Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #10032 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Dipartiment tat-Toroq - Diretturi

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal post ta'direttur fid-Dipartiment tat-Toroq?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm erba applikazzjonijiet għall-post ta' Director (Roads).
Leg 9 PQ #10043 Sitting 151 1999-10-07 Oral · Interim From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 1998 u 1999 kemm: (a) ingħataw promotions fis-Servizz Ċivili fil-gradi kollha tas-Servizz Ċivili; u (b) kemm kien ir-reklutaġġ fil-gradi kollha fis-Servizz Ċivili? Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu fil-preżent in-numru ta' persuni f'kull grad fis-Servizz Ċivili u kemm hu n-numru ta' vacancies f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #8586 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Xogħol nutarili

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn, x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll f'kull okkażjoni minn kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li mill-5 ta' Settembru 1998 sal-5 ta' Lulju 1999 ma kienx hemm xogħol nutarili fid-dekasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #8862 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il sejħa saret lill-Forzi Armati ta' Malta sabiex jassistu għas-salvataġġ/għajnuna lis-sajjieda u sidien ta' opri tal-baħar bejn Jannar u Ġunju, 1999, xahar b'xahar? X'qed tipprogramma l-Armata sabiex tkun aktar effiċjenti għal dan f'dan it-tip ta' servizz fuq il-baħar sabiex tipproteġi mill-periklu lil dawn fil-bżonn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' sejħiet għal assistenza mill-Forzi Armati minn sajjieda u sidien ta' opri tal-baħar matul il-perjodu bejn Jannar u Ġunju 1999 kienu kif gej: Jannar 15 Frar 29 Marzu 28 April 25 Mejju 23 Ġunju 25 Matul l-aħħar snin sar titjib sostanzjali fis-servizz ta' salvataġġ fuq il-baħar provdut mill-Forzi Armati. Minkejja dan, qegħdin isiru sforzi sabiex is-servizz ikompli jitjieb. Minbarra ż-żewġ SAR Boats ġodda li l-Forzi Armati akkwistaw dan l-aħħar, bħalissa qegħdin isiru arranġamenti biex jinxtara apparat Global Maritime Distress and Safety System biex jiġi nstallat fuq numru ta' Patrol Boats u fl-Operations Centre tal-Forzi Armati. Permezz ta dan l-apparat, għandhom jitjiebu l-mezzi ta' kommunikazzjoni kif ukoll tingħata għajnuna aktar f'waqtha. Il-metodi użati mill-iskwadri Marittima u ta' l-Ajru f'dan il-qasam jiġu kontinwament reveduti sabiex ikunu dejjem addattati għat-tip ta' xogħol konness ma salvataġġ u għajnuna lis-sajjieda u sidien ta'opri tal-baħar.
Leg 9 PQ #9926 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bord ta' l-Għażla — Sponsorship fil-Master Degree

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista dettaljata (isem, grad u kwalifiki) tal-persuni li ġew magħżula mill-Bord ta' l-Għażla għal sponsorship fil-Master Degree in Business Administration għal din is-sena? Fuq liema kriterji saret l-għażla?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant. Minbarra l-kriterji mniżżla fiċ-Ċirkolari MPO 53/99 li tagħha ukoll qiegħed nagħti kopja, kien hemm kriterji oħra li ġew stabbiliti mill-Bord ta' l-Għażla. Dawn kienu:- kwalifiki u potenzjal akkademiku; kapaċita, motivazzjoni u potenzjal għall-avvanz f'karigi għolja fis-Servizz Pubbliku; esperjenza ta' xogħol u żvilupp fil-karriera.
Leg 9 PQ #9999 Sitting 149 1999-10-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport dwar il-valuri Ewropej

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ dwar il-poll dwar valuri Ewropej li rrifera għalih pubblikament dan l-aħħar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nieħu din l-okkażjoni biex ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li f'Lulju 1998, Dr A Abela kien kiteb lill-Prim Ministru, Dr Alfred Sant sabiex il-Gvern jisponsorja l-istudju Values Malta 2000. Dr A Abela ma ngħata ebda tweġiba. Meta f'Settembru 1998, Dr A Abela reġa kiteb lill-Gvern preżenti, l-Gvern tiegħi deherlu li dan kien studju mportanti fuq valuri Ewropej u aċċetta li jkun sponsor ta' dan l-istudju. Dr A Abela ppreżenta rapport preliminari lill-Kabinett u fl-istess jum, it-Tnejn, 13 ta' Settembru 1999, id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni ħareġ Press Release Nru 1387 li ġabet fil-qosor ir-riżultat tas-Survey. Huwa mistenni li Dr A Abela jkompli jaħdem fuq analiżi komparattiva fuq l-informazzjoni miġbura u jippubblika l-konkluzjonijiet tiegħu. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport preliminari. Inżid li Dr A Abela huwa r-rapprezentant f'Malta tal-European Values Studies Foundation ta' l-Olanda.
Leg 9 PQ #9848 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' kandidati li għaddew mill-ewwel parti ta'l-eżami (physical efficiency test) għall-ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta (1999)? Kemm hu l-ammont ta' suldati li hu meħtieġ f'dan ir-reklutaġġ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal diversi mistoqsijiet oħra li saru dwar is-suġġett. Infakkru li peress li l-proċess ta' l-għażla qiegħed jitmexxa mill-Bord għall-Ezamijiet Lokali, l-ewwel parti tal-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni. Fir-reklutaġġ li jmiss hu mistenni li jiġu ngaġġati madwar mitt suldat.
Leg 9 PQ #9943 Sitting 148 1999-10-04 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra mill-ġdid il-każijiet ta' dawk il-membri fil-Forzi Armati ta' Malta li rtiraw mis-servizz minħabba l-policy kif indikata mill-Brigadier skond changes to the current officer and soldier retirement ages u dan wara statement li sar fuq l-AFM fil-Parlament fit-3 ta' Diċembru, 1997 u li wara tbiddlet il-policy fit-3 ta' Settembru, 1998 b'deċiżjoni tal-Kabinett kienu laħqu rtiraw minħabba u kaġun ta' l-ewwel policy? Jaħseb il-Prim Ministru li hemm każijiet li qegħdin isofru inġustizzja minħabba l-applikazzjoni ta' l-ewwel policy meta din tiġi komparata mal-policy riveduta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-policy applikata mill-amministrazzjoni ta' qabel dwar irtirar mandatorju ħesrem mis-servizz bejn l-1 ta' Jannar 1998 u l-5 ta' Settembru 1998 laqat numru ta' membri ta' l-Armata. Fil-fatt it-tibdil kosmetiku tal-policy b'deċiżjoni tal-Kabinett fit-3 ta' Settembru 1998, jumejn qabel l-elezzjoni, ma setax imiss lil dawk li kienu diġa rtiraw. Huwa fatt ukoll li din id-deċiżjoni tal-Kabinett fit-3 ta' Settembru 1998, (ovvjament meħuda mgħaġġla) ma kien se jkollha ebda effett fil-prattika. Il-reviżjoni serja saret minn din l-amministrazzjoni meta ddikjarat il-policy ġdida dwar l-irtirar b'notice ta' għaxar snin. Iżda, madankollu, mhux lok li nista niddikjara kienx, jew ma kienx hemm inġustizzja ma dawk li kellhom jirtiraw skond il-policy ta' l-amministrazzjoni ta' qabel. Naħseb li din id-dikjarazzjoni għandu jagħmilha min wettaq id-deċiżjoni oriġinali.
Leg 9 PQ #8554 Sitting 147 1999-09-29 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Roadblocks

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru roadblocks mill-Forzi Armati mill-5 ta' Settembru 1998, sat-30 ta' Ġunju, 1999 ġimgħa b'ġimgħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn il-5 ta' Settembru 1998 u t-30 ta' Ġunju 1999, il-Forzi Armati għamlu b'kollox 396 roadblock. Ġimgħa b'ġimgħa dawn kienu mqassmin kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #31 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri Parlamentari Laburista — Ittappjar ta' telephone

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk, minn Settembru 1998 sal-lum, approvax l-ittappjar ta' telephones, personali tad-dar jew ta' l-uffiċċju, ta' Membru Parlamentari Laburista?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

M’ghandi xejn x’inzid mat-Twegiba moghtija ghall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8273 fis-Seduta Numru 129.
Leg 9 PQ #66 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

RCC — Attentat ta' qtil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-ordni biex joħroġ il-file tal-pulizija mid-depot dwar l-attentat ta' qtil ta' Richard Cachia Caruana u jmur l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ngħatatx bil-miktub jew bil-fomm? L-Assistent Joe Cachia u s-Supretendent John Rizzo nformaw lill-Kummissarju George Grech qabel ħarġu dan il- file ? Kemm dam il- file Kastilja? Qed issir investigazzjoni biex jittieħdu passi kontra min naqqas f'dan il-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li t-talba minghand il-Ministru minghajr Portafoll, l-Onor Joe Mizzi sabiex jinghata l-file dwar l-attentat ta’ qtil tas-Sur Richard Cachia Caruana, ma kinitx bil-miktub. Il-Kummissarju tal-Pulizija ma kienx infurmat b’dan u l-file kien dam Kastilja ftit granet. Ninsab infurmat ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija nvestiga dan il-kaz u ma rrizultax li hemm lok ghal xi proceduri ulterjuri.
Leg 9 PQ #87 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw għal suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel? Kemm kienu dawk li għaddew mill- fitness test ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob l-Onorevoli Interpellant biex taghmel il-Mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #122 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Deputati parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru ġentilment jgħid kemm hemm deputati fil-leġislatura preżenti (miż-żewġ naħat tal-Kamra) li għaliex għandhom post ta' lecturer l-Universita' żammew l-impjieg tagħhom mal-gvern? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll kemm hemm deputati f'din il-leġislatura (miż-żewġ naħat tal-Kamra) li għaliex ma għandhomx post ta' lecturer ma' l-Universita' ta' Malta tilfu l-impjieg li kellhom mal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi fil-legislatura prezenti hawn zewg Deputati (wiehed fuq kull naha tal-Kamra) li zammew l-impjieg taghhom mal-Gvern ghax ghandhom post ta’ ‘lecturer’ ma’ l-Universita’ ta’ Malta. F’din il-legislatura hawn ukoll hames Deputati (tlieta fuq in-naha tal-Gvern u tnejn fuq in-naha ta’ l-Oppozzizjoni) li minhabba li m’ghandhomx post ta’ ‘lecturer’ ma’ l-Universita’ ta’ Malta ma setghux izommu l-impjieg taghhom mal-Gvern.
Leg 9 PQ #123 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Richard Cachia Caruna — Sigurta'

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux magħruf min ta l-ordni biex titneħħa is-sigurta' minn mal-vittma ta' attentat ta' qtil ta' Richard Cachia Caruana? Lil min ta din l-ordni? Din l-ordni kienet bil-kitba jew bil-fomm? Hi magħrufa r-raġuni wara deċiżjoni bħal din?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ordni sabiex titnehha l-protezzjoni minn mas-Sur Richard Cachia Caruana kienet inghatat bil-fomm lill-Kummissarju tal-Pulizija mill-Ministru minghajr Portafoll fl-Ufficcju tal-Prim Ministru. Dan gara minkejja l-oppozizzjoni cara tal-Kummissarju tal-Pulizija li baqa’ jinsisti li l-protezzjoni tibqa’. Dan l-agir tal-Ministru Joe Mizzi gie kkundannat mill-Ombudsman li kkonkluda li d-decizjoni ta’ l-istess Ministru Mizzi kienet hazina kif ukoll, in vista ta’ l-oppozizzjoni tal-Kummissarju, kienet tammonta ghal ksur tal-ligi, u cioe’ l-Att dwar l-Interpretazzjoni (Kap 249). Il-Kummissarju tal-Pulizija qatt ma nghata r-ragunijiet ghal din id-decizjoni. Kien biss fil-kors ta’ l-investigazzjoni li ghamel l-Ombudsman li s-Sur Mizzi spjega x’kienu r-ragunijiet ghala ha din id-decizjoni, liema ragunijiet ma gewx meqjusa bhala validi mill-istess Ombudsman. Dan ghalhekk kien kaz ta’ indhil mhux gustifikat minn Ministru fl-operat tal-Pulizija.
Leg 9 PQ #130 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri Parlamentari — Leave

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċirkolaritajiet ta' l-1998 fejn fiha ġie elenkat li membri parlamentari jistgħu japplikaw għall-leave without pay on grounds of public policy kif ukoll ikollhom dritt japplikaw għall-promozzjonijiet fid-dipartimenti rispettivi tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-Ċirkolari OPM/19/96 tas-17 ta’ Settembru 1996. Minn din iċ-Ċirkolari ’l quddiem, il-‘leave without pay’ li jingħata lill-impjegati tal-gvern biex jikkontestaw l-Elezzjonijiet Ġenerali u l-perjodu li jkunu servew bħala Membri Parlamentari jgħodd bħala ‘leave’ bla ħlas ‘on grounds of public policy’, jiġifieri bħala servizz mal-Gvern għall-fini ta’ ‘increments, progression’ minn skala għall-oħra, promozzjonijiet fuq bażi ta’ ‘progression’ u pensjoni. Dawk l-impjegati li jiġu eletti, jibqgħu meqjusa bħala li rreżenjaw sakemm ikunu Membri Parlamentari u ma jkunux jistgħu japplikaw għal promozzjonijiet oħra mal-Gvern qabel ma jiġu ‘re-instated’. Ma ħarġux ċirkularijiet fl-1998 dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #134 Sitting 145 1999-09-27 Written · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Richard Cachia Caruana — File konfidenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru ġentilment jispjega l-implikazzjonijiet li file kunfidenzjali tal-Pulizijadwar l-attentat ta' qtil ta' Richard Cachia Caruana, liema każ hu marbut ma' każ ieħor ta' traffikar kbir ta'drogi, jinħareġ mid-depot wara li jintalab mill-uffiċċju ta' l-ex-Prim Ministru Alfred Sant? Xi jfisser il-fatt li ritratti u informazzjoni oħra minn ġo dan il- file kunfidenzjali spiċċat f'idejn ġurnalisti tal- media Soċjalista? La darba bil-fatti din l-informazzjoni kunfidenzjali tal-Pulizija ġiet f'idejn il- media Soċjalista, kif wieħed jista' jserrah rasu li din ma ġietx ukoll f'idejn l-avukati ta' Ian Farrugia li t-tnejn inzertaw deputati Soċjalisti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ministru għandu dritt jitlob biex jara ‘files’ ta’ Dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu. Fil-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, jien infurmat li sakemm dam għand il-pulizija, qatt ma ħareġ xejn minn dan il-‘file’ fuq il-media. Kien biss wara li dan il-‘file’ intalab mill-Ministru mingħajr Portafoll ta’ dak iż-żmien, li bdew jidhru partijiet minn dan il-‘file’ fuq sezzjoni partikolari ta’ l-istampa. L-izvelar ta’ dokumenti u informazzjoni fl-imsemmi ‘file’ jista’ jwassal għal telf ta’ fiduċja mill-pubbliku fil-forzi ta’ l-ordni, liema fiduċja hija indispensabbli fis-soluzzjoni ta’ reati ta’ gravita bħal dawk imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. L-aħħar parti tal-Mistoqsija hija waħda ipotetika u għaldaqstant ma nistax inwieġeb għaliha.
Leg 9 PQ #8604 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru transfers fiċ-Ċivil minn Settembru, 1998 sal-lum, xahar b'xahar, u f'liema kategoriji kienu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ skedi li juru t-transfers, li saru xahar b'xahar, minn Settembru 1998 sal-5 ta' Lulju 1999. It-total ta' dawn it-transfers kien ta' 797. Dawn it-transfers huma maqsumin kif ġej: 236 impjegat li ġew trasferiti minn jew għas-Segretarjati Privati ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari wara l-bidla fil-Gvern ta' Settembru, 1998; 224 impjegat li ġew trasferiti fl-istess Ministeru bl-awtoriżżazzjoni tas-Segretarju Permanenti rispettiv; 337 impjegat li ġew trasferiti minn Ministeru għal ieħor bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office tal-Uffiċċju tiegħi. Minn dawn it-337 transfer ta' l-aħħar: 31 kienu ta' Uffiċjali Pubbliċi li qed jagħmlu xogħol ta' Segretarji fil-Kunsilli Lokali u li ġew trasferiti mid-Dipartiment sostantiv tagħhom għal dak responsabbli mill-Kunsilli Lokali; 25 huma skrivani li ntbagħtu Għawdex, bħala parti mill-inizjattiva biex is-sezzjoni tax-Short Term Benefits tad-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali tiċi trasferita għal Għawdex. Irrid ngħid ukoll li, minn barra numru zgħir ta' eċċezzjonijiet, it-transfers li saru bl-approvazzjoni tal-Management and Personnel Office saru fuq talba ta' l-individwu bi ftehim bejn id-Dipartimenti konċernati. It-transfers l-oħra saru għall-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #9064 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja — Ex-president tal-KSU

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħol ingħata f'Kastilja, l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, ex-president tal-Kunsill Studenti Universitarji? X'inhuma l-kondizzjonijiet ta' l-impjieg tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda kopja tal-kuntratt tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Interpellant qed jaħdem bħala Communications Co-Ordinator fl-Uffiċċju tiegħi. Il-Kundizzjonijiet ta' l-impjieg tiegħu huma skond id-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li kont poġġejt kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #9274 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeri — Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif inhi l-proċedura stabbilita u kurrenti li biha nħatru d-diretturi fil-ministeri skond kif imħabbra fil-gazzetta tal-gvern tat-2 ta' Lulju, 1999 skond legal notive 481?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjonijiet ta' diretturi li qegħda tirreferi għalihom l-Onor Interpellant imtlew fuq il-proċedura stabbilita, jiġifieri wara sejħa għall-applikazzjonijiet permezz ta' ċirkulari li toħroġ mill-Uffiċċju tiegħi. L-għażla ssir fuq rakkomandazzjoni tas-Senior Appointments Advisory Committee wara evalwazzjoni bir-reqqa ta' dawn l-applikazzjonijiet, u intervisti kif u jekk ikun meħtieġ, biex jiġu determinati l-kapaċitajiet u l-potenzjal ta' l-applikanti biex jimlew dawn il-karigi għolja.
Leg 9 PQ #9277 Sitting 145 1999-09-27 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 8604?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Tweġiba għall-mistoqsija numru 8604 ingħatat aktar kmieni f'din is-seduta.