Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kumpannija Nazzjonali tad-Drama

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni li jagħmlu parti mill-Kumpannija Nazzjonali tad-Drama? Jista' jgħid ukoll x'ħidma wetqet fl-aħħar sena u x'hemm ippjanat għall-futur?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi sallum ma' teżistix Kumpannija Nazzjonali tad-Drama u għalhekk ma nista' nagħti ebda informazzjoni dwar l-operat tagħha. Jista' jagħti l-każ li l-Onor. Abela qed jirreferi għal xi entita' oħra u allura nistiednu jispeċifika x'inhi l-informazzjoni li għandu bżonn ħalli nkun nista' nipprovdiha.

Ħaż-Żabbar — Restawr tal-Mużew

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx irċieva xi talba mill-kappillan jew mill-parroċċa ta' Ħaż-Żabbar għal għajnuna ta' xi tip jew ieħor marbuta mar-restawr u l-ftuħ mill-ġdid tal-Mużew li jinsab fl-istess parroċċa biswit is-Santwarju?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li fl-1999 kienet saret talba lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni biex tingħata għajnuna finanzjarja biex isir xogħol ta’ tiswija tas-saqaf ta’ dan il-Mużew. Fis-sena 2000 kienet saret talba biex tingħata allokazzjoni alternattiva għall-esibiti tal-Muzew sakemm isir ix-xogħol. Minkejja li kienu saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati, dawn il-laqgħat ma tawx riżultati pożittivi.

Kottonera — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid min hu nkarigat mis-sigurta' tal-kumpless sportiv tal-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-Sigurta' tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, bħall-kumplessi sportivi oħra taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Malti għall-Isport. L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf li l-Kumpless Sportiv tal-Kottonera huwa taħt il-ħarsien tas-sigurta' 24 siegħa kuljum. Matul il-ġurnata dan ix-xogħol isir minn impjegat tal-Kunsill Malti għall-Isport filwaqt li fil-ħinijiet l-oħra s-sigurta' tal-post hija f'idejn kumpanija tas-sigurta' privata taħt kuntratt mall-Kunsill Malti għall-Isport.

Żgħażagħ — Żjarat kulturali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inċentivi beħsiebu joffri l-Ministeru biex aktar żgħażagħ speċjalment gruppi organizzati tal-iskejjel iżuru mużewijiet u monumenti storiċi u kulturali f'Malta u Għawdex?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Aġenzija ser timpjega Public Programmes Manager li ser jieħu ħsieb li jikkordina proġetti ma' l-iskejjel, taħdidiet u fora pobbliċi fil-mużewijiet, siti u postijiet oħrajn fost affarijiet oħra.

Siti storiċi — Tiswija u manutenzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm intefqu s'issa matul din is-sena finanzjarja fuq siti storiċi u monumenti kemm għat-tiswija kif ukoll għall-manutenzjoni ġenerali? Jista' jgħid fuq liema siti/postijiet? Kemm kienu vvutati flus għal dan il-għan f'din is-sena finanzjarja? X'hemm proġettat għall-kumplament ta' din is-sena?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-flus li intefqu fuq siti storiċi u monumenti għall-manutenzjoni ġenerali u proġetti kapitali hu kif hawn fit-tabella. In-nefqa Rikorrenti approvata għas-sena 2003 kienet ta’ Lm1,170,000. In-nefqa Kapitali approvata għas-sena 2003 kienet ta’ Lm400,000. Dan ma’ jinkludiex it- ticketing – Lm 100,000 u dan il-proġett miexi skond il-programm stabbilit. Muż /Siti Nefqa 2003 Stima Approvata Nefqa sa issa Rikurrenti Kapitali Kapitali Siti Arkajeloġiċi 10,000 3,276 Mużew ta’ l-Arti 2,048 20,000 3,394 Għar Dalam 177 5,000 Uffiċċju ewlieni – Triq il-Merkanti 1,238 97,500 12,861 Haġar Qim/Mnajdra 437 80,000 37,449 Ipoġew 2,469 5,000 3,091 Palazz ta’ l-Inkwiżitur 2,398 10,000 8,199 Mużew Marittimu 4,452 25,000 2,094 Unit ta’ l-Istorja tal-Militar 1,967 10,000 1,253 Mużew ta’ l-Istorja Naturali 1,043 10,000 3,354 Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkejoloġija 1,411 52,500 8,222 Roman Domus 37 60,000 9,042 Katakombi ta’ San Pawl 5,000 T-Tempji ta’ Ħal-Tarxien 407 10,000 18,083 400,000 92,236

Bormla — Xogħol fil-kumpless sportiv

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1804 u 1901, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-valur totali tal-ħlasijiet li saru fuq ix-xogħol tal-Kumpless Sportiv f'Bormla? Jista' jagħti breakdown skond it-tip ta' xogħol li sar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-valur totali ta' ħlasijiet li saru fuq ix-xogħol tal-Kumpless Sportiv f'Bormla huwa kif jidher hawn taħt :- Excavation Works Lm 123,429.87 Construction Works Lm 1,270,324.04 Mech. & Elect. Works Lm 199, 277.29 Finishes Lm 142,762.77 Planning, Project Manag., Misc. Lm 47,009.34 Total Lm1,782,803.31

Raħal Ġdid — Pace Grasso ground

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb għal ground ta' Pace Grasso? Jikkonferma jew le li kien hemm qbil li dan il-ground jiġi mogħti b'titlu ta' kera lill-MFA għal għaxar snin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Numru 1549.

Organizzazzjonijiet sportivi — Ħsarat kawżati mill-maltemp

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' organizzazzjonijiet sportivi, soċjali, kulturali, eċċ. li talbu xi forma ta' għajnuna sabiex jirranġaw il-ħsarat li kkawżalhom il-maltemp li ħakem il-gżejjer tagħna f'dan ix-xahar? X'passi ttieħdu u kemm-il talba ġiet approvata u kemm għadhom pendenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li jirriżultali li żewġ entitajiet għamlu talbiet formali għall-għajnuna għall-ħsarat. Dawn huma l- Malta Basketball Association u l- Malta Racing Club. Dawn it-talbiet qed jiġu evalwati, flimkien mar-rapport ta’ ħsarat li ġarrbu l-faċilitajiet immexxija mill-Kunsill Malti għall-Isport, partikolarment fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa. Sallum għadu għaddej it-tindif u nisperaw li ċerti xogħlijiet ta’ tiswija jaqbdu ritmu aktar mgħaġġel fil-jiem li ġejjin.

Kumpless Sportiv f'Bormla

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija numru 1804, jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-valur totali tal-ħlasijiet li saru fuq ix-xogħol tal-Kumpless Sportiv f'Bormla? Jista' il-Ministru jagħti breakdown skond it-tip ta' xogħol li sar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Pace Grasso football ground

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li hemm xi pjanijiet sabiex il-ground tal-football ta' Pace Grasso ma jkomplix jintuża għall-isport? X'se jsir minflok? Meta ġie ffirmat il-kuntratt mal-MFA u meta jintemm?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi fl-iżvilupp li qed jiġi ippjanat għall-ground tal-football ta' Pace Grasso il-faċilitajiet sportivi ser jiżdiedu u mhux jonqsu. Il-pjanti għadhom qed ikunu emendati. Madanakollu wieħed jista' jara l-pjanti mhemuża ma' l-outline application li saret mill-M.E.P.A. L-M.F.A. ma għandha l-ebda kuntratti iffirmati għall-użu ta' din il-faċilita'. Sakemm jibda x-xogħol fuq il-proġett, l-M.F.A. ser tibqa' tuża l-faċilita' normali. Inbdew diskussjonijiet mal-M.F.A. fuq x'arranġamenti jistgħu jsiru għall-użu tal-pitch tal-football fil-futur.

Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura — Ħatra ta' bordijiet u kummissjonijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħatru bordijiet u kummissjonijiet li jaqgħu fid-dikasteru tiegħu minn April 2003 sal-lum? Minn min huma magħmula? Jista' jgħid jekk għandhomx xi honoraria u benefiċċji oħra u jgħid x'inhuma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li minn April 2003 lil hawn inħatru 9 bordijiet / kummissjonijiet. Fir-rigward tal-Bordijiet, Kumitat tal-Garanzija, Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, Ċentru Malti għar-Restawr, Heritage Malta , Ċentru għall-Kreattivita’ nitolbu jagħmel riferenza għat-tweġibiet li tajt fil-mistoqsijiet palamentari numru, 1491, 1493, 1494, 1495, 1508, rispettivament. Il-Bordijiet tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti, l-Orkestra Nazzjonali, l-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Arti u Kulturali, u t-Teatru Manoel huma kostitwiti kif ġej :- Fondazzjoni Patrimonju Malti Is-Sur Maurice Degiorgio Chairman L-Imħallef Giovanni Bonello Membru Is-Sur Joseph Brockdorff Membru Dott. Joseph Buttigieg Membru Is-Sinjura Marguerite Critien Membru Markiż Nicholas De Piro Membru Dott. Pascal A. Demajo Membru Dott. Albert Ganado Membru E.T. John Lowell Membru Is-Sur John Manduca Membru Is-Sur Joseph Sammut Membru Is-Sur Dennis Vella Membru Is-Sinjura Cecilia Xuereb Membru Is-Sur Lino Cuschieri Membru Dott. Michael Grech Membru / Segretarju M’għandhomx l-ebda onorarja u benefiċċji. L-Orkestra Nazzjonali Dott. Mario Tabone Vassallo Chairman Dott. Kenneth Zammit Tabona Membru Is-Sur Emy Scicluna Membru Is-Sn. Marlene Schranz Membru Is-Sn. Rosette Fenech Membru Is-Sur Alfred Thewma Segretarju Il-Kunsill Malti għ all-Kultura u Arti Prof. Joe Friggieri Chairman Is-Sur Josef Camilleri Viċi Chairman Dott. Paul V.Mifsud Segretarju Eżekuttiv Prof. Richard England Membru Is-Sur Norbert Attard Membru Prof. Mro. Charles Camilleri Membru Is-Sur George Glanville Membru Prof. Rev. Peter Serracino Inglott Membru Is-Sn. Lara Strickland Membru Is-Sur Charles Stroud Membru Is-Sur Alfred Massa Segretarju Onorarja : Chairman ( non executive ) Lm 6,000 fis-sena Viċi Chairman/Diretturi Lm 1,200 fis-sena Direttur Eżekuttiv għandu kuntratt definit ta' kap eżekuttiv u għalhekk ma jieħux onorarja. It-Teatru Manoel Is-Sur Wilfred Kenely Chairman Dott. Peter Fenech Segretarju Is-Sn. Maria Ghirlando P.R.O. Is-Sur John Gatt Membru Is-Sur Andrew Sapiano Membru Dott. Paul Xuereb Membru Is-Sur Salvu Stellini Membru Is-Sur Alfred Buttigieg Membru Is-Sur Alfred J. Chetcuti Membru Is-Sn. Francesca Tranter Membru

Studji — Arti - Malta - EU - Ministeru għaż-Żgħażagħ u Kultura

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul l-2000, l-2001 u l-2002 u l-2003 kemm ġew ikkontrattati rapporti u studji fuq aspetti legali, aspetti ekonomiċi u fiskali u oħrajn, dwar id-dħul ta' Malta fl-UE? Jista' il-Ministru jgħid min huma n-nies li ġew maħtura sabiex iħejju tali rapporti u studji u jagħti dettalji dwar dawn in-nies?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Bħalma jaf l-Onor. Interpellant dan il-Ministeru ġie mwaqqaf wara li għadda r-Referendum, li Malta għandha ssir membru ta' l-Unjoni Ewropeja u jekk saru studji kif irrefera għalihom l-Onor. Interpellant dawn saru qabel dik id-data u għalhekk nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Rabat — Villa Rumana - xogħlijiet fil-mużew

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienu x-xogħlijiet kollha li kellhom isiru fil-mużew ta' Villa Rumana fir-Rabat? Dawn ix-xogħlijiet tlestew kollha? Jekk fin-negattiv, għaliex kien hemm id-dewmien?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li fil-Villa Rumana oriġinarjament kellu jsir biss xogħol ta’ manutenzjoni. Dan ix-xogħol inbeda fi Frar 2002. Iżda wara studju fuq l-interpretazzjoni tas-sit inħass il-bżonn li jsir ukoll xogħol ta’ rijabilitazzjoni intensiva. Dan ix-xogħol kien jinkludi tibjid, tibdil ta’ madum, u xogħol biex is-sit isir aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilita` billi jiġi stallat platform lift u jsir ukoll toilet ġdid għal dawn il-persuni. Dan il-proġett jinkludi wkoll xogħol intensiv fuq l-aperturi kollha tal-Villa Rumana u xogħol infrastrutturali biex tinbidel is-sistema ta’ l-ilma, drenaġġ u elettriku. Il-post kellu jiġi wkoll mgħammar b’sistema ta’ intruder alarm u fire detection system u sistema ta’ ventilazzjoni ġdida biex jiġi kkonservat aħjar il-mużajk Ruman. Sadanittant qed isir studju dwar il-possibilita li titqiegħed raised flooring għall-konservazzjoni aħjar tal-możajċi billi ma jkunx hemm kuntatt dirett. Il-proġett jinkludi wkoll restawr ta’ l-oġġetti esibiti fil-Villa Rumana. Dan ix-xogħol tlesta u sar miċ-Ċentru Malti għar-Restawr. Sar ukoll interpretative plan u l-proġett issa ser jinkludi wkoll xogħol biex tittella’ wirja permezz ta’ interpretation panels skond standards approvati. Hu maħsub li jkun hemm ukoll ħanut sabiex jinbiegħu oġġetti speċjalizzati. Meta beda x-xogħol oriġinali ta’ manutenzjoni ma kienx antiċipat li l-proġett se jiġi estiż biex jinkorpora dan ix-xogħol kollu. Dan id-‘dewmien’ kien dovut għall-fatt li kien hemm u għad hemm aktar xogħol xi jsir biex titlesta r-rijabilitazzjoni mixtieqa fuq dan is-sit.

Mużewijiet tal-gvern — Inventarju

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju aġġornat tal-ħwejjeġ kollha li jinsabu fil-mużewijiet tal-gvern? Jekk fl-affermattiv, dawn ingħataw lil Heritage Malta issa li din ilha li bdiet tiffunzjona mill-1 ta' Jannar 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li kull mużew tal-Gvern għandu l-inventarju tiegħu. S’issa dawn l-inventarji kienu qed jinżammu biss mill-kuraturi ta’ kull mużew individwali. Bħalissa qed jiġi imħejji programm ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji kollha eżistenti, u fl-istess ħin is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qed tlesti preparamenti biex jitwaqqaf inventarju nazzjonali kif titloob il-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali. Eżerċizzju ta’ aġġornament u verifika ta’ l-inventarji beda bi proġett speċifiku dwar ix-xogħolijiet ta’ l-arti li jeżistu f’dipartimenti, uffiċċini tal-Gvern, kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti. Hu maħsub li dan ix-xoghol ta’ aġġornament u verifika għandu jistlesta sa’ l-aħħar ta’ din is-sena. Wara dan il-proġett pilota, ser isiru oħrajn simili iffokati fuq kollezzjonijiet nazzjonali oħra. Dwar l-inventarju nazzjonali, is-Sovrintendenza dalwaqt tipubblika tender għax-xiri ta’ sistemi elettroniċi u ta’ informatika, ta’ inventarji skond standards internazzjonali. Dan l-inventarju ser jiġbor fih struttura waħda, diversi inventarji ta’ oġġetti jew xogħolijet ta’ l-arti li jinsabu f’ mużewijiet, kif ukoll inventarji ta’ arkivji, dokumenti, fotografija u media oħra li jinsabu f’ kollezzjonijiet nazzjonali.

Kottonera — Kumpless sportiv - attivitajiet sportivi

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-attivitajiet sportivi li qegħdin jiġu organizzati fil-kumpless sportiv tal-Kottonera? Kemm miż-żgħażagħ li jattendu ġejjin mill-Kottonera?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li filwaqt li mhuwiex l-għan ewlieni tal-Bord tat-tmexxija tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera li jorganizza attivitajiet sportivi, huwa jħajjar għaqdiet lokali u internazzjonali li jorganizzaw fih il-kompetizzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom. Minbarra l-kompetizzjonijiet tal-volleyball fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Zagħar ta' l-Ewropa, ġew miżmuma b'suċċess tournament internazzjonali tal-weightlifting u l-FISTF Table Football World Cup. Jeżistu diġa kuntatti oħra għal tournaments internazzjonali fix-xhur li ġejjin. L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Volleyball qiegħda tagħmel użu mill-Kumpless bl-organizzazzjoni ta' l-attivitajiet regolari tagħha bi tħejjija għall-kampjonati nazzjonali ta' l-istaġun li ġej. Numru ta' għaqdiet oħra diġa' bdew iżommu l-laqgħat amministrattivi tagħhom fil-Kumpless. Ingħata aċċess wkoll għal attivitajiet kulturali u edukattivi. Huwa maħsub li l-iskejjel governattivi tal-viċinanzi ikollhom ukoll aċċess estensiv għall-Kumpless. Mit-18 ta' Ottubru kull nhar ta' Sibt filgħodu il-kumpless ser jibda jkun faċilita' ewlenija fejn isiru l-attivitajiet ta' Skolasport. Il-Bord tat-tmexxija iltaqa' ma 23 entita' li wrew ix-xewqa li jagħmlu użu mill-Kumpless. Bħalissa qegħdin isiru l-aħħar tħejjijiet biex fi żmien qasir il-parti l-kbira ta' dawn l-għaqdiet ikollhom is-sede tagħhom bil-faċilitajiet li jkollhom bżonn fl-istess Kumpless. Hija l-politika tal-Bord li għaqdiet mill-inħawi tal-Kottonera jingħataw priorita' għall-użu tal-Kumpless, meta dan ikun mitlub u prattiku.

Bormla — Kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-kumpless ta' l-isport f'Bormla? Kemm fadlilhom x'jitħallsu l-kuntratturi? Dan il-ħlas se jsir sa l-aħħar tas-sena 2003?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant illi l-konsulenza, d-disinji u bills of quantities saru mill-Building and Engineering Department tal-Works Division u huwa mifhum li n-nefqa tal-kumpless qed jiġi evalwat minn dan id-Dipartiment. Sa l-aħħar ta' Settembru 2003, l-invoices li ġew ippreżentati u li kienu gew ippreżentati u li kienu għad iridu jitħallsu jammontaw għal Lm398,098.88. Rigward il-ħlas, saret talba lill-Ministeru tal-Finanzi biex jiġu pprovduti fondi kemm jista' jkun malajr biex il-ħlas ikun jista' jitwettaq.

Malta song festival — Membri

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Malta Song Festival? Għalkemm ġew maħtura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kumitat il-Ġdid tal-Malta Song Festival għadu jrid jiġi kostitwit.

Imnajdra — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Kumitat tal-Garanzija, is-Supretendent tal-Wirt Kulturali u Heritage Malta esprimewx l-opinjoni tagħhom dwar l-użu taż-żewġ barrieri fl-inħawi ta' l-Imnajdra bħala engineered landfill?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lil Onor. Interpellant li iva, l-entitajiet msemmija kollha esprimew l-opinjoni teknika u professjonali fir-rigward ta' l-użu taż-żewġ barrieri bħala Engineered Landfills fl-inħawi ta' l-Imnajdra. Is-Sovrintendent u Heritage Malta fasslu rapport konġunt li ntuża ukoll sabiex jitfasslu it-Terms of Reference ta' l-Environment Impact Assessment fuq l-Engineered Landfills.

Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura — Inizjattivi favur iż-żgħażagħ

Question

Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienu l-inizjattivi internazzjonali li ħa jew li qed jagħmel il-Ministeru favur iż-żgħażagħ minn wara l-elezzjoni 2003? F'kull każ, ittieħdu passi sabiex issir konsultazzjoni ma' Ministeri jew għaqdiet ta' NGO's li fihom hemm l-interessi taż-żgħażagħ fuq is-suġġett?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn wara l-elezzjoni 2003 : 1. Ġie mwaqqaf is-Segretarjat tal-Euromed Youth Platform. Malta ħadet l-inizjattiva li l-kwartieri ġenerali tal-Platform ikunu hawn Malta permezz ta' fondi mill-Unjoni Ewropea u b-koperazzjoni mill-Ministeru għaż-żgħażagħ u Kultura. L-għan ta' dan il-Platform huwa li jġib flimkien żgħażagħ mill-Ewropa u mill-Mediterran. Dan il-platform ġie varat Malta bejn is-17 u l-21 ta' Settembru 2003 permezz ta' laqgħa għal madwar 100 żagħżugħ u żagħżugħa mill-pajjiżi firmatarji tad-dikjarazzjoni ta' Barcellona kif ukoll mill-pajjiżi li ser jissieħbu fl-Unjoni Ewropea s-sena ddieħla. 2. B'inizjattiva bejn il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Gvern Malti, 30 youth leader minn diversi għaqdiet internazzjonali ġew Malta għal żjara ta' xahar. Matul din iż-żjara dawn il-Youth Leaders attendew kors ta' taħriġ li kien immirat biex jingħataw tagħlim fil-lingwa Ingliża partikolarment fuq terminoloġija relatata ma' xogħol fil-qasam taż-żgħażagħ; Jagħti l-faċilita' lill-parteċipanti biex : jsiru jafu aktar dwar il-ħajja politika, soċjali u kulturali ta' Malta; jiffamiljarizzaw ruħhom mad-diversi asptti tal-qasam taż-żgħażagħ fuq livell lokali, nazzjonali u internazzjonali. Jinkoraġixxi kuntatt bejn għaqdiet Ewropej taż-żgħażagħ; Jippromwovi aktar mobilita' fost iż-żgħażagħ. 3. 55 żagħżugħ/a Maltin ipparteċipaw mill-programm ta' skambji organizzati mill-Ministeru taż-Żgħażagħ u Kultura f'international youth meetings fil-Ġermanja u fl-Italja; 4. 6 Youth Leaders Maltin minn diversi għaqdiet mhux governattivi attendew training course ġewwa Peseckendorf fil-Ġermanja fuq stedina tal-Council of cultural youth education in the land Saxony-Anhalt, Germany. Diversi għaqdiet Maltin ġew mistiedna jinnominaw parteċipant; 5. Żewġ delegati żgħażagħ ser jirrapreżentaw lil Malta fil-First Education Youth Summit of the Commonwealth fl-Iskozja. Id-delegati ġew magħżula mill-Junior College. 6. Fil-ġranet li ġejjin mistennija tiġi delegazzjoni Ċiprijotta biex ikomplu jsiru laqgħat bl-iskop li jissaħħu r-relazzjonijiet eżistenti bejn dawn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam taż-żgħażagħ. Għal din iż-żjara qed issir konsultazzjoni mal-Young Enterprise. 7. Fis-settur kulturali saret ħidma sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet għal parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-aċċessibilita’ tagħhom għal siti storiċi fost dawn kien hemm il-kunċerti tat-12 ta’ Settembru b’ħidma ma’ Summer Schools, Workshops fiċ-Ċentru ta’ Kreattivita’ ta’ San Ġakbru. Matul dawn ix-xhur saret ħidma sabiex : Jitfassal il-programm ta’ ħidma għas-sena li ġejja. Il-ħsieb hu li jsiru aktar proġetti ta’ outreach f’lokalitajiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ u li d-Dipartment taż-żgħażagħ jaħdem akar fuq proġetti ta’ sħubija ma organizazzjonijiet bħal Sedqa. Matul dawn ix-xhur kompla għaddej ix-xogħol fuq it-tfassil ta’ politika nazzjonali għaż-żgħażagħ. Għall-ewwel darba din ser tkun bbażata fuq metodoloġija stabbilita’ mill-Kunsill ta’ l-Ewropa. Review team magħmul minn esperti żar Malta u tkellem ma’ diversi stakeholders. It-tfassil ta’ din il-politika issa wasal fi stadju avvanzat. Nhar is-Sibt 4 ta’ Ottubru sejjer ikun organizzat seminar ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet.