Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #8193 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Petrol/diesel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża mill-5 ta' Settembru 1998, sal-21 ta' Ġunju 1999 f'petrol jew diesel għal użu tal-karozzi tal-Ministeru tiegħu, karozza b'karozza? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll kemm laħqet l-ispiża fl-istess perjodu f'petrol jew diesel għal użu tal-karozzi tad-diretturi u chairmen li jaqgħu b'xi mod taħt wieħed mid-dekasteri tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi n-nefqa totali f'petrol jew diesel għall-użu tal-karozzi fil-Ministeru, għall-perjodu Frar/Ġunju 1999. Nirreferi l-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 4264 rigward il-perjodu Settembru 1998/Jannar 1999. Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-Kamra, tabella ohra dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija li wkoll tagħmel paragun ma infieq f'diesel u petrol ta' karozzi ta' diretturi u chairpersons fid-dikasteru ta' dan il-Ministeru f'perjodu simili taħt l-amministrazzjoni ta' qabel.
Leg 9 PQ #8604 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Interim From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers fiċ-Ċivil minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar, u f'liema kategoriji kienu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8833 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tiġi pubblikata edizzjoni riveduta ta' l-istaff list ta' l-impjegati tal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi m'hemmx ħsieb immedjat biex tiġi ppublikata edizzjoni riveduta ta' l-istaff list ta' l-impjegati tal-Gvern. Ta min jgħid li l-aħħar staff list ġiet ippubblikata fl-1997 u li din kienet turi l-pożizzjoni tas-Servizz Ċivili kif kienet fl-1 ta' Jannar, 1997.
Leg 9 PQ #8834 Sitting 135 1999-07-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Segretarji Permanenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'perċentwali ta' bonus ħadu s-segretarji permanenti skond l-aħħar awards li saru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-perċentwali ta' performance bonus li ħadu s-Segretarji Permanenti għas-sena 1998 kienu kif jidhru hawn taħt: 15 - 13% 12 - 8% 7 - 1% 0% 5 12 - -
Leg 9 PQ #8320 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti governattivi — Assistenti Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li jintemm il-proċess ta' l-għażla għall-Assistenti Diretturi fid-diversi dipartimenti governattivi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi billi din hija l-ewwel darba li qiegħed isir ezerċizzju ta' din ix-xorta, mhux faċli li tingħata data ta meta sejjer jintemm il-proċess ta' l-għażla, ukoll minħabba l-għadd kbir ta' applikazzjonijiet u bordijiet ta' l-għażla. Madankollu, ninsab infurmat ukoll li qed isir kull sforz biex dan il-proċess jintemm kemm jista jkun malajr, u possibilment, fi żmien tlett xhur minn meta jibdew l-intervisti. Dawn mistennija jibdew fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #8321 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Assistenti kapijiet - Intervisti

Question

Il-gvern aċċetta t-talba tal-Malta Union of Teachers li ssir inkjesta dwar il-każ tat-tħassir tar-riżultati ta' l-interviews għall-Assistenti Kapijiet ta' l-iskejjel primarji mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li għad irid jiġi stabbilit jekk wieħed jistax legalment jagħmel inkjesta taħt l-Inquiries Act peress li dan hu każ tal-PSC. Jekk id-deċiżjoni tkun fin-negattiv, trid tkun il-PSC stess li tiddeċidi jekk għandix tagħmel inkjesta jew le.
Leg 9 PQ #8827 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Billi l-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku ffirmat bejn l-unions u l-gvern fl-14 ta' Diċembru 1998, section 3.2, jgħid li għandu jsir eżerċizzju korrettiv bil-għan li jirrimedja anomaliji li kienu nħolqu f'ċerti gradi/kategoriji u billi dan l-eżerċizzju kellu jkun iffinalizzat sa l-aħħar ta' Marzu 1999, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħdidiet u meta dan l-eżerċizzju, fejn jikkonċerna l-ħaddiema tas-Servizz Ġenerali, se jiġi konkluż?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi sad-data tal-Ftehim Kollettiv kienu waslu fil-Management and Personnel Office 32 ilment minn Unions differenti għall-eżerċizzju korrettorju. Minn dawn 17 ġew konklużi, 8 qegħdin jiġu diskussi mal-Unions, filwaqt li s-7 l-oħra għad iridu jiġu diskussi. L-ordni ta' kif jiġu ttrattati l-ilmenti jsir bi qbil ma l-Unions. L-MPO rċieva 17-il ilment ġdid wara li ġie ffirmat il-Ftehim Kollettiv. Minn dawn 5 ġew konklużi, 3 qegħdin jiġu ttrattati u 9 għad iridu jiġu diskussi. Minħabba l-ilmenti ġodda, u wkoll minħabba li xi wħud minn dawn l-ilmenti jinvolvu fihom infushom gradi differenti u allura jirrikjedu numru ta' laqgħat, ma kienx possibli li dan l-eżerċizzju jispicca sa l-aħħar ta' Marzu. Jien infurmat li d-diskussjonijiet dwar is-Servizz Ġenerali ser jibdew fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #8830 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm talbiet biex direttorati fi Skala 5 jitilgħu għal Skala 4 u minn Skala 4 jitilgħu għal Skala 3?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi hemm tlett talbiet biex direttorati fi Skala 5 jitilgħu għal Skala 4. M'hemm ebda talba biex direttorati fi Skala 4 jitilgħu fi Skala 3.
Leg 9 PQ #8831 Sitting 134 1999-07-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent każi mill-grad ta' uffiċjal prinċipali 'l fuq fis-servizz ġenerali fejn qegħdin jittieħdu proċeduri legali quddiem xi qorti kriminali f'Malta u Għawdex kontra l-uffiċjali pubbliċi skond kull grad?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi hemm każ wieħed ta' uffiċjal pubbliku fil-gradi tas-Servizz Ġenerali fil-gradi minn Uffiċjal Prinċipali 'l fuq, li qegħdin jittieħdu passi kriminali kontrih fil-Qorti. Dan l-uffiċjal għandu l-grad ta' Principal.
Leg 9 PQ #8179 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Interim From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Refurbishment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'refurbishment u f'għamara ġdida fl-uffiċini tal-Ministeru u f'tad-Diretturi jew Chairmen li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-21 ta' Ġunju, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8517 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Flus għal ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid humiex se jitħallsu tas-sigħat żejda li ħadmu s-suldati ta' l-AFM fil-ħin hieles tagħhom, biex taw servizz t'emerġenza fil-għoti ta' l-iskart?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt fis-17 ta' Ġunju 1999 għall-mistoqsija numru 7837.
Leg 9 PQ #8656 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Tajpisti każwali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuni mpjegati bħala fulltime casual typists humiex uffiċjali tal-gvern? Jista' jgħid ukoll taħt liema kategorija jaqgħu? Jista' jgħid jekk iħossx li qed issir diskriminazzjoni ma' dawn il-ħaddiema, li ħafna minnhom ilhom aktar minn erba' snin f'dan ix-xogħol u minkejja l-fatt li jagħmlu l-istess xogħol bħal ħaddiema fl-istess grad tagħhom, iżda issa li bdew in-nofs ta' nhari qed jitħallsu pro-rata? Jidhirlu l-Prim Ministru li wasal iż-żmien li din l-inġustizzja tissewwa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi dawk il-ħaddiema tal-Gvern li jkunu mpjegati fuq bażi każwali, u li allura m'għandhomx ħatra li tkun għaddiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, mhumiex kunsidrati bħala uffiċjali pubbliċi (public officers) skond id-definizzjoni tal-Kostituzzjoni. Il-kategorija li taħtha jaqgħu dawn il-ħaddiema hija dik ta' mpjegati każwali u l-kundizzjonijiet ikunu dawk speċifikati fis-sejħa rispettiva għall-applikazzjonijiet. Kif imwiegħed fil-Programm Elettorali l-Gvern bi ħsiebu li l-ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala casuals isiru tal-fiss. Il-każ tat-tajpisti każwali tal-Gvern, ser jiġi kkunsidrat f'dan il-qafas.
Leg 9 PQ #8718 Sitting 133 1999-07-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Ingaġġar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni jsir ingaġġ ieħor fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm mistennija jiġu ngaġġati nies?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-ingaġġ ta' suldati fil-Forzi Armati ġiet ippublikata fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern numru 16801 ta' l-4 ta' Ġunju 1999. L-applikanti se joqogħdu għal eżami kompetittiv skond ir-Regolamenti tal-Bord ta' l-Ezamijiet Lokali Pubblici. Ninsab infurmat li l-ingaġġ proprju hu mistenni li jsir għal Ottubru u li b'kollox se jiġu ngaġġati madwar mitt suldat.
Leg 9 PQ #8146 Sitting 132 1999-07-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku — Operations manager (maintenance)

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' operations manager (maintenance) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba mogħtija mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni għall-mistoqsija numru 8145.
Leg 9 PQ #7970 Sitting 131 1999-07-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Recruiting centre

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskop li l-Forzi Armati għandhom recruiting centre meta mbagħad biex wieħed jidħol fil-Forzi Armati jkollu joqgħod għall-eżami pubbliku u miftuħ għal kulħadd?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li r-Recruiting Office tal-Forzi Armati jiġi attivat kull meta jibdew isiru preparamenti għar-reklutaġġ ta' suldati jew uffiċjali-kadetti. Għalkemm bħalissa hemm sejħa għall-applikazzjonijiet biex isir eżami pubbliku miftuħ għal kullħadd taħt il-kontroll tal-Bord ta' l-Eżamijiet Lokali Pubbliċi, ix-xogħol tar-Recruiting Office ta' l-Armata jkun meħtieġ f'diversi fażijiet tal-proċess kif ukoll wara li ssir l-għażla finali biex iwettaq l-ingaġġ proprju.
Leg 9 PQ #8524 Sitting 131 1999-07-06 Oral · Interim From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 7072 jista' l-Prim Ministru jaqsam l-informazzjoni: (1) skond il-gradi li fihom irtiraw l-uffiċjali pubbliċi; u (2) maqsumin f'irġiel u nisa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni li tinżamm f'dan l-Uffiċċju jistgħu jingħataw biss id-dettalji mitluba għas-snin 1996, 1997 u 1998. Din l-informazzjoni qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7857 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Mobile Phone

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu, 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ispiża ta' l-użu tal-mobile phone tiegħi minn Settembru 1998 sa Marzu 1999 laħqet Lm273.89. Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #8491 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fiera Internazzjonali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-iskop li fil-Fiera Internazzjonali ta' Malta li qegħda tittella' bħalissa fin-Naxxar qed jingħata spazju kbir għal stand ta' l-Unjoni Ewropea u stand fuq il-gżira ta' Malta ssib ftit li xejn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Gvern iddeċieda li din is-sena l-Padiljun ta' Malta fil-Fiera Internazzjonali fin-Naxxar bit-tema Il-Pass li jmiss, għandu jippromwovi l-ħidma li għamlet u qed tagħmel Malta li għandha twassal għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea.
Leg 9 PQ #7072 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm irtiraw nies mis-Servizz Ċivili mill-1989, sena b'sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'riferenza għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija numru 7072, qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jagħtu l-informazzjoni kollha mitluba mill-Onorevoli Interpellant. L-ewwel tabella, li tkopri s-snin 1989 sa 1991, turi figuri ta' dawk li telqu minn impjieg mal-Gvern għax irtiraw, irriżenjaw, jew għaddew bord mediku. Ninsab infurmat illi għal dawn is-snin ma jeżistux figuri għal dawk biss li rtiraw. It-tieni tabella tagħti l-informazzjoni għas-snin 1992 sa 1998 kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #7714 Sitting 129 1999-06-30 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5349, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartimenti daħlu jaħdmu il-475 persuna u f'liema grad daħlu jaħdmu? Kemm minnhom kienu jirreġistraw ma' l-ETC qabel ma ddaħħlu jaħdmu mal-gvern? Mill-interviewing board kollha fiċ-Ċivil, x'persentaġġ ta' dawn in-nies fuq dawn il-boards huma nisa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'riferenza għall-aħħar parti tal-Mistoqsija Parlamentari numru 7714, ninsab infurmat illi bejn l-ewwel ta' Dicembru 1998, sa l-aħħar ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku approvat 128 bord ta' għażla b'443 membru. Minn dawn, 68 kienu nisa - persentaġġ ta' 15 fil-mija.