Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur — Public Warning Statement - deċiżjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30450 u tgħid, kemm-il deċiżjoni tat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur ġew onorati wara li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ħareġ Public Warning Statement skont artiklu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onoroveli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistqosija Parlamentari 30479.

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-raġunijiet li minkejja l-fatt li fil-21 t’April 2015, il-Qorti Kostituzzjonali kienet diġà ddikjarat numru ta’ artikoli tal-Att dwar il-Kompetizzjoni jmorru kontra il-Kostituzzjoni, fit-8 ta’ Ġunju 2015 id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) impona multa amministrattiva ta’ €2,000 minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni abbażi għall-Artikolu 21 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li huwa wieħed minn dawk l-artikoli ddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni? Tista’ tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jirrifondi lura l-flus mħallsa wara li fl-appell il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat li dawn l-artikoli kienu kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u allura din il-multa amministrattiva qatt ma setgħet tiġi mposta ab initio?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-deċiżjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tirrigwarda kwistjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li huma differenti mis-sentenza hawn fuq imsemmija. Filwaqt li s-sentenza hawn fuq imsemmija kienet tirrigwarda l-impożizzjoni ta’ multa marbuta mal-ħrug ta’ stqarrija ta’ oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, il-multa ta’ €2000 ġiet imposta fil-kuntest ta’ konċentrazzjoni taħt ir-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet .

Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport annwali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29149, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn kellhom jgħaddu iktar minn disa’ xhur biex id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) jimponi multa amministrattiva ta’ €2,000 rigward notifika li saret l-Uffiċċju ghall-Kompetizzjoni f’Awwissu 2014 ai termini tar-Regolamenti tal-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet fejn tali notifika kellha ssir fil-2011?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-konċentrazzjoni daħlet fis-seħħ fl-2011. Dan sar bi ksur tar-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet peress li ma ġewx segwiti il-proċeduri kif stipulat fil-liġi. L-ebda passi ma ttieħdu mill-Uffiċċju fl-2011 u l-passi ttieħdu snin wara. Irrispettivament mid-data tan-notifika xorta jibqa l-fatt li n-notifika ma ġietx ippresentat fiz-żmien ta’ meta seħħet il-konċentrazzjoni u għalhekk id-Direttur Ġenerali ikkunsidra li kellu jimponi multa.

MCCAA – Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) – multi amministrattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27947 fejn intqal li ġiet imposta multa amministrattiva ta’ €1,000 fuq intrapriża fis-settur tal-edukazzjoni li xekklet l-investigazzjoni tal-Uffiċċju billi damet ma pprovdiet l-informazzjoni mitluba, tista’ l-Ministru tgħid meta din il-multa ġiet imposta u abbażi ta' liema artikolu tal-Att dwar il-Kompetizzjoni din il-multa ġiet imposta?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-multa ġiet imposta nhar it-13 ta’ Lulju 2015 skont l-artiklu 21 (6) tal-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Direttur Ġenerali Affarijiet tal-Konsumatur – Delayed Screening of Premier League Matches

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30463, tista’ l-Ministru tikkonferma li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali? Tista’ l-Ministru tikkonferma wkoll li d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma ħassx li kellu jqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fil-każ ta’ Delayed Screening of Premier League Matches, id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ma avviċinax awtoritajiet regolatorji oħra tal-konsumatur fiż-Żona Ekonomika Ewropea sabiex jikkonferma l-kontenut ta’ dak indikat fl-ittra mingħand il-FA Premier League mgħoddija lilu tramite l-operatur lokali u ma setax iqabbel dak li kien qed iseħħ f’Malta ma prattiċi f’pajjiżi oħra membri taż-Żona Ekonomika Ewropea u dan anki fid-dawl tal-konfidenzjalita’ tal-korrispondenza in kwistjoni. Saret riċerka estensiva mill-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur u rriżulta li l-kontenut tal-ittra tal-FA Premier League ikkonferma d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Każ Nru C-403/08, Football Association Premier League Ltd vs. QC Leisure.

Delayed screening of Premier League Matches

Question

B’referenza għall-każ rigward id Delayed Screening of Premier League matches tista’ l-Ministru tgħid jekk id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) ikkoordinax il-ħidma tiegħu mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) u mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni? Tista’ tgħid li fil-laqgħat li saru mal-operatur lokali dawn iż-żewġ entitajiet ġewx involuti fil-laqgħat?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li saret laqgħa mal-Awtorità ta’ Malta għall-Komunikazzjoni għall-koordinament tal-ħidma bejn iż-żewġ entitajiet għal liema laqgħa ma kienx preżenti l-operatur lokali. Fil-każ in eżami ma kienx hemm il-ħtieġa li ssir laqgħa mad-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) peress li l-każ ma kienx jikkonċerna lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni.

Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika — taħriġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’taħriġ qed tippjana l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika għas-sena 2017?

Response (DALLI, HELENA)

Fil-25 u 26 ta’ Mejju il-kummissjoni sa torganizza żewġ seminars dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul għal diversi professjonisti u dan sa jsir bil-għajnuna ta’ esperti barranin u Maltin. In-network ta’ l-NGOs għadu kemm waqqaf sotto kumitat għat-taħrig fejn dawk li jipprovdu servizzi ta’ taħrig qed jaħdmu flimkien biex jiġi evitat xogħol doppju u fl-istess ħin isir qsir ta’ nformazzjoni biex it-taħrig ikun dak li jeħtiegu l-entitajiet.

Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika – inizjattivi – messaġġi preventivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika biex twassal il-messaġġ preventiv lit-tfal u liż-żgħażagħ?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika, għamlet diversi kollaborazzjonijiet mal-istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni sabiex twassal il-messaġġ preventiv, kontra l-vjolenza domestika, lit-tfal u liż-żgħażagħ permezz ta’ dawn l-inizzjattivi li s’issa jinkludu: Kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Kurrikulum, tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni fejn twasslu toolkits għand l-għalliema tal-PSCD, kemm tal-iskejjel Primarji u Sekondarji sabiex jintużaw skont l-etajiet tal-istudenti u skont l-esiġenzi tal-klassi. Dan il-proċess li beda fis-sena skolastika 2014-2015 huwa kontinwu peress li dan l-materjal jistgħa jintuża kull sena. L-inizzjattiva li saret flimkien mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, saret ukoll mad-Dipartiment tal-iskejjel tal-Knisja. Fis-sena skolastika 2015-2016 il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika flimkien mal-Kummissarju għat-tfal bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, nedhiet kompetizzjoni tal-arti fl-iskejjel kollha tal-Istat, tal-Knisja, u l-skejjel Indipendenti. Bħala tgħalim fuq prevenzjoni, il-Kummissjoni għaddiet informazzjoni dwar dan is-suġġett lill-iskejjel bħala parti mill-inizzjattiva. Matul din is-sena skolastika 2016-2017, il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika qed tikkollabora maċ-Ċentru tal-Kurrikulum, tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sabiex il-Kummissjoni tiffinanzja ‘tool’ ta’ edukazzjoni permezz ta’ ‘Frienship Cards’, li minnhom t-tfal u ż-żgħażagħ jitgħallmu jiżviluppaw l-abiltajiet tagħhom biex jibnu relazzjonijiet b’saħħithom mal-familji tagħhom, ħbieb u persuni oħra li jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-ħajja. Matul l-istess sena, il-kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika ipprovdit tool edukattiva bl-isem DIGNITY li tghin lit-tfal u z-zghazagh jizvilluppaw valuri favur id-drittijiet umani u rispett ghad-diversita’. Tajjeb li wiehed isemmi li anki il-Fondazzjoni St Jean Antide permezz tal-programm SOAR tghamel sessjonijiet ta’ informazzjoni fl-iskejjel.

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – tnedija ta’ skills cards

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fuq l-inizjattiva tat-tnedija tal-iskills cards mill-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, hemmx il-ħsieb li jibdew korsijiet ġewwa Għawdex?

Response (DALLI, HELENA)

Il-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini diġa beda korsijiet tas-saħħa and sigurta’ ġewwa Għawdex u s’issa ġa tlestew b’suċċess żewg gruppi ta’ korsijiet.

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – skill cards – persuni Għawdxin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx sistema ta’ kif applikanti Għawdxin għall-iskills cards tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini, jistgħu jinqdew minn Għawdex stess?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-Għawdxin jistgħu japplikaw u jħallsu online jew inkella jirrikorru fl-eqreb Kunsill Lokali biex jiġbru l-formola minn hemm. Minn din is-sena l-Kunsill Konsultattiv tal-kostruzzjoni bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ghall Għawdex ser jibda wkoll jilqa applikazzjonijiet fil-Ministeru t’Għawdex stess.

Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini – sistema ta’ skills cards

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif miexja s-sistema tal-iskills cards tal-Kunsill Konsultattiv tal-Industrija tal-Bini u jekk hemmx snajja ġodda għal din is-sena?

Response (DALLI, HELENA)

S’issa ġa ġew introdotti 4 snajja b’diversi kategoriji u livelli b’success u għal din is-sena hemm ippjanat li nibdew dawn li ġejjin. · Project Manager · Construction site manager · Carpenter/shutter form worker · Scaffolding certifiers / installers · Lift installation / certification · Demolition · Brick Layers u Bennejja.

Awtorità dwar il-Mediċini – laqgħat u konferenzi tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema laqgħat u konferenzi se tkun qiegħda tospita l-Awtorità dwar il-Mediċini fil-kuntest tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali — deċiżjonijiet tal-Qrati kostituzzjonali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30127 u ċjoè: Peress li wara d-deċiżjonijiet tal-Qrati Kostituzzjonali ta’ April 2015 u Mejju 2016 fil-każ tal-Federation of Estate Agents vs Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), il-Ministru kienet qalet li hemm diversi liġijiet li jridu jiġu emendati, tista’ l-Ministru telenka dawn il-liġijiet u għal kull liġi tgħid liema huma dawk l-artikoli li se jiġu emendati? Tista’ tgħid meta se jiġi ppubblikat l-abbozz ta' liġi f'din ir-rigward?

Response (DALLI, HELENA)

F'dak li jaqa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru li mmexxi jien, l-emendi ser jiġu proposti fl-Att Dwar il-Kompetizzjoni, l-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u r-regolamenti dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet. Skont il-parir tal-AG id-deċiżjoni tal-Qorti għandha impatt fuq liġijiet oħra li ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru. Bħalissa ghaddej ix-xoghol fuq l-amendi li jikkoncernaw dak li jaqa taht l-MCESD, u meta jitlestew kollha, jgħaddu mill-proċess normali u jiġu ppubblikati.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — Spejjeż ta’ mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi spejjeż saru minn uffiċjali fil-ministeru tiegħu ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tagħha matul ix-xhur minn April 2013 sa Diċembru 2016?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.

MEUSAC – Core Group – laqgħat – membri Maltin tal-Parlament Ewropew

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, ġew mistiedna membri Maltin tal-Parlament Ewropew għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u kemm attendew?

Response (DALLI, HELENA)

Mill-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, Membri Maltin tal-Parlament Ewropew (MPE) ġew mistiedna għaxar (10) darbiet għal-laqghat tal-Core Group tal-MEUSAC u n-numru ta’ laqgħat li attendew huwa: MPE Attendenza Onor. Miriam Dalli 2 Onor. Alfred Sant 2 Onor. Marlene Mizzi 3 Onor. David Casa 1 Onor. Roberta Metsola 1 Onor. Therese Comodini Cachia 2

Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsilli

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux se jsiru laqgħat informali li jirrigwardaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’Malta waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill? Jekk iva, liema se jkunu dawn il-laqgħat? X’suġġetti se jittrattaw? Kemm huma mistennija li jattendu parteċipanti?

Response (DALLI, HELENA)

Ser ikunu organiżżati żewġ laqgħat informali li jittrattaw is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dawn il-laqgħat huma: i. Konferenza tripartitika dwar il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà ta’ gruppi vulnerabbli fuq il-post tax-xogħol. Din il-konferenza ser tinkludi wkoll il- ‘Good Practice Awards Ceremony’ organiżżata mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol. L-għan ta’ din il-konferenza huwa li titqajjem kuxjenza ikbar dwar il-ħtieġa li gruppi vulnerabbli jingħataw protezzjoni adekwata fuq il-post tax-xogħol billi jiddaħħlu miżuri speċifiċi għall-vulnerabbiltà li tkun teżisti. Ser ikunu kkunsidrati diversi gruppi vulnerabbli, fosthom ħaddiema żgħażagħ jew anzjani, nisa tqal, ħaddiema li jaħdmu fil-qasam marittimu, ħaddiema barranin, ħaddiema li jistgħu jsofru diskriminazzjoni fuq ix-xogħol, ħaddiema b’kuntratti atipiċi u dawk li jaħdmu għal rashom, u ħaddiema b’diżabbiltà. Huwa mistenni li għal din il-konferenza jattendu 220 parteċipant. ii. Laqgħa Plenarja tas-‘Senior Labour Inspectors Committee’ (SLIC) u Ġurnata Tematika. Il-Ġurnata Tematika ser tittratta s-suġġett tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi li jaħdmu f’dan il-qasam, u fost affarijiet oħra ser ikunu analiżżati l-miżuri li jittieħdu mid-diversi spettorati minn madwar l-Ewropa kollha biex jitħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ispetturi waqt li jissemmew eżempji ta’ prattika tajba. L-aġenda tal-Laqgħa Plenarja tas-SLIC hija organiżżata mill-Kummissjoni Ewropea. Huwa mistenni li għal din il-laqgħa jattenda mal-65 delegat u parteċipant ieħor.

Laqgħat ta’ Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – rwol ta’ Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid apparti l-laqgħat informali li se jsiru Malta, f’liema laqgħat oħra li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol se tkun rappreżentata Malta? F’liema kumitati li jittrattaw l-istess suġġett se jkollha rappreżentanza Malta? F’dawn il-laqgħat, Malta se jkollha xi rwol partikolari?

Response (DALLI, HELENA)

Fir-rigward ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol, Malta ser ikollha rwol, in rappreżentanza tal-Presidenza, f’dawn il-kumitati u, jew laqgħat: i. Advisory Committee for Safety and Health (ACSH) – Malta ser tkun rappreżentata fil-kapaċità ta’ President tal-Government Interest Group; ii. Government Interest Group (laqgħat separati) – President tal-grupp; iii. ACSH Bureau – membru; iv. Senior Labour Inspectors Committee (SLIC) – membru; v. SLIC Bureau – membru; vi. Atomic Questions Group – Rappreżentanza tal-Presidenza; vii. ACSH Working Party ‘Actions resulting from ex-post evaluation of OSH acquis’ – Rappreżentanza tal-Presidenza; viii. Social Questions Working Party – Rappreżentanza tal-Presidenza.

Dokumenti maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea – Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’pożizzjoni se tkun qed tieħu Malta fir-rigward tad-dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea f’nofs Jannar ta’ din is-sena li jikkonċerna l-evalwazzjoni tad-Direttivi li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol? Malta taqbel mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-Direttivi dwar dan is-suġġett m’għandhomx bżonn ta’ tibdil sostanzjali?

Response (DALLI, HELENA)

Il-konklużjoni prinċipali kif espressa f’dan id-dokument maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea hija li d-Direttivi dwar saħħa u sigurtà huma effettivi u ‘fit for purpose’ u m’għandhomx bżonn reviżjonijiet prinċipali. Fil-fatt il-Kummissjoni qed tipproponi li jkun hemm aġġornar tekniku ta’ sitt Direttivi u ta’ numru ta’ Annessi fid-Direttivi. Il-kummissjoni qed tipproponi wkoll l-iżvilupp ta’ numru ikbar ta’ dokumenti gwida ntenzjonati għall-intrapriżi żgħar, waqt li ser tippromwovi l-użu ta’ għodda elettroniċi interattivi. Miżuri oħra li qed tipproponi l-Kummissjoni jikkonċernaw l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ħaddiema domestiċi, u problemi psikosoċjali, muskuloskeletali, u dawk relatati mad-diversità fuq ix-xogħol. B’mod ġenerali, Malta taqbel ma’ dawn il-konklużjonijiet, u b’mod partikolari tinnota b’sodisfazzjon li ser jittieħdu wkoll miżuri mill-Kummissjoni intiżi li jnaqqsu piżijiet burokratiċi żejda fuq l-iStati Membri relatati mal-implementazzjoni tad-Direttivi.

NGOs u entitajiet pubbliċi – settur ta’ ħidma kontra l-vjolenza domestika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-miżuri li qegħdin jittieħdu biex jissaħħaħ il-kordinament bejn id-diversi entitajiet pubbliċi u NGOs fis-settur tal-ħidma kontra l-vjolenza domestika?

Response (DALLI, HELENA)

Qed isiru diversi inizjattivi biex jitjieb il-kordinament fosthom; 1 Twaqqaf network ta’ NGOs li jaħdmu fis-settur li jiltaqa’ regolari u jitrattaw hwejjeg komuni li jghinu it-tishih tas-servizzi. Dawn ukoll jiltaqghu ma’ ufficjali minn entitajiet pubblici biex jiddiskutu u jwittu hwejjeg biex ghin it-titjieb ta’ l-operat. 2 Il-kummissarju jiltaqgħa regolarment ta’ ufficjali anzjani minn diversi entitajiet biex ukoll jitjieb l-operat u l-kordinament. Irrid nghid li qed ikun hemm hafna koperazzjoni minn dawn l-ufficjali pubblici. 3 Qed isiru preparazzjonijiet biex titwaqqaf task force bejn diversi operaturi pubblici biex flimkien jikkordinaw l-inizjattivi li johorgu mill- progett ta’ l-UE li applika ghalih id-direttorat ghad-drittijiet umani. Din it-task force tohrog minn dan il-progett imma sa tkun strument ghal aktar kordinament u zvillup fis-settur. 4 Fil 25 u 26 ta’ Mejju il-kummissjoni sa torganizza zewg seminars dwar il-konvenzjoni ta’ Istanbul ghal diversi professjonisti u dan sa jsir bil-ghajnuna ta’ esperti barranin u Maltin. Hawn ukoll irid nghid li il-partecipazzjoni tas-settur pubbliku kif ukoll mill-NGOs huwa nkoragganti hafna.