Legislature:
Category:
Reset
Active:

AFM — Promotions/Appointments

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw promotions/appointments back dated u mhux back dated ta' surġent fl-Armata bejn Jannar u Diċembru 2003? Jista' jgħid min kienu l-uffiċjali li ħadu l-promotions/appointments, id-data ta' meta nħarġet il-promotion/appointment u f'każ li kienet back dated, id-data minn meta din kienet effettiva?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat li matul l-2003 ingħataw tliet promozzjonijiet ta’ Surġenti fl-Armata. Id-dati tal-ħruġ tal-promozzjonijiet kienu l-4 ta’ Frar, id-9 t’April, u l-14 t’Awissu rispettivament, pero’ d-data effettiva fil-każijiet kollha ġiet backdated għall-1 ta’ Jannar 2001, wara li ntlaqgħu rakkomandazzjonijiet ta’ l-Ombudsman. Ma nara l-ebda skop li ngħati dettalji ta’ min kienu l-individwi.

OPM — Kontijiet tad-Dawl u l-Ilma

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kontijiet tad-dawl u l-ilma matul is-snin 2004 u 2005 fil-ministeru tiegħu u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għandux pjan kif se jassorbi ż-żieda tas-surcharge fuq id-dawl meta l-vot allokat għal konsum tad-dawl għall-2006 baqa' bħal dak tas-sena 2005? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq bozoz energy savers matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid jekk hux qegħdin jittieħdu miżuri sabiex jitnaqqas il-konsum tad-dawl u f'każ li fl-affermattiv, x'miżuri qegħdin jittieħdu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-miżuri li qiegħdin jittieħdu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jonqos il-konsum tad-dawl huma li fejn jistgħu jiġu wżati bozoz energy savers waqt li kontinwalment isiru sforzi sabiex jitnaqqas il-konsum ta’ l-elettriku fl-uffiċini. Fir-rigward ta’ l-ispiża fuq dawl u ilma matul l-2004 u l-2005 fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kif ukoll l-infiq fuq bozoz energy savers matul l-istess perjodu, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A li turi l-informazzjoni mitluba. Fir-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjon i mitluba tinsab f’Tabella B li qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

OPM — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont globali ta' mobile phones użati mill-membri ta' l-uffiċċju tal-Prim Ministru u dak tas-Segretarju Parlamentari? Minn min qed jintużaw? Min awtorizza tali użu u kemm huwa s-ceiling għal kull mobile phone?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont globali ta’ mobile phones użati mill-membri ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hu ta’ 7, filwaqt li dak tas-Segretarju Parlamentari hu ta’ 5. Dawn il-mobile phones qed jintużaw hekk : A. Fil-każ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dawn il-mobile phones jintużaw mill-Prim Ministru, il-kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat, l-Assistent Segretarju Privat u l-Koordinatur tal-Komunikazzjoni. Mobile ieħor jintuża mill-persuna responsabbli mis-sigurta’ tal-Prim Ministru waqt safar uffiċjal biss u mobile ieħor jintuża skond il-bżonn ta’ l-Uffiċċju. B. Fil-każ tas-Segretarju Parlamentari, il-mobile phones jintużaw mis-Segretarju Parlamentari inniffsu, il-kap tas-Segretarjat, is-Segretarju Privat u l-Koordinatur tal-Komunikazzjoni. Mobile ieħor jintuża skond il-bżonn ta’ l-Uffiċċju. L-awtorizazzjoni ta’ kull mobile phone u c-ceiling huma skond il-proċedura stabbilita hekk kif spjegata mir-regolamenti tal-gvern li jirregolaw l-użu tal-mobile phones.

OPM — Mobile Phones

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm jew hemmx membru mill-istaff privat tiegħu li għandu għall-użu uffiċjali tiegħu iktar minn mobile phone wieħed u iktar minn linja waħda (fixed line) fir-residenza tiegħu? Jista' jikkonferma jekk l-ammont minfuq qabiżx l-ammont ta' Lm400 matul is-sena 2004 u 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm ħadd mill-istaff privat tiegħi li kellu għall-użu uffiċjali tiegħu aktar minn mobile phone wieħed u iktar minn linja waħda (fixed line) fir-residenza tiegħu.

Qagħda finanzjarja tal-gvern

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamnetari 18237, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk l-istatistika li tintbagħat lill-European Central bank hijiex ibbażata fuq accrual basis jew fuq cost basis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 18851 seduta 381.

Enemalta — Input VAT

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18275, jista' il-Prim Ministru jinformani kemm huma l-ammonti ta' input VAT li ntalbu fid-denunzji tal-korporazzjoni Enemalta għas-snin rispettivi separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub hu kif ġej: VAT dikjarata mis-sezzjoni tal-‘Petroleum Division’ ta’ l-Enemalta. Sena Input VAT 2001 Lm147,121 2002 Lm346,995 2003 Lm117,848 2004 Lm272,422 2005 Lm256,442

VAT fuq karozzi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18277, jista' il-Prim Ministru jinformani x'ġara mir-records ta' qabel l-1 ta' Mejju, 2004 u cioe' ikompli wkoll jirrispondi l-mistoqsija in kwestjoni għas-snin 2004, 2003, 2002, 2001 u 2000 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-taxxa tal-VAT fuq bejgħ ta’ karozzi, vetturi u inġenji ġodda hija inkluza fid-denunzja tat-taxxa f’ammont wieħed li jinkludi wkoll attivitajiet oħra tan-negozji bħal bejgħ ta’ spare parts, servizzi fuq karozzi, tiswijiet eċċ. Għaldaqstant l-ammont sħiħ ta’ output VAT rappurtat fid-denunzji kien kif ġej: 2000 Lm13,027,703 2001 Lm11,343,985 2002 Lm10,765,067 2003 Lm10,269,602 2004 Lm12,376,143

Sptar Mater Dei

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm statistika taż-żjarat li qed isiru fl-isptar il-ġdid Mater Dei u jekk hux qed jinżamm xi reġistru bil-feedback li jingħata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed toffri program ta’ żjajjar pubbliċi fis-sit ta’ Sptar Mater Dei biex il-pubbliku jkun jista jara b’għajnejh il-progress u l-iżvilupp mgħaġġel fuq dan il-proġett. Matul Frar 2006 kienu ntbagħtu stediniet lil diversi għaqdiet u istituzzjonijiet inkluż Kunsilli Lokali, Skejjel, Ċentri ta’ l-Anzjani, Każini Soċjali, Għaqdiet Politiċi u Għaqdiet Parrokjali sabiex jorganizzaw zjarat fl-Isptar Mater Dei. Mis-7 ta’ Marzu 2006 sal-5 ta’ Mejju 2006 ġew organizzati 19-il żjara bit-total ta’ persuni li żar il-proġett jitla għal 1489 persuna. Il-feedback mill-persuni li żaru l-proġett ta’ Sptar Mater Dei huwa pożittiv immens b’diversi viżitaturi jikkumentaw li dan huwa ‘sptar li għandha biex inkunu kburin bih’. Sadanittant saru ukoll 12-il żjara oħra minn gruppi komposti mill-istaff ta’ l-isptar San Luqa. It-total ta’ persuni li sa issa żaru l-isptar fuq din it-tieni fażi ta’ Programm ta’ Informazzjoni għall-istaff ta’ San Luqa jammonta għal 210 persuni.

AFM — Klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm nefqet flus l-Armata fuq il-klandestini s-sena l-oħra u kif nefqithom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ispiża li l-Forzi Armati ta’ Malta għamlu tul l-2005 fuq immigranti rregolari kienet tammonta għal Lm1,536,716 mqassmin hekk: Spejjes rikorrenti kienu jammontaw għal Lm1,354,850 u kienu maqsumin hekk:- a. Pagi ta’ uffiċjali u suldati mħaddma fuq amministrazzjoni ġenerali, sigurta’, kċejjen, sewqan u trasport ta’ immigranti irregolari: Lm759,736 b. Ikel (inkluż spejjeż ta’ ċilindri tal-gass likwidu biex wieħed ikun jista’ jipprepara l-ikel, apparti l-elettriku) : Lm264,136 c. Xiri ta’ oġġetti bħal beddin, tined u affarijiet relatati: Lm78,798 d. Provisti bħal ħwejjeġ ta’ fuq u ta’ taħt, bżonnijiet ta’ iġjene personal, ikel tat-trabi u oġġetti oħra ta’ kuljum : Lm72,663 e. Ilma u elettriku: Lm71,135 f. Tiswijiet u manutenzjoni ta’ postijiet fejn jinżammu l-immigranti irregolari: Lm68,606 g. Materjal tat-tindif: Lm20,997 h. Servizzi bħal tindif ta’ Cesspits, kiri ta’ skips u showers: Lm11,938 i. Fuel għat-trasport: Lm4,158 j. Medikazzjoni bħal tilqim, mediċini, surgical gloves, u affarijiet oħra relatati: Lm1,257 k. Ivvjaġġar ta’ uffiċjali in konnessjoni ma’ taħriġ li għandu x’jaqsam ma’ l-problema ta’ immigranti rregolari: Lm737 l. Xiri ta’ telephone cards: Lm689 Barra dan, il-Forzi Armati għamel ukoll investiment ta’ Lm181,837 in konessjoni ma servizzi varji lill-immigranti rregolari. Dawn kienu jinkludu : m. Xiri ta’ Minibuses u vannijiet għat-trasport : Lm41,450 n. Xiri ta’ Ġeneratur ta’ l-elettriku : Lm11,682 o. Kostruzzjoni ta’ sit ta’ kampijiet (tined) f’Lyster Barracks : Lm128,705 Barra dan tajjeb wieħed isemmi li l-Armata wkoll bniet binja li swiet Lm140,000 u li kienet intiza sabiex tintuża bħala stores għall-Armata. Fiċ-ċirkostanzi dawn gew użati għall-akkomodazzjoni ta’ l-Immigranti rregolari u għalhekk l-Armata trid tagħmel nefqa sabiex tibni stores ġodda.

Bdiewa

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-sussidju li jirċievu l-bdiewa mill-Unjoni Ewropea hux meqjus bħala dħul taxxabbli? Tagħmel differenza jekk il-bidwi jkun full-time jew part-time f'dan l-aspett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Avviz Legali Numru 52 ta’ l-2006 li fiħ lista tas-sussidji agrikoli li huma eżenti mit-taxxa fuq l-income. L-ezenzjoni tapplika kemm għall-bdiewa full-time kif ukoll għal dawk part-time.

Impjegati tal-Gvern

Question

Jista’ il-Prim Ministru jgħid għaliex l-impjegati mal-gvern fuq kuntratt definit m’għandhomx dritt għal reduced hours u għal unpaid leave kif għandhom dawk l-impjegati a bażi ta’ kuntratt indefinit? Għandu l-ħsieb jikkonsidra din il-pożizzjoni in vista tal-fatt illi din is-sitwazzjoni qiegħda tkun diskriminatorja speċjalment fil-każ ta’ nisa li għandhom it-tfal u ma jistgħux jaħdmu full-time? X’jiġri jekk mara impjegata fuq bażi ta’ kuntratt definit mal-gvern tkun tqila u jkollha bżonn iżjed mit-tlettax jew erbatax-il ġimgħa maternity leave? Jekk din titlifx il-job tagħha jew jekk tkunx intitolata illi terġa’ lura għax-xogħol allavolja tkun ħadet iżjed minn 14-il ġimgħa maternity leave.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi meta kuntratt ikun definit, dan ma jkunx għall perjodu fit-tul, filwaqt li il-benefiċċji, tar-reduced hours u ta’ l-unpaid leave fit-tul jingħataw għal perjodi relattivament twal ta’ żmien. Għaldaqstant dawn il-benefiċċji ma jingħatawx lil min ikun fuq kuntratt definit. Il-policy tar-reduced hours u tal-unpaid leave fit-tul tapplika għall dawk l-uffiċjali pubbliċi li għandhom grad sostantiv. Uffiċċjali pubbliċi li jkunu b’kuntratt definit iżda jkollhom grad sostantiv, jistgħu jinħallu mill-kuntratt tagħhom sabiex jieħdu dawn il-benefiċċji. Fil-kaz ta’ dawk li m’għandhomx grad sostantiv, il-Kap tad-Dipartiment jista’, fid-dekasteru tiegħu, jissospendi l-kuntratt definit tagħhom u jħalli lil dawn l-impjegati jieħdu l-unpaid leave, jew jagħmillhom kuntratt ieħor ġdid b’inqas sigħat.

Importazzjoni ta' skrataċ — Ħlas ta' ECO tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk titħallasx ECO tax fir-rigward ta' skrataċ importati għal skop ta' sparar fuq plattini (24gr)? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għalfejn din it-taxxa qegħda tiġi mposta fuq l-importazzjoni ta' skrataċ vojta ntenzjonati sabiex jiġi kkargat fihom materjal ta' 24 gr għal sparar fuq plattini lokalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Uniformijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-membri tal-private staff tiegħu (mhux messaġġiera) ingħatawx xi uniformi jew ħlas għall-uniformi matul l-2004 u l-2005? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża u min awtorizzaha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża biex għaxar membri ta’ l-istaff fis-Segretarjat tal-Prim Ministru jingħataw uniformi għas-Sajf kienet ta’ Lm840.25 waqt li dik tax-Xitwa kienet ta’ Lm1,201. L-ispiża ġiet awtorizzata skond il-proċeduri finanzjarji mis-Segretarju Permanenti Ewlieni. Ma kien hemm ebda xiri ta’ uniformijiet matul is-sena 2004.

OPM — Impjegati 'il fuq minn 61 sena

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fis-segretarjat privat u d-dekasteru tiegħu li għandhom 'il fuq minn 61 sena? Jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali, kemm għandhom eta', x'kariga għandhom, jekk humiex impjegati fuq bażi full-time jew part-time u kemm għandhom salarju u benefiċċji oħra? Jista' jgħid kemm ilhom jokkupaw tali kariga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

OPM — Direct Orders

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fil-ministeru u d-dekasteru tiegħu 'il fuq minn Lm2,000 matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm kienet tqum kull waħda, lil min ingħatat u min approvaha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.

OPM — Call for Applications

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid huwiex minnu li fid-dekasteru tiegħu nħatar/inħatru segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi jew assistenti diretturi mingħajr ma applikaw għall-kariga li ġew appuntati fiha meta ħarġet il-call for applications għal dik il-pożizzjoni partikolari? F'każ li nħatru uffiċjali b'dan il-mod, jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali, għaliex inħatru b'dan il-mod u min iddeċieda li huma ideali li jokkupaw il-kariga fin-nuqqas li għamlu interview? Jista' jgħid min huma dawn in-nies u x'karigi qegħdin jokkupaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-każ ta’ Segretarji Permanenti, il-ħatriet isiru fit-termini ta’ Artikolu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u sejħiet ta’ applikazzjonijiet ma’ joħorġux għal dawn il-pożizzjonijiet. Fil-każ ta’ Diretturi Ġenerali u Assistenti Diretturi li nħatru mill-1 ta’ Jannar 2005, it-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari hija fin-negattiv. Għar-rigward ta’ Diretturi li nħatru mill-1 ta’ Jannar 2005, kien hemm każ wieħed fejn kellha toħroġ sejħa għall-pożizzjoni ta’ Direttur (Affarijiet dwar l-Unjoni Ewropea), fit-Taqsima għall-Ippjanar u Koordinazzjoni tal-Prioritajiet, minħabba li l-uffiċċjal ta avviż ta’ riżenja. Wara li saru l-interviews u ħadd mit-tlett applikanti li ġew intervistati ma nstabu idoneja għal dan il-post, l-uffiċċjal aċċetta li jibqa’ jservi sat-tmiem l-ingaġġ oriġinali.

OPM — Gazzetti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu li huma intitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm nefaq kull uffiċjal fuq kull ġurnal separatament matul is-snin 2004 u 2005, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Xogħol ta' Tindif

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali lill-kumpanniji privati għal xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tiegħu u fid-dekasteru tiegħu matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi, kemm ħadu kull wieħed, min approva kull nefqa separatament u jekk inħarġitx xi forma ta' tender?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

NSO — Twelid ta' trabi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm twieldu trabi ta' unmarried mothers is-sena l-oħra u din is-sena s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fis-sena 2005 twieldu 3860 tarbija ħajja (live births) u minnhom 765 twieldu barra miż-żwieġ. Sa l-aħħar ta’ Marzu 2006 twieldu 888 tarbija ħajja (live births) li minnhom 151 twieldu barra miż-żwieġ. It-tagħrif għall-ewwel kwart tas-sena 2006 għandu jitqies bħala proviżorju.

Għawdex — Studji Turistiċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18288 dwar xogħlijiet f'Għawdex marbuta ma' l-istudji turistiċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 17855, ngħarraf lill-Onor Interpellant illi ntefgħu tliet offerti għall-proġett imsemmi. Dawn l-offerti kienu hekk: KERC JV Lm173,990.02 Gatt Tarmac Ltd Lm182,761.93 Vella Bros Ready Mix Ltd Lm172,469.55