Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu mibni l-iscaffolding li hemm armat fl-Aviation Hall tal-War Museum fil-belt? X'inhi r-rata tal-kiri ta' dan l-iscaffolding? Għalfejn intrama' dan l-iscaffolding?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-iscaffolding li hemm armat fl-Aviation Hall tal-War Museum fil-Belt kien ġie armat fil-25 ta' Mejju 2001, ir-rata tal-kiri ta' dan l-iscaffolding huwa ta' Lm20.00 fil-ġurnata. L-iskop ta' dan l-iscaffolding kien biex issir spezzjoni tas-saqaf eżistenti li beda juri xi difetti fit-travi tal-ħadid kif ukoll iservi bħala protezzjoni għall-magna ta' l-ajruplan li ma' setgħetx tinħareġ il-barra mill-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn special schools f'Malta u Għawdex? Fejn huma? Kemm hemm tfal f'kull skola? X'inhuwa l-complement totali ta' personnel (minn head teacher sa purtinara) f'kull skola? Kemm hija l-ispiża totali annwali ta' kull skola? Kemm hija l-ispiża totali annwali fuq it-trasport f'kull skola?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward l-ispiża totali annwali ta' kull skola, l-informazzjoni qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jingħata l-għajnuna meħtieġa t-tifel li ismu qed jintbagħat under separate cover li għandu bżonnijiet speċjali u jattendi l-iskola Dun Frans Camilleri tal-Ħamrun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel imsemmi ġie identifikat 'slow learner' mill-iskola, u għalhekk qiegħed jiġi mogħti għajnuna komplimentari minn għalliema apposta. It-tifel ġie referit għall-Istatementing Board fit-23 ta' Ottubru 2001, u s'issa għadu ma ġiex assessjat. It-tifel qiegħed jiġi wkoll assessjat minn School Psychologist.
Jista' l-Ministru jivverifika jekk jirriżultax li partijiet mill-eżami intermediate (Matsec) tal-graphical communications kienu mpossibbli li jinħadmu? Fil-każ li iva x'rimedji se jittieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull parti ta' l-eżami tal-graphical communications fil-livell intermedju kienet tinħadem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu flus fl-isports fund tal-kunsill Malti ta' l-isport mit-twaqqif tiegħu? Jista' jgħid ukoll kif intefqu dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-flus li daħlu fl-isports fund tal-Kunsill Malti għall-iSport jammontaw għal Lm79805.82. Sal-lum għadu ma ntefaq xejn minn dawn il-fondi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm matul din is-sena skolastika ngħata permess lill-istudenti fl-iskola biex jitilqu l-istudju tagħhom qabel is-sittax-il sena? Kemm kienu bniet u kemm subien? Kemm kienu mill-iskejjel ta' l-istat, tal-knisja jew dawk indipendenti? X'kienu r-raġunijiet prinċipali li għalihom dawn il-persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li studenta li tattendi l-iskola Sir Luigi Preziosi f'Pembroke, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, mhux qed tiġi aċċettata l-iskola (anzi tkeċċiet mill-kap ta' l-iskola) għax sempliċement qatgħet xagħra qasir u għax tagħnel il-wet gel ma' xagħrha?
Jista' jgħid jekk din id-deċiżjoni meħuda mill-kap ta' l-iskola hijiex konformi mar-regolamenti tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni?
Jista' jara kif din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata immedjatament biex din l-istudenta ma tibqax titlef aktar lezzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap ta' l-Iskola tikkonferma li hi f'ebda ħin ma keċċiet lill-istudenta msemmija mill-iskola. Kienet l-istess studenta li ħarbet mill-iskola bla permess, u ġabet ruħha b'arroganza fil-konfront tal-Kap u l-Assistent Kap ta' l-Iskola. Hi kienet l-unika studenta li ma tridx tobdi r-regolamenti ta' l-iskola li jistabilixxu kif għandhom iżommu persunithom l-istudenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda jiffunzjona l-lift installat fl-iskola ta' Fra Diegu Bonanno l-Marsa peress illi dan ilu aktar minn 4 snin fil-bitħa u aktar minnn sena u nofs installat mingħajr ma jiffunzjona?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent qed tinbena sub-station ġdida biex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fl-iskola msemmija. Diġa` sar ħlas lill-Korporazzjoni Enemalta biex din, f'isem id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tordna 'switch gear' minbarra minn Malta għal din is-sub-station. Ix-xogħol hu previst li jitlesta sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss. Darba dan il-proċess jitlesta l-lift jibda' jaħdem b'aktar regolarita`.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli jiġi ndikat facilitator, jew jekk mhux possibbli wieħed individwali partial facilitator sabiex l-istudent li d-dettalji tiegħu qegħdin jiġu annessi separatament flimkien ma' rapporti relattivi, ma jkompliex issirlu ħsara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel in kwistjoni ġie riferut għall-għajnuna fil-5/12/2000 iżda t-talba ma ntlaqgħetx mill-Istatementing Board. Saru tentattivi oħra biex wieħed jara t-tifel setax jiġi mgħejjun mid-Dyslexsia Unit, u dan il-Unit ta pariri biex it-tifel jieħu sapport minn Speech Therapist. Dan fil-fatt qed isir.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vakanzi fil-post ta' assistent direttur fid-dipartiment tal-edukazjoni? Kemm ilu vakanti kull post? Liema huma il-postijiet fejn bħalissa hemm aġent direttur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, hemm post wieħed vakant fil-Grad ta' Assistent Direttur, li huwa fil-qasam tan-"Non-State Schools".
Dan il-post ilu vakat mill-21 ta' Mejju 2002. Il-proċess ta' għażla biex jimtela' dan il-post qiegħed fi stadju avvanzat. L-istess proċess ser iwassal għall-mili ta' tliet postijiet ġodda (għalhekk ma jgħoddux bħala "vakati" fil-grad ta' Assistent Direttur). Dawn it-tliet uffiċjali fil-pożizzjoni tagħhom ġdida ser jieħdu ħsieb l-Iżvilupp Kurrikulari, l-Edukazzjoni Inklussiva fl-iskejjel ġenerali u l-Iżvilupp Infrastrutturali. Fl-istess ħin, il-post ta' Assistent Direttur (Operat) fid-Dipartiment ta' l-Istudji Ogħla u Edukazzjoni għall-Adulti ġie soppress.
Informat ukoll li fiż-żmien preżent, ma hemm ebda aġent direttur f'xi kariga ta' direttur mad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. L-anqas ma hemm ebda aġent assistent direttur.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li ssir xi ħaġa biex l-eżamijiet tas-SEC, MATSEC, eċċ. ma jibdewx daqshekk kmieni għaliex b'hekk it-tielet term huwa mħarbat għal kollox? Jista' jgħid jekk qattx kien hemm taħdidiet bejn rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-knisja u dawk indipendenti ma' l-awtoritajiet konċernati biex issir xi ħaġa f'dan ir-rigward? Għaliex ma kienx intlaħaq ftehim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-eżamijiet jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' April biex ikun hemm żmien biżżejjed ħalli s-sessjoni supplimentari tkun tista' ssir fil-bidu ta' Settembru u l-istudenti jkunu jistgħu jibdew l-universita` fl-ewwel ta' Ottubru.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li jibdew l-eżamijiet tas-SEC u l-MATSEC is-sena d-dieħla?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kull sena l-eżamijiet tas-SEC u tal-MATSEC jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' April u jibqgħu sejrin sa' l-ewwel ġimgħa ta' Ġunju. Għalkemm it-timetable ta' l-2003 għadha ma saritx, hemm il-ħsieb li s-sena d-dieħla l-eżamijiet isiru fl-istess perjodu b'xi modifiki.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jingħata l-għajnuna meħtieġa t-tifel ta' 8 snin li ismu qed jintbagħat under separate cover li għandu bżonnijiet speċjali u jattendi l-iskola primarja tal-Mosta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tifel li kien referit lill-iStatementing Board f'Novembru 2000 u l-iSchool Psychologist u l-Art Therapist, it-tnejn assessjawh.
Meta ġie trasferit fl-iskola tal-Mosta, ġie offrut l-għajnuna tal-facilitator, iżda t-tifel irrifjutaha. L-Assistant Director - Student Services ġiet infurmata bil-każ, kif ukoll il-Clinical Psychologist fis-CDAU, fejn ġie referit it-tifel. L-omm irrifjutat li t-tifel ikun assessjat. Il-każ ġie mgħoddi liċ-Child Guidance Clinic.
Jista' l-Ministu jgħid meta se jitkompla x-xogħol li fadal fuq is-sala tal-iskola primarja tal-Imġarr? F'hiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent qegħdin jitħejjew l-offerti relattivi għax-xogħlijiet meħtieġa fis-sala msemmija. Ix-xogħlijiet sejrin jikkonsistu f'servizzi elettriċi u dawk ta' finitura. Dak li jrid isir qiegħed jiġi diskuss ma' l-amministrazzjoni ta' l-iskola sabiex meta jiġu ppubblikati l-offerti f'tarf Lulju 2002, dawn ikunu jikkomprendu l-ħtiġijiet kollha.
Jista' l-Ministu jgħid xi pjani hemm biex l-iskola primarja ta' l-Mqabba tkun kbira biżżejjed għall-komunita' lokali u jkollha l-faċilitajiet meħtieġa fi skola tas-seklu 21?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed jitħejjew pjanti sabiex issir sottomissjoni lill-Awtorita` ta' l-Ippjanar għal bini ta' numru ta' klassijiet u sala.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment ta' l-edukazzjoni ġiex mitlub biex jipprovdi għalliema u/jew kotba biex jiġu wżati kemm mit-tfal tar-refuġjati u anke mir-refuġjati stess? Jista' jgħid għaliex qatt ma ngħata xi forma ta' tagħlim, imqar tal-lingwa Ingliża, għal dawn ir-refuġjati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Kurrikulu ma saritlu ebda talba biex jipprovdi għalliema jew kotba biex jiġu użati mit-tfal tar-refuġjati jew mir-refuġjati stess.
Jista' l-Ministru jgħid f'din is-sena skolastika li waslet biex tispiċċa kemm saru spezzjonijiet fit-tuckshops/canteens ta' l-iskejjel biex jiġi identifikat jekk hux qed isir bejgħ ta' dak li jissejjaħ junk food lit-tfal? F'liema skejjel saru? Meta? X'instab? Ittieħdu passi kontra min qed imexxi dawn it-tuckshops/canteens?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt għall-kiri ta' tuckshops, min imexxi t-tuckshop huwa marbut x'għandu u x'mgħandux ibiegħ u fost dawn hemm il-junk foods.
Matul din is-sena skolastika li waslet biex tispiċċa, saru tliet spezzjonijiet minn spetturi tas-saħħa pubblika f'kull skola li fiha hemm tuckshop. Ma saru ebda rapporti, la minn dawn l-ispetturi sanitarji u lanqas mill-kapijiet ta' dawn l-iskejjel, li inbiegħu xi junk foods minn xi skola.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħsarat strutturali jirriżulta li hemm fis-sala ta' l-iskola sekondarja Lily of the Valley tal-Mosta? X'effett ħallew dawn il-ħsarat fuq il-bqija tal-bini ta' l-iskola/ X'passi se jittieħdu biex jissewwew dawn il-ħsarat u meta?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed jiġu verifikati analiżi fuq is-saqaf tal-concrete tas-sala tal-imsemmija skola li x'aktarx ikun hemm bżonn li jinbidel. S'issa ma rriżulta ebda effett ieħor fuq il-bqija tal-bini ta' l-iskola.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema mis-sena 1995 sal-lum fl-iskejjel ta' Bormla, Birgu, Isla u Kalkara separatament li talbu transfer? Kemm minnhom ġew milqugħa? F'liema lokalita` kienu residenti dawk li għamlu dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba dwar l-iskejjel primarji msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jiġu posted għalliema ġodda? Jista' jgħid jekk hux minnu li l-aħħar fl-għażla jkunu skejjel tal-Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għalliema ġodda jiġu posted skond ir-riżultat (order of merit) ta' l-Interviews u skond il-vakanzi (vacancies) li jkun baqa' wara li jkunu ġew effettwati t-transfers ta' l-għalliema regolari, skond it-talba tagħhom. Jiġi kkunsidrat ukoll il-post tar-residenza ta' l-għalliema.
Ir-risposta għat-tieni domanda hija definitivament fin-negattiv peress li għalliema ġodda fil-Kottonera li jiġu minn ta' quddiem jintbagħtu fil-Kottonera.