażagħ u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li kienu ħamsa l-parteċipanti fil-konkors Kitba Letterarja għaż-Żgħażagħ għas-sena 2016.

Esplora – Inizjattiva Christmas Factor School Competition

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk li pparteċipaw fl-inizjattiva Christmas Factor School Competition organizzat minn Esplora?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b'kollox ipparteċipaw 167 student. Iktar informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni f'din l-inizjattiva, maqsuma f'kategorija A - skejjel primarji u kategorija B - skejjel sekondarji, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCST u l-MCAST — ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-ftehim iffirmat ftit tax-xhur ilu bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Memorandum of Understanding (MoU) bejn l-MCAST u l-MCST jiffoka fuq l-oqsma tal-komunikazzjoni tax-xjenza kif ukoll fil-gwidi għall-karrieri. Il-ftehim bejn iż-żewġ entitajiet hu bbażat fuq ir-rieda tal-partijiet li jikkoperaw biex iżidu l-popolarità tax-xjenza fost il-poplu b’emfażi fuq iż-żgħażagħ. Dan biex jintlaħaq l-għan li aktar żgħażagħ jagħżlu karrieri fix-xjenza u oqsma relatati. Minbarra hekk, il-partijiet ftehmu li jkomplu jikkoperaw biex joffru internships u esperjenzi ta’ xogħol lill-istudenti tal-MCAST ġewwa l-MCST u fiċ-ċentru xjentifiku tal-ESPLORA. Inizjalment, l-internships se jiġu offruti lil numru ta’ studenti pproponuti mill-MCAST għal perjodu qasir ta’ żmien, imbagħad, issir selezzjoni ta’ studenti li ser jaħdmu matul ix-xhur tas-sajf. Il-partijiet qablu ukoll li jaħdmu flimkien biex jesploraw u jikkollaboraw fuq inizjattivi xjentifiki li jiġu identifikati minn żmien għal żmien, Dan il-ftehim se joħloq sinerġija bejn l-MCST u l-MCAST li tkompli tiżviluppa r-relazzjoni bejn l-entitajiet. Il-ftehim se joħloq ukoll inkoraġġiment biex jintagħżlu suġġetti tax-xjenza, kif ukoll se jgħin lill-istudenti jiżviluppaw professjonalment u personalment. Dan se jgħin ukoll fit-tranżizzjoni mill-ħajja akkademika għad-dinja tax-xogħol għaliex l-istudenti se jkunu esposti għal esperjenzi u opportunitajiet f’diversi oqsma relatati max-xjenza u l-arti, jitgħallmu jaffaċċjaw l-isfidi li toffri d-dinja tax-xogħol hands on u joħorġu mill-esperjenza mħarrġa u lesti anke bil-prattika li tgħallmu fit-teorija. Barra minn hekk, Esplora ser tgħin biex l-istudenti jifhmu aħjar fejn jixtiequ jispeċjalizzaw fil-linji relatati max-xjenza.

SEC – klassijiet tar-reviżjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm b’kollox studenti li attendew għall-klassijiet ta' reviżjoni fis-suġġetti tas-SEC? Kemm minn dawn l-istudenti qagħdu għall-eżamijiet? Kemm minnhom għaddew mill-eżamijiet li qagħdu għalihom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant illi b’kollox attendew 770 student għall-klassijiet ta' reviżjoni fis-suġġetti tas-SEC li saru matul is-sajf tas-sena 2016. Minn dan in-numru, għamlu l-eżami 733 student u għaddew: 63% fil-Malti, 40% fl-Ingliż, 28% fil-Matematika u 27% fil-Fiżika.

MCAST – Higher Diploma in Environment and Water Technology

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li l-kors ta’ Higher Diploma in Environment & Water Technology li jinsab fil-prospectus tal-MCAST, isir matul is-sena skolastika li jmiss peress li f'dawn l-aħħar tliet snin qatt ma sar, minkejja li kien qed jiġi reklamat u minkejja li kien hemm studenti interessati fih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-kors Higher Diploma in Enviroment and Water Technology huwa programm bi ħlas fuq bażi part-time li jirrikjedi numru minimu ta’ għaxar (10) applikanti eliġibbli biex jiftaħ. Sfortunatament, sal-lum dan in-numru minimu qatt ma ġie milħuq meta dan il-programm ġie offrut. Ladarba n-numru jintlaħaq, il-programm ikun jista’ jiġi offrut lill-applikanti eliġibbli. Kors ieħor fl-istess qasam li jista’ jiġi kkunsidrat mill-applikanti huwa dak ta’ B.Sc. in Environmental Engineering li jiftaħ kull sena fuq bażi full-time.