Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkunsidra t-talba għal post tal-persuna li għandha file H117 u dan peress li hi single parent b'żewġt itfal u tgħix mal-ġenituri tagħha flimkien ma' ħutha f'post li issa sar żgħir ħafna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni H 117 ma tirrigwardax single parent, u ilha kkanċellata mill-1993.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hija separata legalment u qed tgħid li ma kien hemm l-ebda żieda fl-għajnuna soċjali li qed tirċievi meta r-raġel tagħha naqqas il-manteniment tiegħu minħabba li safa bla impjieg?Jista' jikkonferma jekk l-ittra uffiċjali ta' l-avukat tagħha dwar dan il-każ hijiex biżżejjed jew jekk hemmx bżonn rikors mill-istess avukat kif qalulha xi impjegati tad-dipartiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.

Refund

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni dettaljata lill-persuna under separate cover għal liema raġuni qed tintalab li tħallas lura s-somma ta' lm 1800 meta hi dejjem informat lid-dipartiment b'kull dħul li kellha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Ħaddiema Barranin — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti minn ħaddiema barranin li jaħdmu b'mod legali f'pajjiżna sena b'sena f'dawn l-aħħar 5 snin u matul dan l-aħħar 4 xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg ma tiddistingwiex bejn ilmenti magħmula minn ħaddiema Maltin u minn dawk magħmula minn ħaddiema barranin li qed jaħdmu b'mod legali f'Malta.

Konstribuzzjonijiet ta' l-NI

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li ma tħallsux kontribuzzjonijiet ta' l-NI minn: 1 self employed 2 kumpaniji privati sena b'sena matul dawn l-aħħar 5 snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minn Jannar 1998, il-ġbir u l-infurzar tal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali għadda taħt ir-responsabbilta' tad-Dipartiment tat-Taxxi Nterni. Għalhekk, dwar l-aħħar erba' snin nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward ta' l-informazzjoni għal perijodu qabel l-1998, ninsab infurmat li r-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar ħlas ta' kontribuzzjonijiet kienu jinżammu b'sistema manwali u fuq bażi ndividwali u għalhekk mhux possibbli li tinġabar l-informazzjoni kif mitluba. Irrid ngħid li f'Awissu tas-sena 2001, beda l-proċess biex ir-rekords tal-kontribuzzjonijiet imħallso mill-persuni assigurati kollha mill-1956 jinqalbu fuq sistema komputeriżżata.

Ilmenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti minn ħaddiema Maltin 1) b'kuntratt fiss 2) b'siegħat imnaqqsa 3) part-time 4) minħabba vittimizzazzjoni 5) minħabba fastidju sesswali 6) minħabba diskriminazzjoni 7) minħabba sensji kollettivi 8) minħabba mergers ta' negozji 9) minħabba trasferiment ta' negozji matul dawn l-aħħar 4 xhur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar erba' xhur, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg irċieva sitt ilmenti relatati ma' kuntratti fissi u tlett ilmenti relatati ma' mpjiegi part-time. Id-Dipartiment għadu ma jżommx statistika dwar il-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba għax l-ilmenti ndikati m'humiex koperti fil-liġi preżenti dwar il-kundizzjonijiet ta' l-impjieg.

Installazjoni ta' Lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li dawk ir-residenti tal-HE ta' Ta Xbiex fejn qed isiru il-lifts se jkollhom iħallsu Lm 1500 jekk ikunu xtraw l-flat? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan hux veru u kemm fill-fatt se jħallsu dawk li xtraw il-flat u dawk li qed jikru? Jidirlux il-Ministru illi l-Lm 1500 hija għolja u trid tiġi riveduta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lifts kollha installati mill-Awtorita' tad-Djar fi Blokki ta' appartamenti tal-Gvern, jiġu mħallsa mill-Awtorita'. Dawk ir-residenti li jkunu bil-kera ma jiġux mitluba jħallsu għall-ispejjeż ta' l-installazzjoni. Iżda dawk ir-residenti li huma sidien jintalbu jħallsu sehemhom mill-ispejjeż ta' l-installazzjoni a proporzjon tan-numru ta' l-appartamenti fil-Blokk. L-Awtorita' tad-Djar tissussidja lill-dawn is-sidien b'50% ta' l-ispejjeż.

Għajnuna għall-Bżonnijiet Speċjali

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'għajnuna tinsab presentement għall-ġenituri avvanzati fl-eta jew li huma morda li għandhom ulied bi bżonnijiet speċjali li qabżu t-tlettin sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba estensiva li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru W281, ninfurmah li din is-sena wkoll ġew ivvutati flus biex jitkompla l-proġett għall-Għejxien Issapportjat, imniedi s-sena l-oħra.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid tistax l-awtorita' tad-djar tara jistax jiġi stallat lift fl-appartamenti tal-gvern bl-indirizz 28D Triq Nofsinhar il-Belt peress li joqgħodu fihom anzjani/persuni b'diżabilita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma reċeviet ebda applikazzjoni għall-installar ta' lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant. Jekk f'dan il-blokk hemm xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita' din għandha tissottometti lill-Awtorita' applikazzjoni taħt Skema V.

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru totali ta' pensjonanti? Kemm huwa n-numru totali ta' nies li qed jieħdu l-pensjoni tal-invalidita'? Kemm huwa n-numru ta' nies li għadhom m'għaddewx mill-board tal-invalidita' iżda ġew mgħotija żmien temporanju ta' sospensjoni mix-xogħol sakemm jerġgħu jidhru quddiem il-board?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta' pensjonanti huwa ta' 56,097. Numru totali ta' nies li qed jirċievu l-pensjoni għall-Invalidita' huwa ta' 6,801. Għat-tielet parti tal-Mistoqsija, naħseb li l-Onor. Membru qed jirreferi għal dawk in-nies li jaħdmu fis-servizz pubbliku, u jkunu mogħtija estensjoni ta' sick leave sakemm jispiċċaw mix-xogħol minħabba mard. Dan il-bord mediku jissejjaħ mid-Dipartiment tas-Saħħa. Għaldaqstant nistieden lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.