Jista' l-Ministru jgħid fuq liema bażi ta' siegħat ta' xogħol ġie kkalkulat d-dħul ta' 80% li jaqilgħu il-bdiewa skond kif iċ-ċensiment li sar u li fuqu, l-Ministru tal-Finanzi rrefera għalih fid-diskors tal-budget?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 37379.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-għaqdiet/kooperattivi tal-bdiewa li ma qablux u li qablu mal-kalkoli tad-dħul tal-bdiewa li rriżultaw fiċ-ċensiment li sar u li ssemma bi prominenza kbira u tqies b'importanza kbira fil-budget tal-gvern Nazzjonalista?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-kalkolu tad-dħul ta' 80 fil mija mill-produzzjoni hu bbażat fuq informazzjoni u dikjarazzjonijiet ta' bdiewa fl-aħħar ċensiment.
M'hux kompitu ta' dan il-Ministeru li jindaħal f'dak li jaħsbu l-għaqdiet jew kooperattivi tal-bdiewa dwar x'jirriżulta miċ-ċensiment.
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-għaqdiet/ kooperattivi tal-bdiewa li qablu jew ma qablux mad-dħul ta' 80% mill-produzzjoni tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-kalkolu tad-dħul ta' 80 fil mija mill-produzzjoni hu bbażat fuq informazzjoni u dikjarazzjonijiet ta' bdiewa fl-aħħar ċensiment.
M'hux kompitu ta' dan il-Ministeru li jindaħal f'dak li jaħsbu l-għaqdiet jew kooperattivi tal-bdiewa dwar x'jirriżulta miċ-ċensiment.
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-għaqdiet/kooperattivi tal-bdiewa li qablu mal-kalkoli tal-gvern Nazzjonalista' imħabbra fil-budget li d-dħul tal-bdiewa mill-produzzjoni tagħhom huma ta' 60% kif ġenerożament iddikjara l-Ministru tal-Finanzi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iċ-ċifra li ġiet diskussa mal-bdiewa kienet ta' 80% dħul mill-produzzjoni tagħhom li l-bdiewa stess iddikjaraw fiċ-ċensiment. Iċ-ċifra ta' 60% ma ġietx diskussa.
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
Jista' l-Ministru jgħid x'produzzjoni ta' siġar ħielsa mill-mard tkabret fis-serer speċjalizzati f'tal-Kmand?
X'sar minnhom dawn is-siġar u x'tip kienu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li matul dawn l-aħħar tliet snin (mis-sena 2000) tkabbru total ta' 51,940 rootstock tas-siġar tal-frott:
Fis-sena 2000 saret produzzjoni ta' 2,733 GF677 u 9,794 Myrobalan 29C.
Fis-sena 2001 saret produzzjoni ta' 7,130 GF677 u 7,740 Myrobalan 29C.
Matul din is-sena sa Ottubru) saret produzzjoni ta' 10,692 GF677 u 13,851 Myrobalan 29C.
Matul dawn is-snin saret ukoll produzzjoni ta' pjanti indiġeni u ornamentali.
Jista' l-Ministru jinformani għaliex l-ewwel intqal lill-bdiewa li ċ-ċensiment ma jsirx sabiex il-gvern Nazzjonalista jintaxxahom fuq id-dħul mill-produzzjoni tagħhom, meta l-gvern Nazzjonalista fil-fatt uża purament l-informazzjoni taċ-ċensiment sabiex jistabbillixi dħul tagħhom u jibda jintaxxhom kif se jiġri mis-sena d-dieħla?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ir-riferenza għaċ-ċensiment fid-Diskors tal-Budget tal-Ministru tal-Finanzi saret biex tingħata informazzjoni dwar l-ispiża medja.
Fid-Diskors tal-Ministru tal-Finanzi saret riferenza għall-ispiża medja ta' 20 fil-mija tal-bejgħ ta' prodotti agrikoli skond iċ-Ċensiment tal-Biedja mħejji mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika.
Din l-informazzjoni ma ntużatx biex il-Gvern jimponi taxxa ġdida fuq il-bdiewa kif l-Onor Interpellant irid jimplika iżda biex tiddaħħal l-ewwel parti minn skema tat-taxxa vantaġġjuża għall-bdiewa.
Pero' nfakkar lill-Onor Interpellant li, bħalma fehmu l-bdiewa kollha, fejn qabel kienu jiġu stmati 20% tal-bejgħ bħala spejjeż, mis-sena d-dieħla l-istima medja ta' l-ispejjeż fuq prodotti mibjugħa ser tiġi RDUPPJATA għal 40%, li allura tfisser li l-bdiewa se jiġu ntaxxati fuq ammont net ta' dħul nieqes.
B'referenza għaċ-ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget mill-ministru tal-Finanzi, kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għall-kull tomna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ il-Ministru jgħid humiex sejrin joħorġu permessi għall-użu ta' boreholes lil dawk il-bdiewa li għandhom raba li fih ħafna siġar inkluzi dawk tad-dwieli, u minħabba nuqqas ta' ilma ikollhom jonfqu ħafna flus biex jixtru l-istess ilma meta għandhom depożitu qawwi ta' ilma taħt l-istess wiċċ tar-raba?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħruġ ta' permessi għal spejjer m'hux kompitu tad-Dipartiment ta' l-Agrikultura, iżda hu responsabbilta' ta' l-Awtorita' Maltija għar-Riżorsi. Dwar provvista ta' ilma għat-tisqija, il-Ministeru diġa' fassal Pjan ta' Żvilupp Rurali li taqsima essenzjali minnu titratta programm ta' bini ta' ġwiebi għall-ġbir u ħażna ta' l-ima magħruf bħala ''run-off water''.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt, it-tadam għall-iproċessar issa se jkun intaxxat 15% jew 5% li jinbiegħ minbarra l-pitkalija ċentrali?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nafx minn fejn l-Onor. Interpellant qed jikseb din l-informazzjoni. Min tah din l-informazzjoni ma għandu ebda idea ta' dak li ppropona l-Ministeru tal-Finanzi fid-Diskors tal-Budget fejn intqal li qed tiddaħħal l-ewwel fażi ta'
riforma fit-taxxa għall-benefiċċju u vantaġġ għall-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt, l-għeneb li jinbiegħ lill-industrija ta' l-inbid direttament se jkun intaxxat 15%?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma nistax nifhem minn fejn l-Onor Interpellant ġab iċ-ċifra ta' 15%. Is-sistema ta' tassazzjoni fuq prodotti agrikoli hi spjegata ċara fid-Diskors tal-Budget tal-Ministru tal-Finanzi tal-25 ta' Novembru 2002, eżattament paġni 73 u 74.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħsarat ġew kawżati fis-serer speċjalizzati f'Tal-Kmand fis-sistema tal-misħun/hot water? Meta irriżultaw il-ħsarat u meta ssewwew u kemm kienet tammonta l-ħsara?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ħsara ġiet identifikata ftit tax-xhur ilu. Kien ġie innutat li kien hemm leakage fis-sistema ta' l-ilma fis-serra. Ġie ngaġġat inġinier/konsulent biex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa u jagħti pariri dwar kif għandu jsir ix-xogħol. Wara, ħarġet sejħa għal offerti biex isir ix-xogħol. Dan beda f'Novembru. Tlestiet l-ewwel fażi tax-xogħol u n-nefqa ammontat għal Lm1,092.50.
Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu tariffi u fees amministrattivi f'dipartimenti/awtoritajiet/organizazzjonijiet/entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2002? Kien hemm xi għoli fil-prezzijiet ta' xi servizzi li jagħtu dawn id-dipartimenti, awtoritajiet jew organizazzjonijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li din is-sena ma kien hemm ebda żieda f'tariffi u fees amministrattivi f' diviżjonijiet/dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikultura u s-Sajd. Kien hemm xi żidiet fil-prezz ta' siġar tal-frott u taż-żebbuġ u tad-dwieli li se jinbiegħu fil-ġimgħat li ġejjin. Din iż-żieda tvarja minn 5ċ għal 75ċ is-siġra. Kif forsi jaf l-Onor. Interpellant dawn il-prezzijiet ta’ dawn is-siġar huma sussidjati u huma ferm orħos minn dawk mibjugħa kummerċjalment.
Kemm huwa n-numru ta' tmiem ta' raba' u xagħri reġistrat mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura llum? Kemm minnhom huma tal-privat u kemm tal-Gvern Malti?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li minħabba li r-reġistrazzjoni ta' raba' mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura hi miżmuma b'sistema manwali, l-informazzjoni tieħu fit-tul ħafna biex tingħata. Madanakollu nfakkar l-Onor. Interpellant li bdejna l-proġett magħruf bħala Sistema Integrata ta' Amministrazzjoni u Kontroll għall-Biedja. Permezz ta' din is-sistema, għall-ewwel darba f'pajjiżna, qed noħolqu database ta' l-art agrikola kollha fil-gżejjer Maltin.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar il-mistoqsija parlamentari 30872 dwar in-nursery ta' Wied Inċita
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-1 ta' Novembru 2002, in-nursery ta' Wied Inċita bdiet titmexxa mill-Environment Landscapes Consortium Ltd.
Il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema huma dawk miftehma bejn il-Gvern u l-unions li ffirmaw il-ftehim.
Dawn il-kundizzjonijiet ġew negozjati mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u saru fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Jista' l-Onorevoli Ministru jispjega u jagħti dettalji dwar il-policy li qed jadepora fejn nies tiegħu qed jiġu kuntrattati lill-privat? Jista' jispjega min huma l-kuntratturi li qed jipparteċipaw f'din l-iskema? Jgħid kemm mill-ħaddiema fid-Dipartiment ġew assenjati? Jgħid taħt liema disposizzjoni ta' liġi jew regolament sar dan l-arranġament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-policy tkun addottata fil-każ ta' Public Private Partnership, hi li l-ħaddiema tal-Gvern qegħdin jiġu deployed ma' kumpannija jew konsorzju privat li jieħu r-risponsabbilta' tal-management tagħhom. Il-ħaddiema jibqgħu bl-istess kundizzjonijiet ta' impjieg li kellhom qabel id-deployment u f'ċerti każi l-ħaddiema jistgħu anki jibbenifikaw minn flexibility u/jew performance bonus.
Fir-rigward ta' l-ewwel ftehim li sar, il-konsorzju magħżul hu Environment Landscapes Consortium Limited, magħmul minn erba' kumpanniji: Peter Calamatta Garden Shop and Nursery Ltd., Dr Adrian's Garden Centre Co. Ltd., Green Supplies Ltd., u Polidano Environs Ltd.
In-numru tal-ħaddiema deployed mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura hu 301.
Għar-rigward ta' l-aħħar parti tal-mistoqsija, il-partiċipazzjoni ta' impjegati tal-Gvern f'din l-iskema qed issir skond ftehim milħuq mat-Trade Unions fil-31 ta' Ottubru 2002.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 36921, meta fil-fatt inbeda l-proġett tal-bar coding? Kemm sewa flus sa issa u x'jinvolvi dan f'infieq ta' flus?
X'kienet ir-raġuni li dan il-bar coding ma tlestiex matul dawn l-aħħar erba' snin?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirriferi l-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 36921 li s-sistema tal-Bar Coding fil-Pitkalija għadha ma ġietx introdotta. S'issa ma kien hemm l-ebda nfieq ta' flus fuq din is-sistema. Ir-raġuni li dan il-Bar Coding għadu ma sarx hu minħabba tibdil fl-operat li jrid issir fil-Pitkalija.
Jista' l-Ministru jgħid x'testijiet isiru fuq l-ilma tat-tisqija li jintuża f'Sant Antnin f'Wied il-Għajn, Żabbar u Żejtun?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li l-ilma tat-tisqija mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ ta' Sant' Antnin f'Wied il-Għajn jiġi ttestjat regolarment għall-imluħa mid-Dipartiment ta' l-Agrikultura. Testijiet oħra jsiru mid-Dipartiment tad-Drenaġġ.
X'investigazzjoni saret dwar ix-xibka tat-tonn li ddaħħlet Malta kontra l-liġi u cioe' kienet dikjarata bħala xibka għall-gaġġa tat-tonn li nġabet mit-Tuneżija?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk għandu xi informazzjoni f'dan ir-rigward jgħaddih lit-Taqsima għall-Kontroll u l-Konservazzjoni tas-Sajd. Dak kollu li semma fil-mistoqsija tiegħu jinstema' kollu bħala għajdut iżda ma teżisti l-ebda biċċa evidenza konkreta bi prova ta' dan.
Fil-kontest tal-konservazzjoni tal-ħut fil-Mediterran iħoxx il-Ministru li fil-każ li tinħareġ liċenzja tal-purse seining lokali, pajjiżna jkun qed jikkontribwixxi għall-qirda ta' l-ispeċi tal-ħuta tat-tonn b'konsegwenza ta' qbid indiskriminatorju ta' speċi oħra?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-kuntest ta' konservazzjoni, m'hux l-irkaptu li jiġi wżat biex taqbad il-ħut konċernat, iżda l-kwantita' li tinqabad. Fil-każ tat-tonn, il-qbid bis-sunnara, bix-xibka u kwalsiasi irkaptu ieħor hu marbut mal-kwantita` ta' qabda li tiġi ikkalkulata mill-ICCAT fuq bażi ta' konservazzjoni ta' din l-ispeċi ta' ħuta. Biex wieħed jikkonserva t-tonn irid iżomm mal-qbid allokat lilu. Is-sajd tat-tonn bix-xibka hu waħda mis-sajdiet selettivi ħafna għaliex il-ħut li jkun qed jiġi mdawwar ikunu rawh sew l-istess sajjieda li jkunu se jaqbduh u għalhekk jekk ma jkunx tal-qies ġust jew ħuta ppreġjata dawn ma jdawruhx.
Tajjeb li nfakkar lill-Onor. Interpellant li meta kien Ministru responsabbli mis-sajd mhux talli ma kienx kontra l-użu tax-xibka għall-qbid tat-tonn, talli kien jiftaħar li kien qed jieħu inizjattivi biex kumpanniji barranin jinvestu fi proġetti tat-tuna penning fl-ibħra Maltin. Anzi kien iħeġġeġ ukoll lis-sajjieda Maltin biex anki huma, permezz tal-kooperattivi tagħhom, jinvestu fi proġetti bħal dawn. Ma nafx għaliex issa dan il-biki kollu tal-kukkudrilli.
Kemm kienet in-nefqa totali tax-xogħlijiet li saru sabiex ġiet introdotta s-sistema tal-bar coding fil-pitkaljia ċentrali f' Ta' Qali sena b'sena matul l-1999, 2000, 2001 u 2002?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jien infurmat li s-sistema tal-Bar Coding fil-Pitkalija Ċentrali għadha ma ġietx introdotta u dan minħabba tibdil fl-operat li jrid isir fil-Pitkalija.