Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn għandhiex il-permessi legali neċessarji sabiex titqiegħed fil-post fejn tinsab illum? Jekk iva, jistgħu jiġu ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-permess relattiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew investigati każijiet ta’ vjolenza domestika u kemm persuni tressqu persuni l-Qorti fis-snin 2013 u 2014 separatament fuq dan ir-reat? Jista’ jiġi indikat kemm kien hemm minn dawn il-każijiet li kienu każijiet ta’ vjolenza fiżika u kemm minnhom ta’ psikoloġika?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmati illi matul is-sena 2013 ġew irrapportati lill-pulizija 1,024 każ li jinvolvu vjolenza domestika filwaqt li fis-sena 2014 ġew irrapurtati 1,048 każ. Infurmat ukoll li matul is-sena 2013 tressqu 784 każ quddiem il-Qorti tal-Familja filwaqt li fis-sena 2013 tressqu 778 quddiem l-istess qorti.
Qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi fejn saru ir-rapporti kif ukoll fhiex kienu jikkonsistu u cioe fejn kien hemm vjolenza fiżika u kemm minnhom każi psikoloġiċi, kif mitlub mil-Onorevoli Interpellant.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Senior Correctional Officer u Correctional Supervisor
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 15197 dwar ir-riżultati tal-promozzjonijiet għal Senior Correctional Officer u Correctional Supervisor fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista’ l-Ministru jiċċara jekk dawn il-promozzjonijiet humiex se jingħataw jew humiex se jiġu skartati?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 15197.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14265 u jgħid kemm għandu impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dekasteru tiegħu? Min huma u x’pożizzjoni għandhom? Kemm huma s-salarju annwali, il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera) u l-ispiża fuq safar tagħhom, u għalhekk jgħid x’inhi n-nefqa globali f’sena għal kull wieħed minn dawn il-persuni impjegati bħala person of trust?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni ta’ karta tal-identità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karta tal-Identità tal-persuni li ddettalji tagħhom ingħataw separatament ġew mibdula minħabba li l-karti tal-identità tagħhom (il-qodma) kienu ġew irraportati mitlufa. Minħabba li kellhom bżonn ukoll bidla fl-isem tat-Triq fejn joqgħodu ma ħargux fl-istess perjodu ta’ żmien. Nista' nikkonferma li r-raġel diġà rċieva l-karta tal-identità tiegħu u l-mara se tkun qed tirċievi l-karta tal-identità tagħha fil-ġranet li ġejjin. Ninformah ukoll li din is-Sinjura qed tiġi nfurmata b’dan.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14938, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha marbuta mal-ingaġġ tad-dog handler? jista' jispjega għalfejn f'dan il-każ ġie deċiż li l-ingaġġ isir fuq bażi ta' position of trust?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li ġiet ngaġġata fuq bażi ta’ Person of Trust bħala Dog Handler, saret minħabba l-professjoni tagħha f’dan il-qasam, kif ukoll esperjenza ta’ snin twal f’dan ix-xogħol. Ir-rwol tagħha bħala K9 Technical Instructor jikkonsisti f’taħriġ tal-klieb kif ukoll tad-dog handlers tat-taqsima tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin għal detenzjoni ta’ droga kif ukoll dawk tat-taqsima tal-Protezzjoni Ċivili fil-qasam ta’ operazzjonijiet ta tiftix u salvataġġ ta’ persuni.
Is-salarju huwa ekwivalenti għall massimu ta’ skala 11.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Soċjali– persuni inġaġġati f’position of trust
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14116 u jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi bejn id-9 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Jannar 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 14938.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – xogħol mogħti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2004 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-Ministeru jew dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija li dettalji ngħataw separatament.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – psikologu kliniku
Question
Peress li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm biss psikologu kliniku wieħed, ma jħossx il-Ministru li dawn għandhom bżonn jiżdiedu biex jintlaħaq l-iskop tal-ġustizzja riparattiva? Jekk iva, meta beħsiebu joħroġ is-sejħa għall-ingaġġ ta’ psikologi kliniċi ġodda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali diġa beda jaħdem fuq it-tisħiħ tar-riżorsi umani fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin fost l-oħrajn, sabiex jiżdied n-numru ta’ psikoloġiċi. Bħalissa għaddejin proċeduri mal-awtoritajiet konċernati sabiex joħorġu s-sejħiet għall-imsemmija professjonisti fiż-żmien li ġej.
Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment (IIP) — Applikazzjonijiet
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 14536 u 15020 fejn stqsejt għal breakdown ta’ kif waslu xahar b’xahar l-applikazzjoni tal-IIP, kif ukoll breakdown ta’ f’liema stadju tal-proċess waslu l-459 applikazzjoni, liema mistoqsijiet ma ġewx imwieġba, jista’ l-Ministru jispeċifika għal liema regolatur qed jirreferi li Identity Malta tat din l-informazzjoni? Jista’ jgħid jekk dan ir-regolatur jaqax taħt ir-responsabilità tiegħu? Jekk iva, jista’ jitlob lir-regolatur inkwistjoni biex jipprovdi lill-Parlament l-informazzjoni mitluba f’mistoqsijiet parlamentari 14536 u 15020?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 14536 u 15020 jirreferu għar-Regolatur tal-Programm tal-Investitur Individwali, hekk kif speċifikat fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap.188). Kif tispeċifika din il-liġi r-Regolatur huwa maħtur mill-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Att jispeċifika li: ‘Fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu taħt dan l-Att, ir-Regolatur għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra’
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema hija strutturalment ikkundanata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikat u dikjarazzjoni tal-Perit tal-Gvern li jindika l-istat li tinsab fih fil-preżent l-istruttura tal-istess għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ispetturi li għadhom kemm ġew maħtura x-xahar li għadda għandhomx uffiċċju minn fejn jaħdmu meta jkunu fl-għases li ġew assenjati fihom? Jista’ jgħid jekk l-Ispetturi li għadhom kemm ġew maħtura x-xahar li għadda għandhomx kompjuter u sistema tal-IT biex ikunu jistgħu jaħdmu x-xogħol tagħhom? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra f’liema għases ġew assenjati l-Ispetturi li ġew maħtura x-xahar li għadda?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm qed jistaqsi f’liema għases ġew assenjati l-ispetturi l-ġodda, maħtura x-xahar li għadda, qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, l-informazzjoni kollha ta fejn ġew assenjati l-ispetturi l-ġodda kollha.
Dawn l-ispetturi qed jingħatalhom ir-riżorsi kollha neċessarji sabiex jkunu jistgħu jaqdu dmirijithom. Fejn għad fadal xi nuqqasijiet diġa qed isiru l-arranġamenti meħtieġa skond l-proċeduri stabbiliti li jirrigwardjaw id-dipartimenti tal-Gvern sabiex dawn jiġu ipprovduti mill-aktar fis possibli.
Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku – Senior Correctional Officer u Correctonal Supervisor
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-promozzjonijiet għal Senior Correctional Officer u Correctional Supervisor għadhom ma ngħatawx minkejja li dawn ilhom li ġew approvati xhur mill-Public Service Commission?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isir studju dwar il-ħtieġa ta’ riforma fil-gradi u l-iskali tad-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi.
Billi bħalissa l-pulizija huma mpenjati biex iqassmu l-voti tar-referendum, u f'nofs Malta l-voti ukoll tal-Kunsilli Lokali u billi hemm diversi nies li ma jkunux id-dar għal ħin twil tal-ġurnata, jista' l-Ministru jassigura li l-pulizija jħallu nota fid-djar fejn ma jinstabux ir-residenti, liema notifika tindika li l-pulizija jkun attenda bil-vot u ma sabx lil dak li jkun fid-dar tiegħu u possibilment jagħti indikazzjoni dwar meta ikun se jerġa' jgħaddi mill-istess triq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skond il-kontenut tal-paragrafu (8) tal-ktejjeb intitolat, “Struzzjonijiet lill-Uffiċjali inkarigati mit-tqassim tad-Dokumenti għall-Votazzjoni” li nħareg mil-Kummissjoni Elettorali u li tqassam lill-membri kollha tal-Korp li ġew inkarigati mit-tqassim tal-voti, għandha titħalla nota ffirmata mill-istess membru tal-Korp, fejn tgħarraf lill-votant il-ħin u d-data ta’ meta dan ser jagħmel tentattiv ieħor sabiex iwassal id-dokument.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – Persons of Trust
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati bħala persons of trust fil-Ministeru u fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b’sena matul l-2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid, wieħed wieħed: min kienu dawn il-persuni u x’pożizzjoni kienu jokkupaw; kemm kien is-salarju annwali tagħhom; x’kienet l-ispiża, sena b’sena fuq il-perkaċċi (inkluż bonuses, allowances, mobile phones, karozzi, servizz tal-internet, fuel u xufiera), u x’kienet sena b’sena l-ispiża fuq safar tagħhom?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jitkompla x-xogħol dwar il-possibilità li jkun hemm tourist police f’dawk il-postijiet li huma l-iktar iffrekwentati mit-turisti, bħal San Ġiljan, Tas-Sliema u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta hu mistenni li jibda dan it-tip ta’ servizz? Fejn hu mistenni li jinbeda?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 14274.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – persuni inġaġġati f’position of trust
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14116, jista’ l-Ministru jipprovdi lista tal-persuni li ġew ingaġġati f'position of trust mid-dipartimenti, entitajiet u awtoritajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li hu jmexxi, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-31 ta' Jannar 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14876 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li ż-żagħżagħ li jridu jbiddlu l-ID card tagħhom minn waħda taż-żgħar għal dik ta' over 16, fil-fatt jitħallew jibdlu l-ID card tagħhom ukoll waqt li jkunu qed isiru l-bidliet tal-ID cards fil-lokalitajiet fejn joqogħdu, u dan biex jiġi evitat skariġġ żejjed għalxejn? Jekk iva, jista' jassigura li dawn l-istess żagħżagħ ikunu nfurmati dwar din il-possibiltà?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa waqt li għaddej it-tiġdid tal-karti tal-identità madwar Malta kollha diġa teżisti din il-faċilità li ż-żgħażagħ li jridu jbiddlu l-Karta tal-Identità tagħhom minn waħda t’erbatax (14+) għal dik tas-sittax (16+) jagħmlu dan fil-lokalitajiet fejn joqgħodu. Bħal kull resident ieħor li joqgħod fil-lokalità fejn ikunu qed jiġġeddu l-karti tal-identità dawn qed jigu mgħarrfa meta u fejn jistgħu jagħmlu dan.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati reati fil-Belt Valletta bejn l-2009 u l-2014 u jagħti l-informazzjoni maqsuma skont ir-reat għal kull sena?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru globali ta’ reati rrapportati lill-Pulizija matul is-snin 2009 u 2014 ġewwa il-Belt Valletta kien ta’ tlett elef, tlett mija u tlieta u sebgħin (3373) ir-rapport.
Informazzjoni dettaljata tar-reati rraportati, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.