Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li fil-Bir Madonna taż-Żejt li hemm f'Kerċem, Għawdex għadu għaddej xi tħaffir għaż-żejt u qed isiru testijiet dwar dan it-tħaffir? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-imsemmija testijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant ġentilment mitlub jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 7923 u 8061.
Wara r-rakkmandazzjoni ta' l-Ombudsman biex mit-tqassim ta' nies jinqata' l-patronaġġ politiku u l-politika ta' "naqdu lin-nies tagħna", kien hemm xi diskussjoni fil-Kabinett dwar dam? Ittieħdet xi deċiżjoni minnek bħala kap tal-gvern biex din ir-rakkmandazzjoni ta' l-Ombudsman tiġi segwita u titwettaq?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija hi fin-negattiv.
Jiena dejjem emmint li l-patronaġġ politiku huwa ħazin u għalhekk dejjem għamilt kemm stajt biex jiġi eliminat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'miżuri konkreti beħsiebu jieħu l-gvern biex inaqqas id-daqs tas-settur pubbliku kif rakkomandat mill-UE u minn diversi aġenziji ta' kreditu internazzjonali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħalma żgur jaf l-Onor Interpellant, anke mill-esperjenza ministerjali tiegħu, hija l-mira ta' kull Gvern, inkluż dak preċedenti, li l-livelli fid-daqs tas-settur pubbliku ikun wieħed aktar razzjonali. Madankollu, dan hu process kontinwu li jitwettaq fuq medda ta' snin permezz ta' diversi inizjattivi li jittieħdu minn żmien għal żmien u li jkunu jiffurmaw parti minn strateġija wiesgħa u fit-tul.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-gvern f'dawn l-aħħar għaxar snin biex jiġi mtejjeb u ntrodott servizz jew servizzi komputerizzati fid-diversi dipartimenti taċ-Ċivil? Kemm intnefaq fuq software, fuq hardware u fuq training kull sena? Jista' jgħid kemm iffranka flus iċ-Ċivil f'dak li għandu x'jaqsam ma' tnaqqis f'manpower minħabba l-komputerizzazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal it-tħaffir għaż-żejt fil-bir ta' Kerċem? Kemm jonqos xogħol sakemm ikun magħruf ir-riżultat aħħari? Xi pjanijiet għandu l-gvern għal futur fejn jidħol tħaffir għaż-żejt?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li x-xogħol fil-bir f'Kercem għadu ma ntemmx u għaldaqstant għad m'hemmx riżultati ġodda. Ix-xogħol li jonqos isir jiddependi ħafna fuq l-esigenzi tekniċi.
Rigward il-pjanijiet fil-qasam tat-tiftix għaż-żejt dawn huma ndikati fl-aħħar publikazzjoni ta' l-Estimi tal-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'tip ta' xogħol huwa previst li jsir ġewwa l-uffiċini tal-livell tal-pjan terran ġewwa l-Auberge de Castille li fihom se jsir l-użu ta' l-hekk imsejjaħ "gypsum"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
F'dawn l-aħħar snin sar xogħol estensiv biex jiġu riabilitati l-uffiċini tal-livell tal-pjan terran ġewwa l-Berga ta' Kastilja. L-għan ewlieni kien li l-ispazju jiġi utiliżżat bl-aktar mod effiċjenti waqt li tiġi restawrata l-istruttura oriġinali tal-bini.
Ix-xogħol preżenti jikkonsisti fl-aħħar fażi ta' dan il-progett. Huwa maħsub li l-uffiċini msemmija jiġu attrezzati b'mod identiku għal dak użat għall-bqija tal-proġett sabiex tiġi assigurata l-uniformita fit-terran intier.
Għaldaqstant huwa previst li l-metodu ta' kisi tal-ħitan ġewwa l-uffiċini għandu jitkompla bil-gypsum.
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba hija kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħarraf lill-Kamra x'riżultati nkisbu wara t-tħaffir orizzontali li beda f'nofs April fil-livell ta' madwar 5,800 metru fond fil-Bir Madonna taż-Żejt f'Kerċem u wara testijiet li kellhom isiru fl-ewwel nofs ta' dan ix-xahar?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li x-xogħol fil-bir f'Kercem għadu ma ntemmx u għaldaqstant għad m'hemmx riżultati ġodda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' uffiċjali pubbliċi: a) fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni; b) fl-Awtorita' ta' l-Ippjanar; u c) fid-Dipartiment tal-Protezzjoni ta' l-Ambjent li għandhom permess jagħmlu xogħol barrani, inkluż xogħol ta' konsulenza? X'kontrolli hemm biex dawn ma jagħmlux xogħol barrani li jpoġġihom f'konflitt ta' interess?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Għar-rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 1431.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, ninsab infurmat illi skond paragrafu 7.1.11 ta l-Estacode, l-uffiċjali pubbliċi nfushom għandhom jevitaw kull interess finanzjarju jew ta natura oħra kif ukoll kull attivita oħra li tista direttament jew indirettament tikkomprometti l-qadi ta' dmirijiethom. F'ħafna każi, l-uffiċjal konċernat biss jista jkun jaf bil-potenzjal ta konflitt. Għalhekk huwa dmir ta' l-uffiċjali li jgħarraf lis-superjuri tiegħu jew tagħha kemm-il darba jkun hemm potenzjalment jew realment, konflitt ta' interess.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom il-gvern qed jikkonsidra li Malta għandha ssir membru ta' l-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD)?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Hemm diversi raġunijiet li għalihom Malta qed tikkonsidra li ssir membru ta' l-Organisation for Economic Co-operation and Development (OECD). Tlieta fost ir-raġunijiet ewlenin huma:
L-OECD hija organiżżazzjoni li tipprovdi lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri forum fejn janaliżżaw u jiddiskutu l-esperjenzi tagħhom fil-politika ekonomika u soċjali. Dan għandu jtejjeb it-tfassil tal-politika ekonomika ta' Malta.
L-OECD teżiġi sistema ta' statistika ekonomika komparabbli mill-membri fi ħdanha, li fil-preżent jammontaw għal disgħa u għoxrin. Dan ikun ta' vantaġġ kbir għal pajjiżna għaliex jipprovdi tqabbil dirett bejn diversi ċifri ta' l-istatistika ma dawk tal-pajjiżi ta' l-OECD. Dan ifisser ukoll li kull tabella wżata mill-OECD tibda tinkludi wkoll lil Malta u b'hekk pajjizna isir aktar magħruf internazzjonalment, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma żvilupp ekonomiku.
It-tielet raġuni prinċipali hija li l-OECD tipprovdi servizz ta' sistema ta' analiżi ta' kull ekonomija fi ħdanha (country reports). Din l-analiżi ssir b'mod indipendenti u tkun ippubblikata internazzjonalment. Tipprovdi tqabbil ta' l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżi li jinsabu fl-istadju ta' żvilupp ekonomiku simili għal tagħna. Dan kollu jsaħħah il-profil ekonomiku ta' pajjiżna mad-dinja fis-swieq internazzjonali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati li ħadmu fl-off tagħhom sabiex jinġabar l-iskart waqt l-istrike humiex se jieħdu xi ħlas ta' dan ix-xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Peress li l-istrajk tal-Ko-operativa ta' l-Indafa Pubblika ħoloq sitwazzjoni ta' emergenza, membri ta' l-Armata ssejħu biex jiġbru l-iskart. Minħabba f'hekk, suldati li kienu fil-ġurnata off tagħhom issejħu skond in-neċessita li kien hemm.
Ninsab infurmat li għalkemm f'każi ta' emergenza bħal ma hu dan, is-suldati huma mistennija li bħal dejjem jagħtu sehemhom mingħajr ma jitħallsu żejjed, dawk is-suldati li ħadmu iżjed siegħat minn normal ta' 47 siegħa fil-ġimgħa se jingħataw time-off-in-lieu bħala rikompens. Irrid ngħid ukoll li s-suldati kollha li daħlu għal dan ix-xogħol il-Hadd 6 ta' Ġunju 1999, se jitħallsu paga doppja skond ir-Regolamenti tas-Servizz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk gunner fil-Forzi Armati jistax ikun eliġibbli għal penz fuq bażi ta' seniority biss?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ir-Regolamenti tal-1970 dwar il-Forzi Armati ta' Malta (Nomini u Kundizzjonijiet tas-Servizz) (Forza Regulari) jistipulaw li l-promozzjonijiet tal-Gunners fl-Armata għandhom isiru fuq bażi ta' effiċjenza, anzjanita (seniority), kwalifiki u selezzjoni biex timtela vakanza.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'wieġbet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-punti mqajma fl-ittra li rċeviet mingħand il-GWU bid-data tat-12 ta' April, 1999 dwar il-mili ta' post ta' Kap fl-Adult Training Centre?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Kummissjoni jidhrilha li m'għandiex tagħmel pubbliku korrispondenza li hi jkollha ma organiżżazzjonijiet jew persuni li jikkomunikaw magħha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi se jieħu biex il-lista ta' preċedenza li hemm referenza għaliha f'mistoqsijiet parlamentari numri 6953 u 7329 issir waħda aċċettabbli?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
M'għandi xejn x'inżid mar-risposta li kont tajt bi tweġiba għad-domanda numru 7329.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tibda s-sistema tar-reduced hours għall-ħaddiema tal-gvern?
Jista' l-Prim Ministru jgħid min se jkun intitolat biex japplika għal din is-sistema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi s-sistema ta' siegħat imnaqqsa kif imħabbra fil-Ftehim Kollettiv għall-impjegati tal-Gvern ġiet fis-seħħ f'dawn il-ġranet.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn?
Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemm huma fl-ammont?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn fid-dikasteru tiegħi nxtrat karozza waħda mid-dipartiment tal-Policy and Planning tal-Management and Personnel Office għall-użu tad-Direttur.
Il-karozza Hyundai Accent GLS inxtrat mingħand Meridian Enterprises Co Ltd għall-prezz ta' Lm3801 wara li ntallbu quotations.
Fid-dawl ta' dak li ġara u li wassal għat-tħassir tal-proċess ta' l-għażla ta' l-assistenti kapijiet għall-iskejjel primarji għaliex il-Management Efficiency Unit ma titqabbadx tanalizza n-nuqqasijiet li hemm fil-proċess u tirrikmanda rimedji biex dak li ġara ma jerġax jiġri?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-MUT qed titlob li ssir inkjesta dwar in-nuqqasijiet li seta kien hemm f'dan il-każ u għaldaqstant għad irid jiġi deċiż jekk hemmx bżonn li jsir dan.
Peress li fi kliem il-Prim Ministru stess hemm "diffikulta' dwar disponibbilta' ta' art pubblika f'Għawdex" biex l-aħwa Agius ta' 10, Triq Monġur, Għarb ikollhom fejn jagħmlu razzett, jista' l-gvern jikkumpensahom bi flus flok art għax għaddejjin is-snin u l-aħwa Agius qed jiġu mċaħħda mill-ġustizzija għax justice delayed hija justice denied?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie nnutat. Sakemm tittieħed deċiżjoni aħħarija dwar id-disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex għall-iskop in kwestjoni, jibqa jsir kull sforz biex, jekk jista jkun, ir-rakomandazzjoni tal-Kummissjoni tiġi mplimentata kif inhi.
Jekk jirriżulta li l-problema ta disponibilita ta' art pubblika f'Għawdex tibqa tippersisti, allura wieħed ikun jista jagħti konsiderazzjoni xierqa għas-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jibgħat platoom Maltin barra minn Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Gvern jieħu d-deċiżjoni dwar il-jekk, kif u meta għandu jibgħat xi suldati fuq dmirijiet barra minn Malta skond iċ-ċirkostanzi dwar xi avveniment partikolari.