Legislature:
Category:
Reset
Active:

Single parents – għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna kemm hemm single parents li qed jirċievu għajnuna soċjali u sadanittant iżżewġu jew daħlu f’unjoni ċivili, u li bis-saħħa tal-miżura fil-baġit tal-2015 baqgħu jgawdu din l-għajnuna fil-forma ta’ tapering li jitnaqqas fuq medda ta’ tliet snin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ single parents li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali u li żżewġu jew daħlu f’Unjoni Ċivili u għalhekk ġew intitolati għat-tapering tal-benefiċċju bis-saħħa tal-miżura li ttieħdet fl-aħħar Bagit 2015 kien ta’ 56.

Adozzjoni tat-tfal — diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu diskussjonijiet/ftehim ma’ pajjiżi terzi fuq l-adozzjoni tat-tfal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn huma kkonċernati adozzjonijiet tat-tfal, saru diskussjonijiet ma’ ħdax (11)-il pajjiż differenti, li minnhom intlaħaq ftehim ma’ tnejn (2). Ta’ min jenfasiżża li d-diskussjonijiet ma’ disa’ (9) pajjiżi min-numru ta’ pajjiżi ndikat aktar ‘l fuq għadhom għaddejjin, bil-possibilita’ li jintlaħaq ftehim ma’ uħud minnhom fix-xhur li ġejjin.

Kontribuzzjonijiet nieqsa — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta’ persuni li applikaw biex iħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa skont il-miżura mħabbra fl-aħħar Baġit, u hekk tjiebet il-pensjoni tagħhom? Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ persuni li diġà bbenefikaw minn din il-miżura?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, in-numru ta’ persuni li applikaw sabiex iħallsu kontribuzzjonijiet nieqsa jammonta għal 871. Minn dawn kien hemm 469 persuna illi inħarġilhom kont filwaqt li 173 persuna ġew irrifjutati hekk kif ma ssodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali għadu għaddej bix-xogħol tiegħu fuq 229 talba oħra li mhux imsemmijin ma’ dawk li diġa’ inħarġilhom kont u dawk li ġew irrifjutati.

Baġit – żieda fil-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għażel li jagħti żieda fil-pensjonijiet kkontemplati fil-Baġit, lil min għandu pensjoni kontributorja biss? Jista’ jgħid kif se jkun qed jikkumpensa lil dawk il-foqra u li għandhom pensjoni mhux kontributorja? Jista’ jgħid jekk iż-żieda ta’ €1.75 għall-għoli tal-ħajja hijiex biżżejjed għal dawn il-pensjonanti li għandhom pensjoni mhux kontributorja sabiex ma jibqgħux jgħixu fil-faqar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern fil-Baġit li għadda beda l-ewwel pass konkret lejn l-implimentazzjoni tar-riforma proposta mill-Grupp għall-Istrateġija tal-Pensjonijiet. Bid-diversi miżuri imħabbra fil-Baġit: · 23,000 pensjonant bil-pensjoni minima se jieħdu żidiet, ħafna minnhom sostanzjali, fil-pensjoni tagħhom sabiex il-faxxa ta’ taħt nett tingħata l-ewwel imbuttatura ‘l fuq – dawn il-pensjonanti se jibqgħu jiġu mgħejjuna fis-snin li ġejjin fil-ġlieda li l-Gvern ilu li ħabbar kontra l-faqar · 25,000 pensjonanti oħra li jħallsu t-taxxa, fosthom ħafna pensjonanti tas-servizz, se jgawdu mir-roħs fit-taxxa li tħabbar apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Madwar 5,000 pensjonant (u kull sena dejjem jiżdiedu) li għandhom pensjoni tas-servizz se jkomplu jieħdu u se jibqgħu jiehdu fis-snin li ġejjin żieda fil-pensjoni tas-sigurta’ soċjali apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Madwar 5,000 pensjonant ieħor li kienu jaħdmu f'azjendi li għalqu (bħat-Tarzna iżda mhux biss) jew kienu f’xogħol li issa m’għadux jeżisti se jkomplu jkollhom il-pensjoni tagħhom riveduta skont parametri ġodda li se jwassluhom biex jieħdu żidiet b’lura mill-2011 apparti ż-żieda tal-ogħli tal-ħajja · Aktar minn 1,000 armla li kienu jaħdmu u tilfu l-pensjoni tal-irtirar tagħhom għax jieħdu il-pensjoni tar-romol, huwa wkoll se jieħdu żieda sostanzjali fil-pensjoni tagħhom · Aktar minn 1,000 pensjonant ieħor li kienu impjegati għal aktar minn 20 sena imma fl-aħħar snin tagħhom spiċċaw bħala self-employed u b'pensjoni baxxa se jkunu jistgħu jibdew igawdu minn pensjoni ogħla maħduma fuq is-snin li jkunu għamlu bħala impjegati · Madwar 3,200 pensjonant ġdid tal-irtirar u 800 armla ġodda kull sena se jibdew jieħdu l-pensjoni mill-għada li jirtiraw jew mill-għada li jmut il-konjugi u mhux mis-Sibt ta' wara kif jiġri illum · Mijiet mhux żgħar ta' nisa li bit-tibdil li kien iddaħħal fl-2007 kienu tilfu id-dritt għall-pensjoni minħabba li l-pensjoni ma baqgħetx tinħadem fuq 30 sena imma bdiet tinħadem fuq 35 sena issa se jibdew jieħdu pensjoni għall-ewwel darba bis-saħħa tat-tibdil li daħal fil-krediti tal-bolla għal ġenituri li jkunu waqqfu mix-xogħol biex irabbu l-uliedhom · Eluf ta' nisa li bit-tibdil li kien iddaħħal fl-2007 kienu raw l-ammont ta’ pensjoni li setgħu jikkwalifikaw għalih jonqos minħabba li l-pensjoni ma baqgħetx tinħadem fuq 30 sena imma bdiet tinħadem fuq 35 sena issa jistgħu jieħdu żieda fil-pensjoni tagħhom bis-saħħa tat-tibdil li daħal fil-krediti tal-bolla · Eluf ta' persuni li baqgħu jistudjaw fl-edukazzjoni terzjarja se jgawdu minn dritt għal pensjoni ogħla milli kieku kienu jieħdu meta jirtiraw bis-saħħa tal-krediti ġodda tal-bolla li ddaħħlu għalihom · Eluf ta' persuni (għalissa fis-settur privat) se jkunu jistgħu jibbenefikaw jekk iridu minn pensjoni ogħla jekk jagħżlu li jibqgħu jaħdmu (bi qbil ma’ min iħaddihom) u japplikaw għall-pensjoni aktar tard. Il-Gvern diġa agħmilha ċara li r-riforma se tkompli fis-snin li ġejjin u fost l-oħrajn se nkunu qed naħsbu wkoll f’dawk li għandhom pensjoni mhux kontributorja. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li taħt l-amministrazzjonijiet preċedenti il-pensjonanti imsemmija qatt ma ngħataw żidiet għajr dawk tal-ogħli tal-ħajja.

Pensjoni ta’ diżabilità – applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti sal-lum għall-pensjoni tad-diżabilità? Jista’ jgħid kemm iddum applikazzjoni bħal din sabiex tiġi pproċessata u x’qed jagħmel il-Gvern sabiex dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati fl-iqsar żmien possibbli? Jista’ jgħid liema data ġġib l-aktar applikazzjoni li ilha pendenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, preżentement hemm 44 applikazzjoni pendenti għall-Pensjoni ta’ Diżabilità. Dawn huma mqassma kif ġej: · 24 minħabba diżabilità severa, · 3 minħabba vista batuta u; · 17 minħabba diżabilità intellettwali. L-ammont ta’ każi pendenti kien ftit għola minn snin oħra, grazzi għall-miżura tal-baġit fejn persuna tista’ taħdem u taqla’ kemm trid u tibqa’ tirċievi l-pensjoni tad-diżabilità. Infatti l-ammont ta’ pensjonanti mill-ewwel tas-sena żdied b’iżjed minn 200. Normalment, meta tidħol applikazzjoni ta’ dan it-tip, il-bord mediku jara lill-klijent fi żmien 3 jew 4 ġimgħat. Dan il-proċess jibda wara li jinfetaħ il-file, jgħaddi għand l-assessur biex jiġi vverifikat il-każ li jissodisfa l-kriterji tat-test tal-mezzi u wara li jkun żgurat li hemm id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, biex finalment tinħareġ l-ittra tal-appuntament tal-bord mediku. Il-klijent jingħata minn ġimgħa sa għaxart ijiem żmien mid-data tal-ittra sad-data tal-appuntament. Wara li l-klijent jidher quddiem il-bord mediku, jinħareġ ir-rapport jekk il-każ ġiex aċċettat jew le. Naturalment, meta l-każ ma jkollux id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, ż-żmien ta’ kemm idum biex jiġi deċiż il-każ ikkonċernat jitwal ftit, sakemm il-klijent jipprovdi, permezz tal-uffiċċju distrettwali, dawk id-dokumenti mediċii nieqsa, jew sakemm jiġu ċċarati xi mistoqsijiet relevanti. Bordijiet tal-benefiċċji mhux kontributorji jsiru darbtejn fil-ġimgħa u dawn it-tip ta’ applikazzjonijiet jidhru quddiem dawn l-istess bordijiet li jevalwaw tipi oħra ta’ benefiċċji mhux kontributorji. Isir kull sforz biex l-appuntamenti jsiru kemm jista’ jkun malajr u mingħajr dewmien. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-aktar applikazzjoni pendenti tmur lura għat-12 ta’ Jannar 2015. Id-dipartimenti induna, f’dan il-każ partikolari, li l-klijent kien qed jirċievi l-Pensjoni tal-Wens, u kien għalhekk li d-Dipartiment induna b’irregolarità fl-istess ħlas tal-Pensjoni tal-Wens. Din l-applikazzjoni għadha pendenti peress li d-Dipartiment għaddej bl-investigazzjoni tiegħu biex jinġabar il-ħlas li ngħata żejjed.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn se jkun qed jinfetaħ in-Night Shelter fil-Ħamrun skont kif kien imħabbar fil- Budget 2016? Jista’ jgħid fiex wasal dan il-proċess u meta se jkun qed jibda jiffunzjona?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-Night Shelter fil-Ħamrun infetaħ fis-6 ta’ Novembru 2015, ġewwa Casa Francesco. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ukoll għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 20797.

Il-Ħamrun – Night Shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jkun eleġibbli sabiex juża n-Night Shelter li se jinfetaħ fil-Ħamrun skont kif kien imħabbar fil- Budget 2016? Jista’ jgħid jekk hux se jkun miftuħ kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, kif ukoll jekk dan ix-xelter huwiex se jkun miftuħ għall-anzjani Ħamruniżi biss, għall-anzjani li joqogħdu fil-lokalitajiet viċini jew għall-anzjani kollha minn kull lokalità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, in-Night Shelter li ssemma’ fil-Baġit 2016, li nfetaħ fis-6 ta’ Novembru 2015 ġewwa l-Ħamrun, huwa miftuħ għall-anzjani kollha, nisa u rġiel, minn kull lokalita’.

Ċertifikat ta’ Care Assistant: Care of the Elderly

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-kors li jwassal għaċ-ċertifikat “Care Assistant: Care of the Elderly: Theory and Practice (LAS1101)” li kellu jibda f’Settembru li għadda? Jista’ jgħid eżattament meta beda dan il-kors u kemm minn dawk li applikaw, ġew aċċettati u qed isegwu dan il-kors?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li, għall-kors li jwassal għaċ-ċertifikat “Care Assistant: Care of the Elderly: Theory and Practice (LAS1101)” li beda f’Settembru 2015, applikaw 76 applikant, filwaqt li 61 applikant/a ġew aċċettati u qed isegwu l-kors.

Kerrejja — Problemi ta’ Mobilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma n-numru ta’ kerrejja li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilità? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudju li sar biex jiġu identifikati n-numru ta’ kerrejja li għandhom dawn l-isfidi? Jista’ jgħid xi pjanijiet għandha l-Awtorità tad-Djar sabiex tindirizza dawn l-isfidi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Awtoritá tad-Djar m’għandhiex informazzjoni kemm huwa n-numru ta’ kerrejja f’residenzi mikrija mill-privat jew mill-Gvern, li huma vulnerabbli għall-problemi ta’ mobilità. Madanakollu, l-Awtorità tad-Djar għandha skemi li jgħinu lill-persuni b’diżabilitá jagħmlu xogħlijiet li jrendu r-residenza tagħhom adegwata għall-bżonnijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-Awtoritá tinsab impenjata bi sħiħ sabiex tagħmel ir-residenzi mikrija minnha jew mill-Gvern aktar aċċessibbli għall-persuni bi problemi ta’ mobilitá billi żiedet b’ammont sostanzjali l-programm tagħha ta’ installazzjoni ta’ lifts fil-blokki ta’ dawn l-appartamenti.

Kunsill – Counselling Profession

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm lill-Ministeru tiegħu milli jinnomina persuni sabiex jibda jiffunzjona l-kunsill li jirregola l-Counselling Profession, liema kunsill ġie stabbilit b’liġi lejn il-bidu ta’ din is-sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nomina tal-persuni se ssir fiż-żmien li ġej.

Marsaxlokk — Housing - plot

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-plot lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li tifforma parti mill-Housing ta' Marsaxlokk u li sal-lum ma ġietx żviluppata hijiex tal-Awtorità tad-Djar jew inbiegħitx lil terzi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-plot li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hija proprjeta` tal-Awtorità tad-Djar.

Homes tal-Gvern – gradi ta’ staff tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi tal-istaff tal-Gvern fil-Homes tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Children’s allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jirċievu ċ-Children’s Allowance u kemm kienet l-ispiża fuq din l-allowance sal-aħħar pagament li sar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt : Benefiċċju Ottubru 2015 Familji Nefqa Children’s Allowance (CA) - dħul anqas minn €24620 17,186 €6,121,655.84 Childrens’ Allowance Flat Rate (CAFR) – dħul aktar minn €24620 23,197 €3,862,544.62 Disabled Child Allowance (DCA) 1,062 €313,820.53 Foster Child Allowance (FCA) 189 €225,878.02

Persuni li jirċievu l-għajnuna soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew l-għajnuna soċjali sa tmiem l-2014 u kemm kien hemm persuni fuq l-istess għajnuna sal-aħħar ta’ Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar tas-sena 2014 kien hemm 15,182 persuna jirċievu l-għajnuna soċjali filwaqt li skont l-aħħar statistika (sal-aħħar ta' Ottubru 2015) kien hemm turi 13,375 persuna fuq għajnuna soċjali. Dettalji jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li jirċievu l-benefiċċju tal-qgħad

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad sa tmiem l-2014 u kemm kien hemm persuni fuq l-istess benefiċċju sal-aħħar ta’ Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-persuni li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad kien kif qed ikun indikat fit-tabelli t'hawn taħt: Sal-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru 2014: Benefiċċju għal Diżimpjieg (UB) 472 Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg (SUB) 87 Sal-aħħar ġimgħa ta’ Ottubru 2015 Benefiċċju għal Diżimpjieg (UB) 246 Benefiċċju Speċjali għal Diżimpjieg (SUB) 48

Benefiċjarji fuq il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm benefiċjarji fuq il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering sa tmiem Diċembru 2014 u kemm kien in-numru ta’ benefiċjarji sa tmiem Awwissu 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sal-aħħar ta' Diċembru 2014, kien hemm 497 benefiċjarju li kien qed jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering, filwaqt li sal-aħħar t'Ottubru 2015 kien hemm 1635 benefiċjarju li rċevew il-benefiċċju tal-qgħad bit-tapering.

Ċentri tal-LEAP

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm infetħu ċentri tal-LEAP f’pajjiżna fl-aħħar sena u x’inhuma s-servizzi li qed jingħataw fihom? Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn iċ-Ċentri humiex iservu sabiex nikkumbattu l-faqar f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, minbarra ċ-Ċentri tal-Qawra, Kottonera u l-Belt li qabel kienu jissejħu ċ-Ċentri Aċċess, din is-sena nfetħu ħames Ċentri oħra li huma, iż-Żurrieq, Ħal Kirkop, Msida, Ħal Qormi u Xewxika Għawdex. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jinfetħu Ċentri oħra. Dawn iċ-Ċentri qed iservu biex isir xogħol soċjali mal-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjeta kif ukoll żvilupp komunitarju. Numru ta’ professjonisti se jiġu assenjati lilhom numru ta’ familji li jinsabu taħt il-linja tal-faqar biex jingħataw sapport, taħriġ u kull għajnuna oħra neċessarja biex fejn hu possibbli jintegraw fid-dinja tax-xogħol.

Ministeru għall-Familja u Soidarjetà Soċjali – memorandum of understanding ma’ pajjiżi barranin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru Memorandum of Understanding marbuta mad-dekasteru tiegħu ma’ pajjiżi barranin? Kemm minn dawn l-MoU kienu ma pajjiżi li mhumiex fl-UE?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-Ministeru tiegħi iffirma 4 Memorandum of Understanding ma’ pajjiżi barranin. Wieħed minn dawn l-MOU kien ma’ pajjiż li mhuwiex fl-Unjoni Ewropea. Żewġ Memorandum of Understanding li ġew iffirmati mill-Gvern Malti jikkonċernaw l-addozzjonijiet ta’ tfal għall-koppji Maltin, filwaqt li t-tnejn l-oħra jittrattaw l-ġlieda kontra l-faqar u esklużjoni soċjali, u r-relazzjonijiet internazzjonali fl-ambitu ta’ familja u politika soċjali.

Arbitri – appelli pendenti

Question

B’referenza għat-tweġba għall-mistoqsija parlamentari 20212, jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm dan id-dewmien kollu tant li hemm 465 appell li għadhom ma ġewx appuntati quddiem l-Arbitru? Jista’ jara li ma jkunx hemm daqstant dewmien li jkun ta’ detriment għal persuni li jkunu qegħdin jagħmlu l-appell?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Uffiċċju tal-Arbitru qed jagħmel minn kollox sabiex l-appellanti ma jdumux jistennew għas-smiegħ tal-appell tagħhom. Fejn qabel appellant kien idum aktar minn sena jistenna, dan id-dewmien tnaqqas bejn wieħed u ieħor għal 6 xhur. Tajjeb li l-Onor. Interpellant tkun taf li matul l-10 xhur ta’ din is-sena daħlu total ta’ 809 appell ġdid, jew medja ta’ 81 appell fix-xahar. Dawn ivarjaw minn 55 appell li daħlu f’Jannar sa 120 appell li daħlu f’April. It-tabella t’hawn taħt turi in-numri ta’ appelli li l-uffiċċju tal-Arbitru irċieva matul l-aħħar 10 xhur. Xahar (2015) Numru ta’ Appelli Jannar 55 Frar 81 Marzu 83 April 120 Mejju 74 Ġunju 83 Lulju 69 Awwissu 90 Settembru 57 Ottubru 97 Ta’ min jirrimarka li l-każijiet li l-Uffiċċju tal-Arbitru jirċievi jiġu imqassma bejn 8 Arbitri, li wieħed minnhom jara speċifikament appelli relatati ma’ Pensjonijiet ta’ Invalidita’ sabiex dawn jitħaffew kemm jista jkun. F’xahar qed isiru medja ta’ tletin seduta, fejn f’dawn is-seduti barra li jiġu nklużi l-appelli l-ġodda, jiġu nklużi wkoll appelli li jkunu ġew diferiti f’seduti preċedenti għal raġunijiet varji. Kull appell jingħata l-attenzjoni u ż-żmien tiegħu sabiex ikun żgurat li l-appell ikun mismugħ bl-aktar mod ġust u eżawrenti.

Awtorità tad-Djar – Deputy CEO – pakkett finanzjarju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20609 u 19970 u jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju kollu, inkluż il-perkaċċi kollha tad-Deputy CEO tal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.