Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14091 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

IMF — Programm ta' privatizzazzjoni

Question

Billi int kont għedt f'diskors lill-IMF li l-programm ta' privatizzazzjoni tal-gvern għandu jersaq quddiem il-Parlament, tista' tgħid jekk dan huwiex se jsir u taħt liema għamla? Kif qed torbot l-eżitu tal-konferenza prospettiva nazzjonali dwar il-privatizzazzjoni mat-twettieq tal-programm tal-gvern f'dan ir-rigward? Il-privatisation unit fi ħdan il-ministeru tal-finanzi għadu jopera? Il-membri tiegħu baqgħu l-istess? Kemm-il darba ltaqa' dan il-unit din is-sena? Kien hemm xi membri minnu li kellhom input fit-tfassil tal-white paper dwar il-privatizzazzjoni? Tista' tgħid x'kienu s-suġġerimenti tat-tliet għaqdiet/korpi kostitwiti li wieġbu għas-sejħa tal-gvern għall-kummenti dwar il-white paper imsemmija?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Onorevoli Membru qiegħed jirreferi għar-rapport li kellhom jagħmlu l-esperti tal-World Bank u li jien kont semmejt fid-diskors lill-IMF, fejn jien kont għidt ukoll li dan ir-rapport kien sejjer jitpoġġa fuq il-mejda ta` din il-kamra għad diskussjoni kif fil-fatt sar. Kif għidt ukoll fid-diskors tal-Budget il-unit tal-privatizazzjoni li kien twaqqaf, intemm xogħlu mal-publikazzjoni tal-White Paper. Unit ġdid jiġi mwaqqaf wara li jsiru l-konsultazzjonijiet li huma ppjanati dwar il-White Paper. Kif imħabbar fil-White Paper, il-Gvern sejjer jivvaluta u jikkonsidra l-opinjonijiet imbagħad jiegħu azzjoni u jimplimenta l-programm propost fl-istess White Paper fl-aħjar interessi tas-soċjeta` u ta` l-ekonomija ta` pajjiżna.
Leg 9 PQ #14092 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Banek — Bonds

Question

Jista' l-Minsitru jagħti dettalji dwar il-ħruġ prospettiv ta' bonds f'Liri Maltin mill-bank dinji?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan il-ħruġ ta` bonds meta jsir, isir mill-bank dinji u mhux mill-Gvern.
Leg 9 PQ #14138 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

Budget — Livell ta' għajxien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx stħarriġ min-naħa tiegħu fuq l-impatt li se jkollu l-budget fuq il-livell ta' għajxien ta' ħaddiema li jaqilgħu taħt it-Lm8,000? Jekk sar xi rapport, jista' l-Ministru jqiegħed dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħal ma jsir minn kull Ministru tal-Finanzi waqt il-preparazzjoni tal-Budget, din is-sena wkoll ingħatat konsiderazzjoni tal-impatt li l-miżuri maħsuba fl-istess Budget se jħallu fuq setturi differenti tal-popolazzjoni. Ser inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra, press hand out li qassamt lill-ġurnalisti fi press conference li tajt fl-24 ta` Frar 2000 f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #14139 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

Self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid, minn dawk li huma self-employed kemm minnhom jiddikjaraw Lm5,000 u anqas; Lm8,000 u anqas; Lm10,000 u anqas; Lm15,000 u anqas; Lm20,000 u anqas; u iktar minn Lm20,000?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan l-eżerċizzju qiegħed jiġi finalizzat billi qed tiġi verifikata l-informazzjoni. Dalwaqt inkun f`pożizzjoni li ngħati din l-informazjoni.
Leg 9 PQ #14140 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru tal-Finanzi

Ħaddiema bil-paga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema bil-paga li jaqilgħu taħt l-Lm4,000; taħt il-Lm5,000; u taħt it-Lm8,000?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-125,532 returns tat-taxxa ta` impjegati għas-sena stima 1999 li ġew analizzati s`issa, juru li 77,027 jaqilgħu anqas min 4,000, 17,359 oħra jaqilgħu anqas min 5,000 u 21,053 oħra jaqilgħu anqas min 8,000.
Leg 9 PQ #14178 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi — Viżti minn tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-servizz pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista' l-Ministru jinformana kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu fid-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru u t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il viżta/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar, 2000?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għall-iskop ta` verifika ta` assenzi fuq mard, il-Ministeru tal-Finanzi ngaġġa l-Health Maintenance Organisation li titħallas Lm3 għal kull żjara li tagħmel lill-impjegati fil-Ministeru. Minn meta bdiet taħdem l-iskema, sa l-aħħar ta` Jannar 2000, saru 932 żjara. Billi hemm kumpanija privata nvoluta, ma nħossx li għandi nilqa t-talba ta` l-Onorevoli Interpellant rigward kopja tal-ftehim bejn il-Ministeru u l-kumpanija fuq l-iskema.
Leg 9 PQ #14265 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Bulk Cargo Group

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 14073, ċioe' jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn l-importaturi u x-xerrejja fl-1962 fil-Parlament Malti? Min kienu l-persuni li fil-Parlament kienu kkonfermati li jġorru s-siment taħt l-isem tal-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru ta' persuni li huma fil-Bulk Cargo Group? Jista' jagħti n-numru tal-vetturi li kienu reġistrati meta sar il-ftehim? Min kienu l-membri u kemm kellhom vetturi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda liċenzja ta` Burdnar ma tinħareġ mid-Dwana f`isem il-Bulk Cargo Group u l-ebda liċenzja ta` Burdnar ma tispeċifika l-merkanzija li tista` tinħadem jew minn liema port, dak ta` ajru jew tal-baħar. Naħseb li l-informazzjoni li jrid l-Onorevoli Membru għandu jsaqsiha lil min hu direttament interessat jiġifieri l-Bulk Cargo Group jekk hu eżistenti.
Leg 9 PQ #12577 Sitting 249 2000-02-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Uffiċċju tal-Budget — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferiment mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-Budget? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Ma ngħattaw ebda trasferimenti mill-Uffiċċju tal-Budget fil-perjodu msemmi.
Leg 9 PQ #12570 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Lottu Pubbliku — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #14060 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

HS Code — Dazji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni ġiet mibdula l-klassifikazzjoni ta' l-HS Code, fejn għolew id-dazji fuq apparat ta' reception tas-satallite, fejn ogħla minn 8% għal 25%? X'numru ta' klassifikazzjoni kien sa l-aħħar ta' l-1999 bid-dazju relatat tat-8% u x'numru ta' klassifikazzjoni huwa llum bid-dazju ta' 25%?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara li sar studju tekniku fuq l-elementi li jiffurmaw l-apparat li jirċievi sinjali televisivi bis-satellita, l-Kumitat tal-`Harmonised System` tal-`World Customs Organisation` iddeċida li `receivers` ta` apparat bħal dan, għandhom jiġu iklassifikati taħt H.S. 8528.12. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata b`emenda li saret fil-`Harmonised Commodity Description and Coding System` tal-W.C.O. u għalhekk qed tiġi applikata minn dan id-Dipartiment. Fl-aħħar tas-sena 1999 din il-kassifikazzjoni kienet diġa qiegħda tiġi applikata.
Leg 9 PQ #12562 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Bank Ċentrali — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-Bank Ċentrali? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul il-perjodu bejn is-16 ta` Settembru 1999 u l-4 ta` Jannar 2000, ingħataw tmintax (18) il-trasferiment lil ħaddiema tal-Bank Ċentrali. Dawn it-trasferimenti, li saru għal raġunijiet konessi ma` esiġenzi tax-xogħol, laħqu wkoll l-iskop li l-impjegati jingħataw ċans jaħdmu xogħol differenti biex jiżviluppaw il-karriera tagħhom. Dawn it-trasferimenti minn dejjem kienu jsiri fil-Bank u jibqgħu jsiru anke fil-futur.
Leg 9 PQ #13970 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxa — Pensjonanti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13556 dwar it-taxxa li qed tinqata' lill-pensjonanti, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rata ta' inqas minn 10% tal-pensjoni, kif indikata fit-tweġiba tal-mistoqsija msemmija, hijiex marbuta ma' l-ammont tal-pensjoni? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti l-iskeda tar-rati skond id-dħul mill-pensjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-rata ta` tnaqqis mill-pensjoni tas-Sigurta` ġiet stabbilita għal kull individwu separatament skond id-dħul tiegħu mill-pensjonijiet inkluż dik tat-Teżor jew tas-Servizzi Ingliżi, skond il-każ, kif ukoll skond l-istatus ta` l-individwu. Għalhekk ma teżisti l-ebda skeda skond id-dħul mill-pensjoni tas-Sigurta` Soċjali iżda skond iċ-ċirkostanzi partikolari ta` l-individwu.
Leg 9 PQ #14015 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Periti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm periti jew kumpanniji ta' periti li huma reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm ħallsu VAT dawn il-periti matul is-sena li għaddiet (1999)?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hemm 471 perit reġistrat taħt il-liġi tal-VAT. Matul is-sena 1999, dawn il-periti ħallsu bejniethom Lm284,641.94 bħala VAT.
Leg 9 PQ #12541 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Uffiċċju tal-Budget — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Uffiċċju tal-Budget mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda ma` l-Uffiċċju tal-Budget fil-perjodu msemmi.
Leg 9 PQ #13978 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Finanzi

Ħlas ta' Lm10

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta se jibqgħu jitqassmu ċ-ċekkijiet ta' Lm10 tal-ħobs għal darba biss? Jekk individwu ma jirċevix dan iċ-ċekk sa ċertu żmien, x'għandu jagħmel? Jikkonferma l-Ministru li individwi li ma jirċevux iċ-ċekk ikollhom imorru għalih huma personalment mit-Teżor? Jista' l-Ministru jgħid x'se jkun l-arranġament għall-anzjani li ma rċevewx iċ-ċekk u li ma jistgħux joħorġu mid-dar minħabba mard u anzjanita'/diżabilita'?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas ta` Lm10 kumpens kif imħabbar fl-aħħar Budget u li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant diġa nħareġ u tqassam lill-parti kbira tal-poplu. Madanakollu għad fadal numru ta` familji li għal xi raġuni oħra għadhom ma rċevewx dan il-kumpens u l-parti l-kbira ta` dawn mistennija li jitħallsu din il-ġimgħa. Il-bqija jitħallsu aktar tard, wara li l-każ tagħhom ikun eżaminat mid-Dipartiment tat-Teżor. F`każ li individwu jibqa ma jirċevix dan il-ħlas, jista jirrikorri fil-ħinijiet ta` filgħodu fid-Dipartiment tat-Teżor, Furjana, Malta, bejn il-21 ta` Frar u t-3 ta` Marzu 2000 jew l-Uffiċċu tal-Water Services Corporation, Rabat, Għawdex, bejn it-8 u l-15 ta` Marzu 2000 fejn il-każ tiegħu ikun investigat. Min għal xi raġuni jew oħra ma jistax jirrikorri f`dawn l-uffiċċji fil-ġranet indikati, jista xorta waħda jagħmel dan billi jċempel fl-istess uffiċċji u fejn ikun possibli jinqeda xorta waħda. Għalhekk mhux dejjem neċessarju li individwi li ma rċevewx iċ-ċekk imorru personalment għalih id-Dipartiment tat-Teżor iżda dan jkun jintbgħat lilhom bil-posta aktar tard. Dak li jidher hawn fuq japplika b`mod partikolari fil-każ ta` l-anzjani jew persuni b`diżabilita`. Persuni li ma jistgħux joħorġu mid-dar jistgħu permezz ta` prokura jawtorizzaw persuna ta` fiduċja biex għan-nom tagħhom tirċievi u issarraf dan iċ-ċekk.
Leg 9 PQ #14002 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Finanzi

Middle Sea Insurance Plc — Shares

Question

Billi fit-3.6.99 int kont għedt permezz ta' stqarrija għall-istampa li kont se toffri 863625 share fil-Middle Sea Insurance Plc għall-bejgħ lix-shareholders tal-Mid-Med Bank irreġistrati fl-istock exchange fl-għeluq tal-5.4.99 bil-prezz indikat ta' Lm2.28.1 kull share, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jsir dan u meta beħsiebek tħabbar l-policy għal allokazzjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan l-eżerċizzju għandu jkun konkluż sa l-aħħar ta` Marzu 2000.
Leg 9 PQ #13866 Sitting 244 2000-02-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

External Accountnt

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm-il assignment ingħataw l-external accountant jew auditors li ġew mogħtija l-ġurament fi żmien il-gvern Laburista preċedenti biex jinvestigaw abbużi fit-returns ta' l-income tax? Jekk ingħataw dawn l-assigments lil min ingħataw?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ngħataw 14-il assignment. Ma naħsibx li għandi noqgħod insemmi l-ismijiet.
Leg 9 PQ #13740 Sitting 243 2000-02-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Refund fuq stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swietu lil gvern l-ispiża fuq refund ta' stock li n-nies tan-negozju ġew mġiegħla jiddikjaraw li kellhom sa Diċembru 1998? X'miżuri ħa l-gvern biex dak li ġie ddikjarat min-nies tan-negozju ġie vverifikat?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li s-somma mitluba mill-operaturi tan-negozju għall-ħlas lura tat-taxxa tas-sisa fuq ħażniet kummerċjali miżmuma fil-31 ta`Diċembru 1998 kienet ta` Lm21.2 miljuni. Sa` l-4 ta` Frar 2000, id-Dipartiment tal-VAT kien approva l-ħlas ta` Lm14.5 miljuni. Xi talbiet ġew miżmuma billi d-dipartiment dehrlu li ma kinux jissodisfaw l-kondizzjonijiet ta` l-avviżi legali li jirregolaw il-ħlas lura tat-taxxa tas-sisa. Fost il-miżuri li ħa d-Dipartiment biex jeżamina t-talbiet, ġew eżaminati l-istock lists kollha li l-operaturi tan-negozju kellhom jissomettu ma` l-applikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li kull prodott li fuqu intalab refund kien taxxabbli. Kull fejn inħasset il-ħtieġa, saret ukoll verifika permezz ta` accountants u awdituri professjonali u inspectors tad-Dipartiment, ta` l-istokk, trading accounts u records oħra ta` l-operaturi tan-negozju li għamlu talba għal ħlas lura tat-taxxa tas-sisa. B`kollox kien hemm 1,376 operaturi tan-negozju li saritilhom verifika bħal din.
Leg 9 PQ #12504 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-MFSC mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-perjodu indikat fil-PQ ġew impjegati żewġ ħaddiema ġodda. It-tnejn ġew sottomessi mill-ETC wara talba bil-miktub miċ-Ċentru. L-ewwel impjegati irreżenjat wara biss ftit gimgħat u ġiet sostitwita mit-tieni impjegata. Għaldaqstant post wieħed biss effettivament intelgħa.
Leg 9 PQ #13421 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Refund

Question

Jista' l-Ministr jgħidu kemm huwa t-total ta' flus dovut f'refund tal-VAT lill-bdiewa, sajjieda u raħħala għas-sena 1999? Meta se jsiru dawn il-pagamenti matul din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta` refunds tal-VAT mitluba minn bdiewa, sajjieda u raħħala għas-sena 1999 hu ta` Lm419,330.11. Minn dan l-ammont, bejn Awissu 1999 u Jannar 2000, tħallset is-somma ta` Lm178,987.39. Il-bilanċ ta` Lm240,342.72 imissu jitħallas bejn Frar u Mejju ta` din is-sena. Dan il-bilanċ jista` jinbidel minħabba denunzji oħra li jistgħu jidħlu matul Frar 2000 u x-xhur ta` wara.