Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — scholarships

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ scholarships li ngħataw mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienu l-persuni li bbenefikaw minn dawn l-ischolarships u x’kienu l-oqsma li fihom ingħataw dawn l-ischolarships?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet mal-Iran

Question

Wara l-ftehim li ntlaħaq bejn il-pajjiżi magħrufa bħala l-E3+3 u l-Iran fuq il-programm nukleari ta’ dan il-pajjiż, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru tiegħu sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ dan il-pajjiż?

Response (VELLA, GEORGE)

Ir-relazzjonijiet diplomatiċi mar-Repubblika Iżlamika tal-Iran twaqqfu fl-10 ta’ Mejju 1972. Għalkemm ir-relazzjonijiet bejn iż-żewg pajjiżi nistgħu ngħidu li kienu tajbin fuq livell politiku u diplomatiku, ma nistgħux ngħidu l-istess fuq il-livell kummerċjali u dak ekonomiku. Is-sanzjonijiet ekonomiċi tal-Ġnus Maqgħuda u l-Unjoni Ewropea kontra l-Iran saħansitra komplew għarrqu is-sitwazzjoni. L-uniku ftehim kummerċjali li kien hemm bejn il-Malta Freeport u l-IRISL kellu jitwaqqaf biex b’hekk ġiet fi tmiemha kull attività kummerċjali bejn iż-żewġ naħat. Il-ftehim li ntlaħaq bejn il-pajjiżi magħrufa bħala l-EU3+3 u l-Iran fuq il-programm nukleari kien wieħed storiku li wera bl-aktar mod qawwi s-saħħa tad-diplomazija u d-djalogu. Malta mhux biss laqgħet b’sodifazzjon il-ftehim li seħħ, imma ukoll rat kif mill-ewwel taħseb biex iġġedded ir-relazzjonijiet mal-Iran, pajjiż li għandu riżorsi kbar għad-dispożizzjoni tiegħu, imma ukoll b’poplu li għandu talent u potenzjal enormi. Bħala l-ewwel pass, il-Gvern Malti appunta Ambaxxatur mhux Residenti ta’ Malta għar-Repubblika Iżlamika tal-Iran. L-Ambaxxatur Mangion ppreżenta l-kredenzjali tiegħu lill-President Iranjan l-E.T. Dr Hassan Rouhani fil-21 ta’ Diċembru 2015. It-tieni pass importanti kien meta jiena stess għamilt żjara uffiċjali fl-Iran fil-5 u 6 ta’ Marzu 2016. Iż-żjara tiegħi fl-Iran kellha żewg għanijiet: (i) l-ewwel, li nsaħħu ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna; (ii) it-tieni li nsiru nafu aktar mill-qrib il-pożizzjoni tal-Iran fuq id-diversi kwistjonijiet internazzjonali, partikolarment dawk li jolqtu direttament ir-regjun tal-Lvant Nofsani. Ma rridux ninsew li Malta se tkun qiegħda tokkupa l-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla. Kien għalhekk importanti li nisimgħu u naġġornaw ruħna dwar l-oġġettivi ta’ dan il-pajjiz. Għalhekk ukoll iffirmajna Memorandum of Understanding (MoU) dwar konsultazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi. Iffirmajna ukoll Memorandum of Understanding ieħor li għandu x’jaqsam mat-tneħħija ta’ viża fuq passaporti diplomatiċi. Apparti mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Mohammad Javad Zarif, kelli laqgħat ukoll mal-Ministru tat-Toroq u Żvilupp Urban, Abbas Ahmad Akhoundi, mal-Ministru tal-Industrija u l-Kummerċ, Mohammad Reza Nematzadeh, mal-Ispeaker ta’ l-Assemblea Konsultattiva Islamika (il-Parlament) Ali Larijani kif ukoll mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Iranjana, Mansour Khansari. Ma’ dawn kollha sħaqna fuq il-ħtiega li inssaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi fuq il-livelli politiċi, ekonomiċi u dawk kulturali. Għamilna il-proposti tagħna u identifikajna, flimkien man-naħa Iranjana oqsma ta’ koperazzjoni għall-ġejjieni. It-taħdidiet issa ittieħdu f’livell tekniku ħalli ż-żewġ naħat jisfruttaw l-oppurtunitajiet li jeżistu. Jiena ċert li dawn il-kuntatti u laqgħat li saru se jħallu frott fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet diplomatiċi ma’ Kuba

Question

Wara li reġgħu ġew stabbiliti r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Kuba u l-Istati Uniti tal-Amerika, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Ministeru tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi ma’ Kuba?

Response (VELLA, GEORGE)

Malta tħares b’mod pożittiv lejn l-iżviluppi li seħħew riċentament bejn Kuba u l-Istati Uniti, b’mod partikolari lejn it-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi, u ż-żjara tal-President ta’ l-Istati Uniti, Barack Obama f’Kuba fil-21 ta’ Marzu li għadda. Nemmen li dan l-pass huwa ta’ beneifċċju, mhux biss għaż-żewġ pajjiżi ikkonċernati, imma wkoll għar-reġjun kollu. Malta tagħraf ukoll l-irwol attiv ta’ Kuba fin-negozjati bejn il-gvern Kolombjan u l-FARC (Fuerzas Armadas Revolucionarias de Colombia – Revolutionary Armed Forces of Colombia), li qed jsiru ġewwa Havana. Malta tappoġġja b’mod attiv il-konklużjoni ta’ ftehim bejn Kuba u l-Unjoni Ewropea dwar Djalogu Politiku u Kooperazzjoni, li ġie iffirmat fil-11 ta’ Marzu, 2016, waqt iż-żjara tar-Rappreżentant Għoli u Viċi-President Federica Mogherini. Dan il-ftehim huwa żvilupp storiku, li jipprovdi qafas legali biex jissaħħaħ id-djalogu politiku bejn Kuba u l-Unjoni Ewropea. Fuq livell bilaterali, il-Ministeru qed jkompli jaħdem biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet tiegħu mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew, fosthom Kuba. Biex jkomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali ma’ Kuba, jien innominajt lil Dr. John Attard Montalto bħala Ambaxxatur mhux Residenti għal Kuba, liema nomina ġiet approvata mill-awtoritajiet Kubani fl-20 ta’ Jannar 2016. Bħalissa qed inħejju l-preparamenti neċessarji għall-preżentazzjoni tal-kredenzjali tiegħu mill-aktar fis possibli. Waqt laqgħa li kelli fl-26 ta’ Jannar 2016 mal-Ambaxxatriċi Kubana għal Malta, l-E.T. Alba Beatriz Soto Pimental, jiena ssuġġerejt li jitwaqqaf Konsolat għal Malta ġewwa Kuba, bil-għan li nkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi, ekonomiċi u kulturali tagħna ma’ dan il-pajjiż. Minbarra d-djalogu bilaterali, Malta taħdem ukoll ma’ Kuba fuq livell internazzjonali, inkluż fil-laqgħat bi-reġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunita’ ta’ l-Istati tal-Amerika Latina u l-Karibew (is-CELAC), li huma l-fora prinċipali għad-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew. Il-Prim Ministru u jien attendejna l-aħħar Summit li sar fi Brussell bejn l-10 u l-11 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra. Fuq livell multilaterali nixtieq nsemmi l-koperazzjoni mill-qrib li tezisti fil-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet inaljenabbli tal-Poplu Palestinjan fejn Kuba hi wieħed mill-Viċi Presidenti u Malta hi r-Rapporteur tal-Kumitat.

Unjoni Ewropea — deċiżjonijiet dwar l-abort

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed jagħmel il-Ministeru tiegħu sabiex jiżgura li kwalunkwe referenza għall-abort f’deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma jkunux jistgħu jiġu interpretati bħala li l-abort jista’ jsir f’Malta?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Ministeru jistudja bir-reqqa kull referenza li b’xi mod tista’ taċċena għall-abort sabiex jipproteġi l-pożizzjoni ta’ Malta bl-iktar mod effettiv. Filwaqt li Malta ma twaqqafx pajjiżi oħra milli jinterpretaw kwalunkwe kontenut kif iħossu li jaqbel mal-pożizzjoni nazzjonali tagħhom, hekk ukoll il-Ministeru jassigura li l-Unjoni Ewropea ma timponix deċiżjonijiet rigward l-abort f’pajjiżna speċjalment meta dawn ikunu inklużi taħt it-terminu ta' SRHR ( Sexual & Reproductive Health Rights). Il-Ministeru jaħdem bis-sħiħ ħalli fid-diversi laqgħat li jkun hemm rigward dan is-suġġett jintlaħaq kompromess bejn il-Membri kollha u l-pożizzjoni tagħna tkun mifhuma u mħarsa. F'ċerti okkazzjonijiet, speċjalment fejn il-lingwaġġ tad-dokumenti jew stqarrijiet ma jkunux jaqblu mal-pożizzjoni ta' Malta, il-pożizzjoni tagħna tkun reġistrata permezz ta' dikjarazzjoni b'emfasi favur il-ħajja (right of life) u kontra l-abort. Barra minn hekk, il-Ministeru jinsisti sabiex l-abort ma jiġix promoss bħala metodu kontraċettiv jew li jista’ jintuża bħala għajnuna għall-ippjanar tal-familja fi proġetti ta’ żvilupp imnedija mill-Unjoni Ewropea, li l-għan tagħhom hu li jgħinu sabiex jitnaqqas il-faqar f’pajjiżi inqas żviluppati (ukoll bħala SRHR). Fix-xogħol tiegħu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jikkonsulta mal-Ministeri konċernati sabiex dejjem tintlaħaq pożizzjoni koordinata u b’saħħitha.
Leg 12 PQ #25225 Sitting 383 2016-05-02 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ambaxxati Maltin — riżorsi umani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jiżdiedu r-riżorsi umani fl-Ambaxxati Maltin in vista tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea u f'dan il-każ liema ambaxxati u b'kemm se jiżdiedu r-riżorsi umani u meta?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fost il-preparamenti estensivi li ilhom għaddejjin in vista tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, hemm l-aspett tar-riżorsi umani fl-Ambaxxati Maltin. Kull Ambaxxata kienet involuta f'proċess ta' identifikazzjoni tal-bżonnijiet supplementari tagħha. L-Ambaxxati li ġew identifikati li għandhom bżonn ta' riżorsi umani supplementari huma dawk ta' Ġinevra, Ruma, Londra, New York, Vienna, Strasbourg u Berlin. Mhux eskluż li Ambaxxati oħrajn ukoll ikollhom tibdil fin-numri ta' uffiċjali skont il-ħtieġa. Id-data ta' meta l-uffiċjali se jibdew jaħdmu fl-Ambaxxati rispettivi jvarja skont il-bżonn tal-Ambaxxata, l-uffiċjal konċernat u x-xogħol li jkun irid isir u meta.

European Neighbourhood Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-kontribut ta’ pajjiżna biex tkun riveduta u msaħħa l-Politika Ewropea ta’ Viċinanza il-(European Neighbourhood Policy)?

Response (VELLA, GEORGE)

Fl-4 ta' Marzu 2015, ir-Rappreżentant Għoli l-E.T. Federica Mogherini u l-Kummissarju għall-Politika Reġjonali tal-UE l-E.T. Johannes Hahn fetħu proċess ta' konsultazzjoni dwar il-futur tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV). Wara l-avvenimenti li ġraw fil-pajjiżi ġirien tal-UE, kien meqjus xieraq li ssir reviżjoni sħiħa tal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-PEV, kif ukoll l-iskop u l-instrumenti li għandhom jintużaw għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji. F' Ġunju tal-2015, il-pajjiżi tat-Trio (jiġifieri l-Olanda, is-Slovakkja u Malta) ħarġu non-paper dwar il-PEV u l-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK), li fiha għamlu referenza għall-avventimenti li ġraw fil-Libja, fis-Sirja u fl-Ukrajna, l-espansjoni tad-Da'esh, il-kriżi tal-migrazzjoni u n-nuqqas ta' progress fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani. Il-pajjiżi tat-Trio qablu li l-PEV għandha tkun iktar ambizzjuża sabiex l-UE ikollha rwol iktar importanti fir-reġjun. Ġie ukoll enfasizzat il-bżonn li ssir distinzzjoni bejn il-pajjiżi differenti u li jkun hemm ‘partership-based approach'. Sar ukoll il-punt li hemm bżonn ta' iktar flessibilità f'ambjent ġeopolitiku li qiegħed dejjem jinbidel. Iddaħħlet ukoll referenza għall-Politika Ewropea tal-Viċinat fil-programm tat-Trio taħt is-sezzjoni "The Union as a strong global actor". Dan id-dokument huwa sommarju tal-programm ta' ħidma tal-Kunsill imfassal mill-Presidenzi tal-Olanda, is-Slovakkja u Malta u li jkopri l-perjodu ta' bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017. Fl-4 ta' Novembru 2015, Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall u Spanja iffirmaw ittra konġunta lir-Rappreżentant Għoli l-E.T Federica Mogherini u lill-Kummissarju l-E.T. Johannes Hahn bil-għan li fiha reġgħu tennew il-prinċipji li fuqhom għandha tkun ibbażata l-PEV riveduta, f'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam il-Viċinat tan-Nofsinhar. Din l-ittra ffukat fuq erbgħa punti prinċipali: (i) il-prinċipju tad-divenzjar; (ii) l-importanza li jkun hemm iktar flessibilità sabiex l-UE tkun tista' tirreaġixxi iktar malajr f'sitwazzjonijiet ta' kriżi; (iii) il-bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali f'mod sinifikanti; u (iv) il-bżonn li jittejjeb l-involviment tal-Istati Membri fid-definizzjoni u l-implementazzjoni tal-PEV. Malta dejjem saħqet li l-UE trid l-ewwel tisma' lill-pajjiżi tal-viċinat tagħha sabiex tkun tista' tifhem eżatt x'għandhom bżonn. Fl-istess ħin kompliet tisħaq ukoll li hemm bżonn issir distinizjoni bejn il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u dawk tal-Lvant. Kwalunkwe tip ta' kompetizzjoni bejn iż-żewġ reġjuni għandha tkun evitata. Dawn huma żewġ reġjuni li qegħdin jaffaċċaw sfidi u sitwazzjonijiet kompletament differenti. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-Lvant jistgħu jaspiraw li jsiru Membru tal-UE, filwaqt li dawk tan-Nofsinhar m'għandhomx dan il-prospett. Huwa f'dan l-isfond li Malta dejjem insistiet li l-allokazzjoni tal-budget tal-UE għandha tibqa' kif inhi, jiġifieri b'żewġ terzi allokati għall-pajjiżi tan-Nofsinhar.

Għajnuna ta’ Malta lejn pajjiżi li qed ifittxu rabtiet aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif Malta qed tgħin lill-pajjiżi oħra li qed ifittxu rabtiet aktar mill-qrib mal-Unjoni, bħal Andorra, Liechtenstein u l-Montenegro mill-esperjenza li akkwista fin-negozjati għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (VELLA, GEORGE)

Malta temmen li l-Unjoni għandha tkun miftuħa għal kull pajjiż li jissodisfa l-kriterji u l-kundizzjonijiet tas-sħubija. Huwa importanti li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-Istituzzjonijiet Ewropej jifhmu li huwa fl-interess tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiżi li qed ifittxu s-sħubija li jitħaffef il-proċess. Għaldaqstant fil-laqgħat tal-Kunsilli ta’ l-Unjoni Ewropeja Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha lejn il-pajjiżi li kienu resqin jew qed jersqu lejn sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropeja sakemm il-pajjiżi kkonċernati jilħqu l-kriterji kollha mitluba minnhom skond l-“Acquis Communitaire”. Dwar il-Montenegro nista’ ngħid li dan il-pajjiż iħares lejn Malta bħala mudell għar-riformi li jrid iwettaq fil-proċess tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni Ewropea. Fid-19 ta’ Marzu 2015 fuq stedina tal-Ministru Ċiprijott għall-Affarijiet Barranin l-E.T. Ioannis Kasoulides ipparteċipajt f’laqgħa trilaterali li nżammet f’Ċipru bejn Malta, Ċipru u l-Montenegro. Kemm Malta kif ukoll Ċipru wegħdu l-appoġġ tagħhom lill-Montenegro għan-negozjati biex isir membru tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest żjara importanti oħra kienet dik tas-Segretarju tal-Istat għall-Integrazzjoni Ewropea u Kap Negozjatur tal-Montenegro, l-E.T. Aleksandar Andrija Pejoviæ, f'Settembru 2015. Matul din iż-żjara iddiskutejna l-prijoritajiet ta’ Malta fejn jidħol it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea waqt il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Ministri fl-2017. Is-Segretarju tal-Istat kellu laqgħat ukoll mas-Segretarji Permanenti tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u tal-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali. L-E.T. Pejoviæ iltaqa' wkoll mal-Onor. Luciano Busuttil, President tal-Kumitat Permanenti tal-Kamra dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej kif ukoll ma' għadd ta' uffiċjali għolja fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Fit-tieni parti taż-żjara tiegħu, l-E.T. Pejoviæ kellu diskussjonijiet ta' natura teknika mal-MITA fil-qasam tal-e-government, e-justice, il-ħruġ tal-visi Schengen, kif ukoll it-teknoloġija użata fl-Ambaxxati u Konsolati ta' Malta. Malta qed tgħin lil Montengro ukoll fl-oqsma veterinarji, fitosanitarji, s-saħħa u s-sigurta` tal-ikel, l-ambjent, l-amministrazzjoni pubblika u riżorsi umani. Waqt żjara il-Prim Ministru l-Onor. Joseph Muscat għamel fil-Montenegro f’Jannar li għadda, fost affarijiet oħra tenna l-appoġġ ta’ Malta għall-proċess tal-Montenegro fit-triq għall-isħubija fl-Unjoni Ewropea. Huwa stieden lil Prim Ministru tal-Montenegro biex iżur Malta f’Mejju sabiex ikomplu jiddiskutu dawn it-temi u l-progress li għamlet il-Montenegro f’dan il-qasam. Żvilupp importanti li sar f’din l-aħħar sena kienet id-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi ż-żgħar ta’ Andorra, Monaco u San Marino. Malta tagħti l-appoġġ tagħha għal din il-ftehim dwar l-integrazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fis-Suq Ħieles li ser jiffaċilita kemm in-negozju mal-pajjiżi ż-żgħar, kif ukoll il-mobilita` taċ-ċittadini tat-tliet Stati u dawk tal-Unjoni Ewropea. Ta’ min insemmi li l-Gvernijiet ta’ dawn it-tliet pajjiżi talbu l-għajnuna ta’ Malta f’diversi okkażjonijiet rigward dan il-ftehim u Malta dejjem tat l-appoġġ tagħha. Fit-23 Lulju, 2015, kelli laqgħa mal-E.T. Gilbert Saboya Sunye, Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Prinicpalità ta' Andorra waqt żjara uffiċjali li għamel f'Malta, fejn tennejt ir-rieda ta’ Malta li taqsam l-għarfien u l-esperjenza li kienet akkwistat waqt in-negozjati għall-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea kif ukoll matul l-aħħar 11-il sena bħala membru tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward il-Ministru Saboya Sunye ltaqa’ wkoll ma’ l-Ambaxxaturi Maltin Taricisio Zammit u Saviour Falzon, fejn ġew diskussi tliet suġġetti li huma marbuta ma’ diskussjonijiet li l-Andorra mistennija jkollha mal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea dwar sħubjia aktar mill-qrib bejn iż-żewġt naħat. Il-preparamenti meħtieġa minn naħa tal-Andorra qabel jinbdew in-negozjati proprja, kif wieħed għandu jmexxi n-negozjati b’mod li jagħtu l-aħħjar riżultati, u l-ħtieġa ta’ formulazzjoni ta’ pjan ta’ x’wieħed ser jitlob bħala għajnuna teknika u finanzjarja mill-Unjoni Ewropea fil-proċess li pajjiż ikun qed jaddotta u jimplimenta l-liġijiet Ewropej. Matul din il-laqgħa l-Ambaxxatur Zammit tkellem dwar l-esperjenza u l-għarfien li akkwista waqt in-negozjati ta’ Malta kif ukoll fl-ewwel snin ta’ l-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja meta kien Ambaxxatur ta’ Malta fil-Kumitat Politiku u tas-Sigurta’ ta’ l-Unjoni Ewropea. Fil-19 ta’ Ġunju 2014 iltqajt ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ San Marino, l-E.T. Pasquale Valentini u wkoll wegħedtu li Malta lesta taqsam l-esperjenzi tagħha fin-negozjati għas-sħubija ma’ dan il-pajjiż. Liechtenstein tagħmel parti miż-żona ekonomika Ewropeja u għal dawn l-aħħar xhur qiegħed jinnegozja, flimkien man-Norveġja u l-Islanda, pakkett ġdid tal-mekkanizmu finanzjarju Ewropej. Waqt żjara uffiċjali li għamilt f’Vaduz, f’Novembru 2014, ltaqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta' Liechtenstein, l-E.T. Aurelia Frick, u nkoraġġejt lil Liechtenstein, isib qbil mill-aktar fis possibli dwar il-pakkett finanzjarju il-ġdid li tagħha Malta hija benefiċċjarja.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – kuntratt lill-persuna

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt/i li kienu ffirmati bejn il-Ministeru tiegħu u l-persuna li isimha qed jingħata separatament? Jista’ jagħti wkoll lista’ ta’ pagamenti li saru lil din il-persuna wara li spiċċat mill-kariga tagħha?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti li kienu ffirmati bejn il-Ministeru u l-persuna li isimha ingħata separatament u korrispondenza relatata ma’ dawn il-ftehim. Diġa tajt informazzjoni dwar il-kumplament tal-mistoqsija magħmula mill-Onor. Interpellant. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif mill-ftehim iffirmati mal-individwu dan kien jitħallas ferm iktar minn Ambaxxatur residenti fi Brussels, għax il-ftehim kif riveduti matul iż-żmien kienu jipprovdu li l-individwu jitħallas fuq Skala 1 + 10% meta l-Ambaxxaturi jitħallsu fuq Skala 3, u jinqatgħalhom dak li jissejjaħ rent element meta jkollhom l-akkomodazzjoni pprovduta mill-Gvern. Mill-2009, dan il-qtugħ ma baqax isir fil-każ ta’ dan l-individwu. Barra minn hekk mill-2009, il-Global Emoluments tal-individwu kienu marbuta ma’ index ferm ogħla minn tal-Ambaxxatur fi Brussels u Ambaxxaturi oħra u kienu jiġu riveduti kull sena, meta dawk tal-Ambaxxaturi l-oħra ma żdidux qabel l-2014. B’hekk jirriżulta li matul il-perjodu li l-individwu okkupa l-kariga tħallas kważi d-doppju ta’ dak li jieħu Ambaxxatur residenti fi Brussels. Irrid inżid ukoll li biex inġabret din l-informazzjoni, l-uffiċċjali tal-Ministeru tiegħi kellhom jitolbu ċerti dokumenti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għax jidher li l-korrispondenza dwar dan l-individwu kienet tinżamm mistura mill-uffiċċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin!

Malta Information Centre – ħatra ta’ Kap

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mid-dokumenti tal-Ministeru jirriżultax li kien hemm xi kriterji partikolari li fuqhom il-persuna li isimha qed jingħata separatament inħatret bħala Kap tal-Malta Information Centre (il-MIC) mingħajr ma saret sejħa għall-applikazzjonijiet fi żmien Gvern Nazzjonalista? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħidilna x’kienu dawn il-kriterji?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mid-dokumenti tal-Ministeru m'hemmx informazzjoni dwar kriterji partikolari li fuqhom il-persuna li qed jirreferi għaliha inħatret Kap tal-Malta Information Centre, il-MIC, mingħajr ma saret sejħa għall-applikazzjonijiet fi żmien Gvern Nazzjonalista.

Mediterranean Group

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma tal-Grupp tal-Pajjiżi tal-Mediterran membri tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Mediterranean Group jew il-Med 7, u s-sehem ta’ Malta f’din il-ħidma?

Response (VELLA, GEORGE)

Il-Grupp Mediterranju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imsejħa bħala l-Med Group jew Med 7 hu kompost minn Spanja, il-Portugall, Franza, l-Italja, il-Greċja, Ċipru u Malta. L-għan ta’ dan il-MED Group hu li jsiru diskussjonijiet u skambji t’opinjonijiet dwar kwistjonijiet reġjonali tal-Mediterran. Bħala pajjiż fiċ-ċentru tal-Mediterran, Malta temmen bis-sħiħ f’kooperazzjoni reġjonali u għaldaqstant tieħu sehem f’dawn il-laqgħat inklussivi bil-għan li jiksbu stabbiltà, sigurtà u prosperità fir-reġjun. Fis-snin li għaddew attendejt għall-laqgħat tal-Grupp Mediterranju li saru ġewwa Alicante fi Spanja fl-2014 u ġewwa Pariġi fi Franza fl-2015 fejn kienu diskussi diversi temi li jikkonċernaw il-Meditteran fosthom il-kriżijiet fil-Libja u s-Sirja kif ukoll prijoritajiet kruċjali dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ, koperazzjoni fuq kwistjonijiet trans-konfinali bħall-immigrazzjoni, kif ukoll sfidi ambjentali fir-reġjun. L-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Med Grupp saret f'Alicante, ġewwa Spanja, fl-14 t'April 2014. Preżenti għall-laqgħa kien hemm ukoll il-ħames Ministri tal-Affarjiet Barranin ta’ Ċipru, l-Italja, il-Portugall, Franza u l-Greċja. Waqt din il-laqgħa, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Grupp Mediterranju ddiskutew il-Politika tal-Viċinat, b'enfażi fuq id-Dimensjoni tan-Nofsinhar, ir-rwol tal-Unjoni għall-Mediterran, kif ukoll l-influs ta’ immigranti fil-Mediterran. Għal din il-laqgħa attenda ukoll mas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, Fathallah Sijilmassi, fejn miegħu iddiskutejna inizjattivi varji li jinkludu l-koperazzjoni mal-5 + 5 u l-proġetti li jindirizzaw koperazzjoni reġjonali u l-iżvilupp għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran. Fost oqsma oħra ta’ diskussjoni l-Ministri Barranin tkellimna ukoll dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna fejn affermajna mill-ġdid l-appoġġ tagħna għall-unità, is-sovranità, indipendenza u integrità territorjali ta’ dan il-pajjiż. Il-Ministri tkellemna wkoll fuq is-sitwazzjoni attwali f'pajjiżi Mediterranji oħra fejn is-sigurtà u l-istabbiltà tagħhom ġew mhedda. F'dan ir-rigward issuġġerejt lill-Ministri preżenti biex niddiskutu kif nistgħu ngħinu biex il-Libja tikseb stabbiltà politika. Bħala segwitu għal din il-laqgħa, t-tieni laqgħa Ministerjali tal-Med Grupp saret fl-20 ta’ Frar 2015 f'Pariġi, Franza. Il-laqgħa kienet msejħa biex jiġu diskussi żviluppi li qed jiġu iffaċċjati fir-reġjun, b'mod partikolari l-kriżijiet fil-Libja u s-Sirja kif ukoll prijoritajiet oħra rigward ix-xogħol taż-żgħażagħ, l-immigrazjoni fil-Mediterran kif ukoll l-isfidi ambjentali fir-reġjun. Matul din il-laqgħa elaborajt fuq is-sitwazzjoni fil-Libja, fejn iddiskrivejtha bħala theddida serja għas-sigurtà u l-istabbilta fl-Ewropa. Sostnejt l-appoġġ ta' Malta għall-isforzi ta 'rikonċiljazzjoni li kienu qed isiru mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Ġnus Magħquda, is-Sur Bernardino Leon. Enfasizzajt wkoll l-importanza li l-kwistjoni tal-immigrazjoni u appellajt għas-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea f'dan ir-rigward u żidt ngħid li l-instabbilità fil-Libja ser twassal għal-żieda fl-influs ta-immigranti. Fis-26 ta’Frar 2016, ipparteċipajt fil-tielet laqgħa tal-Med Grupp li saret f’Limassol, Ċipru. Id-diskussjonijiet fl-Limassol kienu primarjament iffukati fuq ir-riperkussjonijiet tal-kriżi Sirjana kif ukoll fuq il-ġirien immedjati tagħha, it-tensjonijiet fir-reġjun tal-Golf, il-Libja, il-migrazzjoni, kif ukoll ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea mad-Dinja Għarbija. Tul din il- laqgħa, ġie diskuss l-aspett umanitarju tal-kriżi Sirjana li qed tħalli impatt diżastruż fuq il-popolazzjoni. Fl-intervent tiegħi stqarrejt li Malta ser tappoġġja l-isforzi internazzjonali u Ewropej sabiex nappoġġjaw lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, jiġifieri l-Ġordan u l-Libanu li qed jiġu milquta b’mod estensiv minn din il-kriżi. Dwar il-Libja tennejt li Malta ser tkompli tappoġġja bis-sħiħ il-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn il-partiti permezz tal-UNSMIL u r-Rappreżentant Speċjali Martin Kobler. L-għan sostanzjali huwa li l-Gvern uffiċjali ikollu is-sede uffiċjali tiegħu fi Tripli. Huwa importanti li l-interlokuturi jigħataw l-istess opportunitajiet anke jekk il-posizzjonijiet tagħhom huma differenti minn ta’ xulxin. Għaldaqstant il-komunità internazzjonali għandha tkompli taħdem sabiex jibqa jkun hemm ħidma tal-Ġnus Maqgħuda fir-reġjun. Jien sħaqt li s-sovranita Libjana ghandha tibqa’ dejjem tiġi irrispettata. Lejn tmiem din il-laqgħa is-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni għall-Mediterran, Fathallah Sijilmassi, flimkien mal-Ministri preżenti iddiskutejna ir-relazzjonijiet mad-dinja Għarbija u tajna ħarsa dettaljata lejn il-proġetti li għaddejjin f'diversi oqsma. Rigward ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Europea u l-Lega Għarbija sħaqt li dawn huma prijorità ewlenija għal Malta u li l-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se tara sforzi intensifikati u pjanijiet konkreti dwar dan il-qasam.

Proġetti ffinanzjati minn Malta taħt l-Overseas Development Aid

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ proġetti li kienu ffinanzjati minn Malta taħt l-Overseas Development Aid fis-snin 2013, 2014 u 2015? Jista’ jindika kemm ingħataw fondi għal kull proġett? Liema kienu dawk l-għaqdiet jew organizzazzjonijiet li bbenefikaw minn dawn l-għotjiet?

Response (VELLA, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kif mitluba fil-Mistoqsija Paralamentari Numru 18917.

Tisħiħ ta’ relazzjonijiet diplomatiċi mat-Turkija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jissaħħu r-relazzjonijiet diplomatiċi mat-Turkija, li hija meqjusa bħala pajjiż daqstant importanti fir-reġjun tagħha?

Response (VELLA, GEORGE)

Ir-relazzjonijiet bejn Malta u t-Turkija dan l-aħħar ingħataw spinta iktar qawwija. Tul l-aħħar snin Malta kompliet tappoġġa lit-Turkija biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Apparti r-relazzjonijiet politiċi, Malta qegħda tiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ dan il-pajjiż li diġa` qegħdin joffru potenzjal kbir u ġie reġistrat progress fil-qasam ekonomiku. F’Awwissu 2015 ġiet ffirmata d-Dikjarazzjoni dwar it-twaqqif tal-‘JETCO’ – Kumitat Ekonomiku u Kummerċjali konġunt bejn iż-żewġ pajjiżi. Kien hemm intensifikazzjoni ta’ żjarat bejn iż-żewġ pajjiżi bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali. Fosthom ta’ min isemmi laqgħat bilaterali kemm f’Malta kif ukoll f’okkażjonijiet oħra fosthom f’Malta f’Marzu 2015 mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Turkija, l-E.T. Mevlüt Çavuşoğlu. Fuq stedina tal-Ministru Çavuşoğlu, qed nippjana li nżur it-Turkija wara li kelli nħassar żjara x-xahar l-ieħor, fl-aħħar mumenti minħabba l-inċidenti fi Brussel. Laqgħa oħra bilaterali saret mal-Ministru Mevlüt Çavuşoğlu, meta ltqajna waqt il-Kunsill Minsiterjali tal-OSCE fl-4 ta’ Dicembru 2015 fejn iddiskutejna r-relazzjonijiet bilaterali, kif ukoll kwistjonijiet relatati mal-OSCE u l-Mediterran, kif ukoll fi Brussel reċentement. Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-Prim Ministru l-Onor. Dott Joseph Muscat kellu taħdidiet mal-President tat-Turkija l-E.T. Recep Erdogan. Matul din il-laqgħa ġew diskussi il-potenzjal ta’ investiment u t-tkabbir ekonomiku bejn iż-żewġ pajjiżi, suġġetti attwali bħall-immigrazzjoni kif ukoll is-Summit fuq l-immigrazzjoni li sar f’Malta f’Novembru 2015.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Laqgħa tal-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar laqgħa tal-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji ta’ Malta li organizza l-Ministeru tiegħu f’Lulju li għadda? X’kienu s-suġġetti li ġew diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-laqgħat tal-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji (b’din tal-aħħar issir kull sentejn) hu li ġġib flimkien ir-rappreżentanti diplomatiċi Maltin li jservu barra minn Malta biex jingħataw rendikont tal-ħidma tal-gvern fl-oqsma varji tal-ekonomija, l-investiment dirett barrani, il-kultura u temi oħra ta’ importanza u rilevanza nazzjonali, reġjonali u internazzjonali. Il-laqgħa tal-2015 saret bejn is-6 u l-10 ta’ Lulju u ġabet flimkien 47 Ambaxxatur residenti u mhux residenti Maltin, u 101 Konslu Onorarju li jirrappreżentaw lil Malta madwar id-dinja kollha. Il-Laqgħat ta’ din is-sena kellhom bħala tema Gearing Up for Success u kienu jikkonsistu f’laqgħat konġunti u separati għall-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji. Il-laqgħat kienu jikkonsistu fi preżentazzjonijiet minn mistednin esperti fil-qasam partikolari tagħhom u ħin għall-mistoqsijiet, filwaqt li parti oħra tal-laqgħa żvolġiet f’erba’ workshops għall-Ambaxxaturi residenti biss li kienu jikkonċernaw diversi aspetti tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Malta fl-2017. Fl-ewwel sessjoni Plenarja li għaliha attendew l-Ambaxxaturi residenti u mhux residenti kienet tikkonsisti f’sitt (6) preżentazzjonijiet u żjara fil-Lufthansa Technik. 1. It-temi li ġew trattati fl-istess plenarja li saret fis-7 ta’ Lulju kienu jitrattaw it-temi li ġejjin: · Il-Prijoritajiet tal-Politika Barranija ta’ Malta; · Il-preparamenti għal-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet membri tal-Commonwealth f’Malta (CHOGM 2015); · Preżentazzjoni mill-Malta Film Commission bit-tema; Malta: ‘Where Stories are Told’; · Preżentazzjoni mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC); · Preżentazzjoni minn Identity Malta dwar l-esperjenza Maltija dwar iċ-Ċittadinanza b’Investiment; · Preżentazzjoni dwar ir-relazzjonijiet mad-Diaspora Maltija; u 2. Il-plenarja tat-8 ta’ Lulju kienet miftuħa għall-Ambaxxaturi residenti biss u kienet tittratta f’li ġej: · Preżentazzjoni dwar il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Malta fl-2017; · Erba’ workshops dwar r-rwol tal-Ambaxxati Maltin matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ta’ Malta fl-2017. L-Ambaxxaturi kellhom l-opportunità li jidħlu fl-erba’ workshops li trattaw it-temi li ġejjin: - L-Aspett Politiku u ta’ Policy (Il- policy għall-Presidenza u l-prijoritajiet); - L-avvenimenti Kulturali (Il-Programm Kulturali għall-Presidenza: opportunità oħra biex nuru x’għandha x’toffri Malta barra mill-pajjiż); - L-avvenimenti Soċjali (inwasslu l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija permezz ta’ inizjattivi soċjali); - Temi loġistiċi (ħidma preparatorja pjanata tajjeb bħala l-bażi għas-suċċess ta’ kull avveniment). · Sessjoni interattiva mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin li bħall-workshops kienet miftuħa biss għall-Ambaxxaturi. 3. Il-plenarja tad-9 ta’ Lulju li kienet sessjoni konġunta għall-Ambaxxaturi u l-Konsli Onorarji flimkien. It-temi trattati u diskussi waqt din il-plenarja kien kif ġej: · Preżentazzjoni mill-Kamra tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Intrapriża; · Preżentazzjoni minn Trade Malta bit-tema: ‘Enabling Busienss Abroad’; · Preżentazzjoni minn Malta Enterprise bit-tema: ‘Vibrant economy open to business’; · Diskors qasir mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-Saħħa; l-Onor Chris Fearne; segwita minn preżentazzjoni minn Malta Enterprise dwar is-Servizzi Mediċi u t-Turiżmu Mediku; · Preżentazzjoni konġunta mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta; · Preżentazzjoni dwar l-anti-traffikar u x-xejriet ta’ traffikar uman mill-perspettiva dinjija u tal-Unjoni Ewropea; 4. Il-plenarja tal-10 ta’ Lulju kienet miftuħa għall-Konsli Onorarji biss u fiha ġew trattati u diskussi it-temi kif ġej: · Preżentazzjoni minn Finance Malta bit-tema: ‘Malta as an International Financial Centre’; · Preżentazzjoni fuq il-Laqgħa tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth (CHOGM 2015); · Preżentazzjoni mill-Kap taċ-CHOGM Task Force; · Preżentazzjoni dwar il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea minn Malta fl-2017; · Preżentazzjoni dwar il-Politika Barranija ta’ Malta; · Preżentazzjoni mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija bit-tema: ‘Championing Research, Innovation and Science in Malta’; · Preżentazzjoni minn Identity Malta bit-tema: ‘Citizen by Investment – The Malta Experience’; · Preżentazzjonijiet minn mid-Direttorati tal-Avjazzjoni Ċivili u Marittimu fi ħdan Transport Malta bit-temi: ‘Civil Aviation in Malta – Growing Safely’; u ‘Maritime Malta – A leading international maritime centre at the heart of the Mediterrranean’ rispettivament.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-aħħar Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta li organizza l-Ministeru tiegħu f’April li għadda? X’kienu s-suġġetti li ġew diskussi?

Response (VELLA, GEORGE)

Fil-Konvenzjoni għall-Maltin li Jgħixu Barra li saret f’April tas-sena l-oħra ħadu sehem madwar 120 parteċipant u osservatur mid-Diaspora Maltija fl-Awstralja, il-Belġju, l-Emirati Għarab Magħquda, il-Lussemburgu, l-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra. Il-parteċipanti kellhom l-okkażjoni jiltaqgħu mal-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz ta’ Sant’ Anton. Il-Konvenzjoni nfetħet uffiċjalment mill-Prim Ministru, l-Onor. Dott. Joseph Muscat fil-21 ta’ April 2015 f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt Valletta. Saru ukoll diskorsi minni u mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Fil-Konvenzjoni saru żewġ plenarji u sitt workshops li matulhom tressqu preżentazzjonijiet dwar l-identità, il-kultura u l-lingwa Maltija, l-istorja tal-emigrazzjoni u l-futur tad-Diaspora Maltija. L-ewwel plenarja kienet tittrata ‘Il-Kommunitajiet Maltin Barra minn Malta – l-Qagħda Attwali u l-Futur’ u kien hemm preżentazzjonijiet dwar il-qagħda tal-Maltin fl-Awstralja, fi Brussell, l-emigrazzjoni mill-lenti tal-Kummissjoni Emigranti kif ukoll sterjotipi u żviluppi interkulturali fl-Awstralja u f’Malta meta l-emigranti Maltin jirritornaw Malta. Wara l-ewwel plenarja sar l-ewwel workshop b’diskussjoni fuq l-istess tema fejn ingħataw l-esperjenzi reġjonali tal-parteċipanti. Kienu ippreżentati wkoll studji oħra, din id-darba fuq il-qagħda tal-Maltin fil-Kanada, ir-Renju Unit, u l-Maltin tal-Eġittu u ta’ Tripoli ġewwa l-Awstralja, l-anzjani fl-Awstralja, l-importanza tal-għaqdiet fil-komunitajiet Maltin u xi aspetti taċ-ċittadinanza. It-Tieni workshop beda bi preżentazzjoni mill-Aġenzija Żgħażagħ dwar ix-xogħol li jsir minn din l-entita’ u kompla bi preżentazzjonijiet dwar l-identita’ Maltija fiż-żgħażagħ Maltin fl-istati ta’ Victoria u New South Wales fl-Awstralja, perspettiva minn Għawdex kif ukoll ix-xogħol li qiegħed isir miż-żgħażagħ Maltin fir-Renju Unit. Fit-Tieni Plenarja li ttrattat it-tema ‘Il-Kunsill u l-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta’, kienu diskussi l-miri li ntlaħqu sa issa mill-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-diffikulatjiet u xi proċeduri li jistgħu jittejbu. Fl-aħħarnett saret preżentazzjoni dwar ix-xogħol li jwettaq id-Direttorat għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta. Ingħatat ukoll prezentazzjoni dwar il-Valletta 18. Wara din il-plenarja saru t-tielet u r-raba’ workshops. It-tielet workshop kien jittratta ‘Il-kommunikazzjoni mad-Diaspora Maltija’ u r-raba’ wieħed kien dwar ‘Il-Kommunitaijiet Ġodda Maltin.’ Fit-tielet workshop saru preżentazzjonijiet dwar modi differenti b’użu tat-teknoloġija kif tista’ titjieb il-kommunikazzjoni mal-membri tad-Diaspora Maltija madwar id-dinja u fil-kontinenti diversi. Fir-raba’ workshop saru preżentazzjonijiet minn membri tad-diaspora fil-pajjiżi tal-Benelux u l-Emirati Għarab Magħquda, li taw l-esperjenza tagħhom bħala komunitajiet riċenti. Fl-aħħar ġurnata saru żewġ workshops oħra, il-ħames wieħed dwar ‘L-Identita’, il-Kultura u l-Manteniment tal-Lingwa Maltija’ u s-sitt wieħed dwar ‘L-Awturi Maltin fid-Diaspora.’ Fil-ħames workshop ġew ittrattati l-iżviluppi u l-problemi relatati mat-trasformazzjoni tal-identita’ Maltija, il-kultura, ir-rwol tar-reliġjon, l-iżviluppi liberali fid-Diaspora kif ukoll it-tagħlim tal-lingwa Maltija fid-diversi pajjiżi fejn hemm skejjel u klassijiet iwettqu dan ix-xogħol. Waqt is-sitt workshop, grupp ta’ kittieba Maltin fid-Diaspora iddiskutew l-esperjenzi tagħhom fit-trasformazzjoni tal-identità tagħhom bħala persuni li jgħixu barra u l-identita’ Maltija li ħadu mill-ġenituri. Ix-xogħol kollu li jinkludi l-istudji li ġew ippreżentati, kif ukoll ir-rapporti tar-Rapporteurs, ser ikunu ppublikat fi ktieb li mistenni jiġi ppubblikat dalwaqt. Il-Konvenzjoni kienet eżerċizzju importanti u ta’ suċċess. Innotajt b’mod partikolari l-parteċipazzjoni entużjasta ta’ ħafna żagħażagħ Maltin li jgħixu barra. Dan jawgura tajjeb ferm biex fis-snin li ġejjin ix-xogħol mibdi jitkompla b’ħeġġa u determinazzjoni. Matul il-ġranet tal-Konvenzjoni saret ukoll wirja artistika minn artisti tad-Diaspora Maltija, li ittelgħet flimkien ma’ Heritage Malta, kif ukoll wirja artistika mit-tfal tal-iskola f’Malta u Għawdex li saret fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Ittella’ wkoll Simpożju Lettararju flimkien mad-Dipartimenti tal-Malti u l-Ingliż fl-Università ta’ Malta. Rapport dwar ix-xogħol tal-Konvenzjoni se jkun ippreżentat lill-Kumitat Permanenti tal-Kamra Dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej waqt diskussjoni dwar r-rapport annwali tal-Kunsill.

Awstralja – Sidney — Radju SBS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa l-Ministeru tiegħu wara li tħabbar tnaqqis fil-programmi għall-Maltin fuq ir-radju SBS f’Sydney, l-Awstralja?

Response (VELLA, GEORGE)

Fl-1 ta’ Lulju 2015 SBS Radio infurmaw lill-Kummissarju Għoli Malti f’Canberra dwar il-provvedimenti li kienu ser jittieħdu sabiex jitnaqqas il-ħin tal-programmi bil-lingwa Maltija. Dan għaliex il-ftehim li kien hemm mal-SBS kien ikopri sal-iskeda ta’ programmi 2014/2015. Għaldaqstant fit-3 ta’ Lulju 2015 il-Kummissarju Għoli tkellem mas-Sinjura Mandi Wicks, Direttur, Audio and Language Content ta’ SBS Radio, li pprovdiet lista tal-Komunitajiet Maltin ta’ Sydney u Melbourne li kienu ġew avviċinati mill-SBS rigward din il-kwistjoni. Fl-istess ġurnata l-Kummissarju Għoli tkellem maż-żewġ Presidenti ta’ dawn il-komunitajiet, fejn offra li jassistihom f’rappreżentazzjoni flimkien mal-Ministru Awstraljan għall-Kommunikazjoni ta’ dak iż-żmien, l-Onor. Malcolm Turnbull. Fis-7 ta’ Lulju 2015 il-Presidenti ta’ dawn il-kommunitajiet bagħtu risposta formali lill-SBS fejn esprimew diżappunt fuq din il-kwistjoni u taw lista ta’ raġunijiet għala din id-deċiżjoni għandha tkun irrevokata. Fl-24 ta’ Lulju 2015, jien ktibt ittra lis-Sinjura Wicks, biex mhux biss inwassal id-diżappunt kbir tal-Gvern Malti għall-bidla li kienet ser issir fl-iskeda tal-Programmi bil-lingwa Maltija mill-SBS Radio, imma wkoll biex ninsisti mal-Bord tal-SBS biex jirrevedi u jerġa jikkunsidra d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tal-fondi għall-programmi bil-Malti. Ninsab infurmat li l-Kummissarju Għoli Malti f’Canberra ikuntattja personalment lis-Sinjura Wicks u żamm aġġornati lill-komunitajiet Maltin konċernati. Fl-27 ta’ Lulju 2015 il-Kummissarju Għoli nforma lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin li fuq din il-kwistjoni, il-Presidenti tal-kommunitajiet ikkonċernati iddeċidew li jieħdu l-passi neċessarji huma stess. Għaldaqstant fl-28 ta’ Lulju 2015 dawn il-Presidenti ħarġu dikjarazzjoni f’Media Release fejn minkejja li kienu argumentaw b’mod persważiv waqt video link mat-tim maniġerjali tal-SBS fit-22 ta’ Lulju 2015, l-SBS xorta waħda ma laqgħux it-talba tagħhom bil-konsegwenza li l-finanzjament għal dawn iż-żewġ programmi bil-Malti ma ġiex approvat. Għalhekk ġiet miġbura petizzjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – promozzjoni tad-diplomazija ekonomika

Question

Peress li l-Ministru kemm-il darba saħaq fuq l-importanza tad-diplomazija ekonomika, jista’ jgħid x’sar u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu biex jippromwovi d-diplomazija ekonomika?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellent li sa mill-bidu nett tal-leġislatura saħħaħna t-taqsima responsabbli mid-diplomazija kummerċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. L-għan ta’ din it-taqsima huwa proprju biex issir ħidma konkreta u iktar effettiva fil-qasam kummerċjali. It-taqsima hija responsabbli għal dawk l-inizjattivi u aspetti ta’ natura ekonomika li jinkludu: - Fl-2013 ġie mwaqqaf il- Joint Stakeholders Working Council (JSWC) li jlaqqa’ flimkien dawk l-entitajiet Maltin involuti fil-kummerċ u negozju. L-iskop tal-JSWC huwa li jippromwovi l-esportazzjoni u l-kummerċ u jattira iżjed investiment barrani lejn Malta billi jikkordina aħjar il-ħidma ta’ dawk l-entitajiet Maltin li jirrapreżentaw is-settur privat u l-intrapriża f’pajjiżna. Dan il-Kunsill jiltaqa’ darba fix-xahar. - It-taqsima kummerċjali jkollha kuntatt kontinwu ma’ Malta Enterprise, Trade Malta u l-Kamra tal-Kummerċ u oħrajn għal skambju ta’ informazzjoni fuq l-ekonomija Maltija. Din l-informazzjoni tiddaħħal fil- briefs li jiġu preparati għal qabel il-laqgħat formali u tintuża biex il-Ministeru jkun jista’ jippromwovi dawk is-setturi li jistgħu jattiraw investiment barrani. Il-Kuntatt mal-entitajiet imsemmija jiżgura ukoll sinerġija aħjar bejn il-Gvern u s-settur kummerċjali, billi dawn ikunu qed jiġbdu ħabel wieħed fl-istess direzzjoni fl-isforzi biex jesponu l-potenzjal ekonomiku Malti. - Tingħata assistenza lill-Ambaxxati, il-Konsolati kif ukoll lill-Konsli Onorarji fl-attivitajiet li jorganizzaw fil-pajjiż fejn huma akkreditati. Iktar minn hekk kull proposta kummerċjali li dawn iresqu lill-Ministeru tiġi diskussa internament u wara tintbgħat lill-entità konċernata għal azzjoni kif meħtieġ. - It-taqsima kummerċjali tipparteċipa regolarment f’laqgħat tal-Kunsilli tal-Kummerċ fi ħdan il-Kamra tal-Kummerċ li għalihom jattendu l-Ambaxxturi kif ukoll imprendituri li jagħmlu negozju mal-pajjiżi konċernati sabiex isir skambju ta’ ideat. - Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jagħti taħriġ lid-diplomatiċi Maltin qabel imorru posting dwar kif jistgħu jippromwovu aħjar lil Malta b’mod kummerċjali ’il barra minn xtutna. Dan isir b’koordinazzjoni mal-entitajiet kummerċjali. - It-taqsima taħdem iktar mill-viċin mal-Ambaxxaturi mhux residenti biex jorganizzaw attivitajiet relatati ma’ kummerċ u negozju. - Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jassisti u jiffaċilita diversi żjarat ta’ delegazzjonijiet kummerċjali u business seminars barra minn Malta. F’bosta drabi, il-Ministeru jipparteċipa permezz tar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew saħansitra f’uħud minnhom jattendi l-Ministru stess. Fl-2015, il-Ministeru kien involut biex iffaċilita numru ta’ żjarat barra minn xtutna fosthom fl-Oman, it-Turkija, l-Alġerija, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Italja, ir-Repububblika Ċeka u l-Isvizzera. - It-tisħiħ tad-diplomazija ekonomika kienet ukoll waħda mill-għanijiet taż-żjara uffiċjali tiegħi fl-Iran bejn il-5 u s-6 ta’ Marzu 2016. Waqt din iż-żjara, apparti l-laqgħat f’livell politiku, partikolarment mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, Mohammad Zarif, fejn sħaqt ukoll fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn iż żewġ pajjiżi, kelli laqgħat mal-Ministru tal-Industrija u Kummerċ, Mohammad Reza Nematzadeh, kif ukoll mal-President tal-Kamra tal-Kummerċ Iranjana, Mansour Khansari. It-taħditiet li nbdew issa jridu jkomplu fuq livell aktar kummerċjali u tekniku ħalli nfittxu dawk in-niċeċ li huma adatti għal imprendituri Maltin.

Attivitajiet organizzati bħala diplomazija kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ attivitajiet organizzati bħala diplomazija kulturali? Fejn saru dawn l-attivitajiet? Liema għaqdiet jew organizzazzjonijiet kienu nvoluti f’dawn l-attivitajiet? X’ħidma qed issir mill-Ministeru tiegħu f’dan ir-rigward għall-attivitajiet kulturali waqt iċ-CHOGM u waqt il-Valletta European Capital of Culture 2018?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn mindu twaqqaf il-Fond għad-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fl-2012 sa Diċembru 2015, kienu organizzati 64 proġetti kulturali barra minn Malta. Fl-2015 ukoll, għall-ewwel darba minn kemm ilu jsir il-Commonwealth Heads of Government Meeting, il-Ministeru, flimkien mal-Kunsill Malti għall-Arti organizza programm kulturali li kien jikkonsisti f'seba' proġetti kulturali fi ħdax-il belt li l-pajjiżi tagħhom huma membri tal-Commonwealth mifruxa f'ħames kontinenti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji tal-proġetti kulturali li saru bejn l-2012 u l-2015, inklużi dawk organizzati għaċ-CHOGM. Fir-rigward tal-attivitajiet marbuta mal-Belt Valletta bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018, id-Direttorat responsabbli mid-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru jassisti lill-Fondazzjoni Valletta 2018 f'dak kollu li jkollha bżonn minn pajjiżi fejn Malta għandha rappreżentanza diplomatika. Il-Fond għad-Diplomazija Kulturali jammonta għal €75,000 fis-sena.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – lista ta’ xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24799 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru ma ta l-ebda xogħlijiet lill-kumpaniji li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – lista ta’ xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24800 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji/individwu li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru ma ta l-ebda xogħlijiet lill-kumpaniji/individwu li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – lista ta’ xogħlijiet/konsulenzi/rapporti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24801 u jagħti lista sħiħa tax-xogħlijiet/konsulenzi/rapporti li tqabbdu jagħmlu l-kumpaniji/individwu li d-dettalji tagħhom qed jitpoġġew separatament mill-2013 sal-lum? Għal kull każ ta’ xogħol/konsulenza/rapport imqabbad, jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti, kemm sewa (jew huwa stmat li jiswa), meta ngħata, jekk ingħatax permezz ta’ tender jew direct order u min kien l-uffiċjal li talab ix-xogħol/konsulenza/rapport rispettiv?

Response (VELLA, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru ma ta l-ebda xogħlijiet lill-kumpaniji/individwu li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija.