Legislature:
Category:
Reset
Active:

Industrial Relations Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prijoritajiet għandu l-gvern dwar it-twaqqif ta' l-Industrial Relations Unit li kien wasal biex iwaqqaf Gvern Laburista?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proposta sabiex titwaqqaf "Industrial Relations Unit" kienet saret meta r-responsabilta' ministerjali għar-relazzjonijiet industrijali kienet taqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi waqt li r-responsabbilta' għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjiegi kienet taqa' taħt il-Ministeru għall-Ħarsien Soċjali. Issa li dawn ir-responsabbilitajiet jaqgħu kollha taħt Ministeru wieħed, jiġifieri l-Ministeru għall-Politika Soċjali, inħass li jkun jagħmel aktar sens li r-responsabbilta' kemm għall-kundizzjonijiet ta-xogħol kif ukoll għar-relazzjonijiet industrijali taqa' taħt Dipartiment wieħed. Fil-fatt wara li riċentement irtira id-Direttur tax-Xogħol, mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ħarġet sejħa għall-mili ta' vakanza ta' "Director (Employment and Industrial Relations). Ħafna mill-funzjonijiet li kienu antiċipati għall-"Industrial Relations Unit" se jkunu ukoll parti mir-responsabbilta' tad-Direttur il-ġdid. 22.3.99

Sigurta Soċjali — Benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament mhux qiegħda tirċievi l-ebda għajnuna mid-dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna konċernata ġiet mitluba tavviċina d-Dipartiment biex jiġi mistħarreġ il-każ tagħha. 22.3.99

Sigurta' Soċjali — Pensjoni tal-Wens

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna minn Birkirkara li isimha qed jintbagħat separatament ġiet rifjutata milli tingħata l-Pensjoni tal-Wens?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna konċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tal-każ tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. 22.3.99

ETC — Reġistrazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom anqas minn 25 sena? X'persentaġġ jirrappreżenta ta' dawk li qed jirreġistraw? Kemm hemm nies li qed jirreġistraw bejn il-25 u t-30 sena? X'persentaġġ jirrapreżentaw ta' dawk li qed jirreġistraw? Kemm hu t-total ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' nies li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol sa l-aħħar ta' Jannar 1999 kien ta' 7,528 persuna. Minn dawn hemm 2,199 persuna li għandhom anqas minn 25 sena, jiġifieri 29.2%; u bejn il-25 u 30 sena kien hemm 782 persuna (10.4%). 22.3.99

Djar — Akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jaf il-Ministru li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament qatt ma kellha fejn tirrisjedi u llum għadha tgħix ma' missierha flimkien mar-raġel u t-tifel tagħha? Jaf il-Ministru li għalkemm ilha tapplika ħames snin u indikat diversi indirizzi xorta baqgħat ma ngħatatx akkomodazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni qegħda tinġabar u risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 22.3.99

Segretarjat privat — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni mpjegati fis-segretarjat privat tiegħu? X'inhuma l-karigi, kwalifiki, esperjenza u x'inhu r-rwol ta' kull wieħed minnhom fis-Segretarjat Privat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 3451 Minn dak iż-żmien 'hawn, kien hemm żewġ persuni oħra li ġew ingaġġati b' kuntratt fis-Segretarjat Privat tiegħi. Dawn huma: (i) Is-Sur Alan Camilleri, li kien "Counselor" ma' l-Aġenzija SEDQA u li nħatar fil-pożizzjoni ta' "Communications Co-ordinator"; (ii) Is-Sur Ugo Callus li kien uffiċċjal pubbliku fil-grad ta' "Assistant Principal u li nħatar fil-pożizzjoni ta' "Office Co-ordinator". L-Onor. Interpellant jista' jsib aktar dettalji dwar r-rwol ta' dawn il-pożizzjonijiet kif ukoll ta' pożizzjonijiet oħra fis-Segretarjati Privati fid-dokument dwar 'l-ngaġġ ta' Mpjegati fis-Segretarjati Privati' li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. 22.3.99

San Vinċenz de Paule — Social workers

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jimpjega social workers f'St. Vincent de Paule għas-sena 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nahseb li jagħmel sens li d-Dipartiment għall-Kura ta' l-Anzjani jkollu numru ta' "social workers" li jkunu assenjati mar-Residenza San Vinċenz. Id-Dipartiment, fil-fatt, qed jistħarreġ din il-possibilta' u jien infurmat li, f'dan il-kuntest, diġa nbeda l-proċess sabiex jiġi stabbilit il-'complement' meħtieġ. 17.3.99

Benefiċċji soċjali — Home help

Question

Jista' l-Ministru jara li l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tingħata l-home help fid-dar tagħha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-każ ta' din l-anzjana ġie mistħarreġ u ġie deċiż li ma tingħatax l-għajnuna tas-Servizz tal-Home Help għax jidher li hija persuna ndipendenti li m'għandiex bżonn għajnuna sabiex tagħmel il-bżonnijiet tagħha ta' kulljum. 17.3.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'inhija l-proċedura attwali segwita mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali u jekk kemm-il darba huwiex possibbli li jiġi studjat mezz aktar veloċi ta' kif wieħed iħallas pensjonanti li ma jirċievux iċ-ċekkijiet tagħhom billi jkunu ntilfu fil-posta minn dak komunement mogħti ta' tliet ġimgħat xahrejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Rigward ċekkijiet tal-pensjoni li ma jkunux waslu fid-destinazzjoni tagħhom jew ġew mitlufa, il-pensjonant/a jagħmel rapport, billi jimla formola apposta f'wieħed mill-uffiċini distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali. Malli din il-formola tasal fis-sezzjoni tal-Computer, din tiġi ċċekjata u l-għada tintbagħat talba lill-Bank Ċentrali biex dak iċ-ċekk ma jkunx jista' jissarraf. Fi żmien ġimgħa nirċievu risposta li l-Bank ikun avża lill-banek kummerċjali u hekk minn tali data dan iċ-ċekk ma jistax jissarraf. Kull ġimgħa, id-Dipartiment jirċievi ċ-ċekkijiet imsarrfa flimkien mad-diska tat-tqabbil. Din tiġi pproċessata u l-pakketti taċ-ċekkijiet jiġu numerati. Hekk naraw jekk iċ-ċekk ikunx laħaq issarraf qabel ġie nfurmat il-bank. Fil-każ li jidher li baqa' ma ssarrafx sad-data msemmija fl-avviż tal-Bank Ċentrali, allura jinħareġ ċekk ieħor f'isem il-pensjonant/a. Dan il-perjodu kollu jieħu madwar tlett ġimgħat. Fl-opinjoni tiegħi, minħabba sigurta' biex ma jkunx hemm pagamenti doppji, dejjem trid tieħu madwar tlett ġimgħat b'kollox. Minkejja dan kollu, hija l-prassi tad-Direttur tas-Sigurta' Soċjali li fejn dan il-perjodu ta' stennija ser joħloq problemi finanzjarji fuq il-pensjonant, il-ħlas taċ-ċekk mitlub isir qabel iż-żmien stipulat. 17.3.99

Djar — Qormi - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm milli jiġu msewwija l-ħsarat li saru fil-pjan ta' isfel ta' Blk 2 f'Ta' Farsina Housing Estate, Triq id-Deheb Fin, Qormi, mill-Water Services Corporation biex biddlu s-servizz ta' l-ilma? Peress li din il-ħsara fil-madum ta' l-art li hija ta' periklu u ta' inkonvenjent għar-residenti f'dan il-blokk issa ilha xhur u minkejja l-assigurazzjoni li ġew mogħtija mill-Ministeru tiegħek li sa Frar 1999 dan ix-xogħol kellu jitlesta, sal-lum għadu ma sarx, jista' għalhekk il-Ministru jara li l-azzjoni meħtieġa biex dan ix-xogħol isir tittieħed minnufih?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Strettament dan ix-xogħol missu sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma. Biss jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar se jagħmel ix-xogħol wara sejħa għall-offerti li se toħroġ fil-gimgħat li ġejjin. 17.3.99

Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa — Każijiet ta' abbużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif fil-prattika d-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar każijiet ta' abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ? Kemm-il każ ġie rapportat mit-twaqqif ta' dan id-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għad-Drittijiet tan-Nisa jiġbed l-attenzjoni ta' l-awtoritajiet dwar abbużi a bażi ta' sess fil-media, fir-reklami, eċċ kemm b'mod formali kif ukoll informali skond iċ-ċirkostanzi. Dan isir permezz ta'ittri uffiċjali, tqassim u bdil ta' informazzjoni dwar l-"image" tal-mara fil-media, u telefonati lill-persuni konċernati. Ma tinżammx statistika dwar in-numru ta' każijiet li jiġu rappurtati fid-Dipartiment. 17.3.99

Sigurta Soċjali — SKA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' applikazzjonijiet tal-SKA li għandu quddiemu d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali? Kemm ilha l-aktar waħda pendenti? Meta huwa maħsub li jiġu mistħarrġa u finalizzati dawn it-talbiet pendenti? Peress li l-mediċini komplew jogħlew xahar wara l-ieħor, jista' l-Ministru jqis dawn it-talbiet bħala urġenti? Jekk iva, meta se jsiru l-arranġamenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' applikazzjonijiet tal-SKA, li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għandu pendenti, huwa ta' 1,023. Ħafna minn dawn l-applikazzjonijiet qegħdin jiġu maħduma u huwa maħsub li sa nofs April 1999, il-parti l-kbira tagħhom ikunu ġew finaliżżati. L-aktar applikazzjoni li ilha pendenti, waslet fid-Dipartiment fid-9 ta' Jannar 1998. Jiena nfurmat li r-raġuni għal dan id-dewmien kienet li l-applikant kien qiegħed jistenna li jneħħi t-'Trading Licence' minn fuq ismu. Dan huwa għamlu fis-27 ta' Frar 1999 u avża lid-Dipartiment fit-3 ta' Marzu 1999. Il-każ issa jista' jinħadem. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-għan ta' din l-Għajnuna hu sostenn finanzjarju addizzjonali ta' Lm5.90 fil-ġimgħa biex dik il-persuna tkun tista' żżomm dieta konformi maċ-ċirkostanzi tal-marda li tkun qed tbati minnha. Persuni li huma ntitolati għal din l-Għajnuna, huma ntitolati għall-Mediċini b'xejn bil-karta roża. Għaldaqstant il-prezz tal-Mediċini fis-suq ma għandu b'ebda mod jolqot lil dawn il-benefiċċjarji. 17.3.99

Sigurta' Soċjali — Impjegati b'degree

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu li jgawdu minn allowance għad-degree jew diploma li għandhom? X'inhuma s-suġġetti li huma ċċertifikati fihom? X'inhuwa x-xogħol li qegħdin jagħmlu bħalissa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. 17.3.99

Anzjani — Homehelp

Question

Jista' l-Ministru jelenka, sena b'sena, minn meta bdiet l-iskema tal-Homehelp għall-anzjani: (1) kemm nies applikaw għal din l-iskema; (2) kemm nies ingħataw dan is-servizz; (3) kemm kienu impjegati CSAs; (4) kemm swiet din l-iskema kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 16.3.99

Djar — Tiswijiet

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1972, jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol dwar tiswijiet ta' djar minħabba l-urġenza li hemm peress li sa l-10/1/99 kien għadu ma sar xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li x-xogħol indikat ser jingħata prijorita'. Madanakollu jien infurmat wkoll li dan jikkonsisti f'tibjid tat-tromba, xogħol li fih innifsu mhux urġenti daqs tibdil ta' katusi jew tiswija ta' soqfa. 16.3.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar tagħrif dwar il-kategoriji differenti ta' pensjonanti u skond id-dħul mill-pensjoni partikolari tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni li qed titlob l-Onor. Interpellant. Billi r-rati tal-pensjonijiet ivarjaw, l-istatistika tinżamm skond kategorija ta' dħul kif jidhru fit-tabelli. 16.3.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħal Qormi, Ħal Luqa u Santa Venera li jirċievu xi forma ta'pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda dwar Pensjonijiet Kontributorji u oħra dwar Pensjonijiet Mhux Kontributorji bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant. 16.3.99