Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bdiewa u raħħala — Ħsarat estensivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-bdiewa u raħħala li rrappurtaw ħsarat estensivi kawża tal-maltemp li ħakem il-gżejjer f'dawn l-aħħar jiem f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jgħid ukoll kemm hija kkalkulata f'ċifra ta' flus globali l-ħsara rrappurtata u x'passi ttieħdu biex jiġu kumpensati l-bdiewa u r-raħħala in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma saru ebda rapporti ta' ħsarat kawża tal-maltemp li kien hawn fl-aħħar ġranet.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu impjegati fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 li għandhom 'il fuq minn 61 sena, min huma, x'pożizzjonijiet għandhom u fejn qegħdin jaħdmu, humiex full jew part time, x'salarju jew x'rata jitħallsu biha u minn liema distrett elettorali jiġu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 il-Ministeru kellu dawn l-impjegati li għandhom ‘il fuq minn 61 sena kif ġej: Nru Post Grad Full-time/ Part-time Salarju Distrett 1 Kap tas-Segretarjat Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Full-time Lm831.61,5 Żabbar 1 Advisor Taqsima ta’ l-Affarijiet Veterinarji u s-Sajd Part-time Lm556.00,7 G’mangia 1 Secretariat Officer Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari Full-time Lm525.53,8 Żejtun Fl-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien hemm impjegat wieħed matul ix-xahar ta' Marzu 2007 li kellu 'il fuq minn 61 sena. Dan huwa Enforcement Audit Officer part-time u joqgħod il-Gżira. Huwa assenjat mad-Development Control Commission (DCC) u jitħallas Lm4.19 fis-siegħa.

Għawdex — Enforcement notices

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm enforcement notices pendenti f'Ghawdex? Jista' jgħid ukoll kemm ittieħdu direct actions fl-aħħar ħames snin kull sena separatament u f'liema lokalitajiet f'Ghawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għar-rigward ta’ l-ewwel parti tal-mistoqsija hija diġà pubblika fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). L-informazzjoni dwar it-tieni parti għadha qed tinġabar.

Kummissjoni Ewropea — Regolamenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju ta' implimentazzjoni wasal il-pjan tal-Gvern biex l-ipproċessar tal-laħam frisk taċ-ċanga u dak tal-fniek, kif ukoll il-produzzjoni tal-ġbejniet ikunu konformi mar-regolamenti tal-Kummissjoni Ewropea kif imfassla permezz ta' l-istrutturi tagħha, jiġifieri l-Food and Veterinary Office u d-Direction Generale "Sante' et protection des consummateurs"?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ħafna mill-issues li staqsa fuqhom l-Onorevoli Interpellant huma setturi li minħabba bidla fil-politika Ewropea li rat it-tibdil fil-Hygiene Package wassal għat-telf tal-kategoriji ta’ stabbilimenti ta' l-ikel b’low throughput. Dawn l-istabbilimenti iridu ikunu konformi mar-regolament il-ġdid u, kif sar f'setturi oħra, dan ser isir b'mod gradwali. Fil-każ ta’ l-ipproċessar taċ-ċanga, ser jittiehdu sensiela ta’ azzjonijiet fil-bejgħ taċ-ċanga biex jiżguraw il-kwalità u s-sanità tal-prodott. Dawn l-azzjonijiet, li jistgħu jkunu meqjusa bħala żvantaggjużi għall-operaturi, huma meħtieġa biex inwasslu prodott Malti ta’ l-aħjar kwalità.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Tractability system

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex il-Ministeru tiegħu daħal fi spejjeż żejda biex inxtrat tractability system ġdida għal skopijiet ta' de-boning meta s-sistema li kien hemm qabel setgħet faċilment ġiet adattata għall-ħtiġijiet preżenti u b'hekk kienu jiġu ffrankati madwar Lm200,000 mill-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin permezz tat-taxxi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-apparat għas-sistema ta' traceability inxtara mhux minħabba skopiiet ta' deboning iżda abbażi ta' pariri tekniċi u kif ukoll minħabba rikjesti mill-Unjoni Ewropea fl-operat tal-biċċerija kif ukoll skond pjanijiet dettaljati tax-xogħlijiet ta' upgrading li ġew sottomessi 'l-Food and Veterinary Office b'mod regolari. Is-sistema ser tiġi nstallata aktar tard dis-sena.

MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm il-MEPA milli teżegwixxi l-enforcement no. 344/99 f'Marsaxlokk?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li inħareġ Avviż ta' Twettiq u Infurzar ECF 344/99 fl-20 ta' April 1999 minħabba li l-applikant ma kkonformax ruħu ma' kundizzjoni 18 tal-permess PB3095/87/48/86 datat 28 ta' Settembru 1987 billi ma ffurmax it- triq quddiem iż-żewġ faċċati tal-plot tiegħu skond il-liġi. Tajjeb wieħed jinnota li dan il-każ hu inkluż fil-pjan għal azzjoni diretta.

Biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26997 u jinfurmani meta se jiftaħ/jopera l-meat and deboning plant fil-Biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li tlestew ix-xogħlijiet u l-preparazzjonijiet kollha konessi ma' l-operat tal-cutting and deboning plant, din bdiet topera f'dawn il-ġranet.

Industrija tas-sajd

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani liema proġetti/żviluppi huma maħsuba li jibdew matul dan ix-xahar fil-qasam ta' l-industrija tas-sajd f'Malta u Għawdex separatament? Kemm se jiswew u meta se jitlestew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27732.

Enforcement notice

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif meta issir stop and enforcement notice, wieħed suppost għandu jieqaf direttament u tittieħed azzjoni diretta, fil-każ pero' ta' PA 6167/04, l-applikant tħalla jopera mill-istess garage u jikser il-liġi mingħajr ma' l-awtorita' ħadet il-passi opportuni skond il-liġi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel permess PA 7368/98 ħareġ fuq is-sit fi Frar 1999. Wara li sar l-iżvilupp ġie nnutat li kien hemm varjazzjonijiet fil-fond tal-garaxx peress li dan inbena aktar fond minn kif approvat fil-permess PA 7368/98. Għalhekk ħarġet Stop and Enforcement Notice ECF1187/01 fis-7 ta' Novembru 2001. Saret applikazzjoni PA 6167/04 fis-27 ta' Ottubru 2004 biex jiġi ssanzjonat l-iżvilupp illegali li sar fuq il-post. Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata ankè fi stadju ta' rikonsiderazzjoni. Minn dan ir-rifjut sar appell PAB 239/05 quddiem il-Bord ta' l-Appelli dwar l-Ippjanar u dan l-appell għadu pendenti. L-applikant mhux qed jopera xi użu llegali mill-garaxx li jikkostitwixxi ksur ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. Għalhekk ma kienx hemm ksur ta' l-iStop and Enforcement Notice li jġiegħel lill-Awtorità tieħu azzjoni diretta biex tali operat jieqaf immedjatament.

Produzzjoni tas-summien

Question

B'referenza għal mistoqsija parlamentari 27696, jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt hawn liċenzji għall-produzzjoni tas-summien f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni ma tinġabarx.

Produzzjoni tal-fniek

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 27694, jista' l-Ministru jgħid għaliex tali statistika ma tinżammx meta f'Malta u Għawdex għandna produzzjoni tal-fniek tant għolja u meta din hija industrija tradizzjonali li għadha popolari sal-lum? Jista' jagħtini l-informazzjoni mitluba għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 27694. Dan huwa settur fejn il-produzzjoni hija privata u parti kbira minnha sseħħ fid-djar privati.

Wied il-Għajn — Park tal-familja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjani biex jitwaqqaf park tal-familja f’Wied il-Ghajn? Meta mistenni jibda x-xoghol fuq dan il-park, fiex se jkun jikkonsisti u kemm mistenni jiswa flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Project Description Statement (PDS) u l-outline application kienu ġew sottomessi lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Inħarġet it-tender u ingħata l-kuntratt biex isiru l-istudji ambjentali skond it-terms of reference provduti mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Bħalissa qegħdin isiru dawn l-istudji, kif ukoll studju speċifikat fuq il-Magħluq u ta’ madwaru, biex ikun jista’ jitkompla l-proċess tal-permessi biex ikun jista’ jiġi żviluppat dan il-proġett. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn il-proċeduri huma meħtieġa biex jiġi pprovdut finanzjar mill-Unjoni Ewropea għal dan il-proġett. Il-valur mistenni huwa ta’ sitt (6) miljun Ewro li għandom jiġu maqsuma ugwalment f’żewġ fażijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà sar xogħol ta' tindif u programm ta' rodent control fl-inħawi tal-Magħluq.