Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #11520 Sitting 187 1999-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa

Question

Jista' l-Ministru jgħid taħt liema responsabbilta' jaqa' l-ġnien Pawlu Boffa, tal-Gvern Lokali jew tal-Kunsill Lokali Paola? Min qiegħed iħallas għall-manutenzjoni u ż-żamma tiegħu? Għaliex il-latrina mhux tinfetaħ? Għaliex il-kiosk huwa magħluq? Tista' tinħareġ sejħa għal tender fil-gazzetti biex min huwa interessat jieħu f'idejh il-ġnien?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li r-responsabilita' tal-Ġnien Pawlu Boffa hija tal-Gvern Ċentrali li qiegħed iħallas għall-manutenzjoni u ż-żamma tiegħu. Dwar il-ftuħ tal-latrina din hija r-responsabilita' tad-Dipartiment tas-Saħħa filwaqt li l-offerti għall-ftuħ tal-Kiosk iridu jinħarġu mid-Dipartiment ta' l-Artijiet.
Leg 9 PQ #11323 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Qormi — Tiswija tat-taraġ taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartment se jsewwi t-turġien taċ-ċimiterju ta' Ħal Qormi (fuq in-naħa ta' wara) li tkissru minn trakkijiet li jgħaddu minn hemm?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #11426 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Triq il-Konservatorju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-ġebel taż-żonqor li bih kienet miksija Triq il-Konservatorju, Bormla? Għaliex dan iż-żonqor ma reġax tpoġġa? X'sar minnu, u x'se jsir minnu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li Triq il-Konservatorju ma kenitx miksija bil-ġebel taż-żonqor ħlief madwar xi tappieri tad-drenaġġ. Fejn kien hemm xi ġebel taż-żonqor, dan intrefa' mill-Kunsill Lokali ta' Bormla u mit-Taqsima tad-Dipartiment ta' l-Ambjent ġewwa Bormla wkoll.
Leg 9 PQ #11429 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' Qali — Park nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni tal-persuni li dettalji tagħhom qegħdin jintbagħtu separatament li jaħdmu fil-park nazzjonali f'Ta' Qali? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-funzjoni tal-persuni konċernati u l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom huwa kif ġej: Grezzju Farrugia A/Supervisor 07.00 - 16.45 Raymond Gauci A/Warden Shift Worker 07.00 - 19.00 19.00 - 07.00 Day - Night - Rest - Off
Leg 9 PQ #11451 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Diviżjoni tax-Xogħlijiet — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-periti u l-inġiniera fi ħdan id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet humiex qegħdin jingħataw konsulenzi mid-diviżjoni bħala xogħol extra max-xogħol normali tagħhom u bi ħlas extra għal dawn il-konsulenzi? Jekk fl-affermattiv, min huma dawn il-periti u inġiniera li qegħdin igawdu minn dan it-trattament, x'inhu x-xogħol li ġew imqabbdin jagħmlu, inkluż il-valur tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fil-preżent dawn huma l-uffiċjali li ngħataw xogħol fuq bażi ta' "extra work" : Eng. Brian Cauchi Stamperija tal-Gvern Lm200. Ġnien Pubbliku fil-Fgura Lm120. Eng. M. Attard Ġnien Pubbliku fil-Fgura Lm120. Eng. C. Casha Stamperija tal-Gvern Lm100. Perit C. Borg St. John's Bastion, Cospicua Lm120. Public Registry, Valletta Lm120.
Leg 9 PQ #11511 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Triq Għajn Dwieli - Bankini

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru l-bankini ta' Triq Għajn Dwieli, Raħal Ġdid li jridu jsiru mill-Gvern Ċentrali peress li din it-triq tintuża minn ħafna anzjani u nies b'wheelchairs u b'diżabilita'?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Leg 9 PQ #11513 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Ħofor

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi mwittija l-ħofra kbira li tinsab fin-nofs tat-Triq Arcade, Triq Ninu Cremona ma' Triq il-Baċir, f'Raħal Ġdid peress li hija ta' periklu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #11514 Sitting 186 1999-11-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Raħal Ġdid — Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qatt saritx talba biex isiru traffic lights quddiem il-ħanut Kojak fi Triq it-Telgħet ta' Raħal Ġdid, Paola minħabba l-inkonvenjent tar-residenti ta' l-inħawi li jkunu jridu jagħmlu l-qadjiet tagħhom fil-qalba tar-raħal? Jekk hemm il-ħsieb li jsiru, meta se jsiru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #10313 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Rabat — Drenaġġ

Question

Peress li fl-inħawi ta' Vjal il-Ħaddiem u Triq in-Nigret, Rabat, qed ikun hemm spiss irwejjaħ ikkawżati minn ħsarat fid-drenaġġ, jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet ta' estensjonijiet sabiex din il-problema tispiċċa peress li issa dawn l-inħawi huma frekwentati mill-pubbliku għaliex qed ikun hemm il-funzjoni tal-quddiesa matul il-jum? Jekk fl-affermattiv, jista'jgħid meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li huwa maħsub li għas-sena 2000 jibdew xogħlijiet biex itaffu din il-problema. Dawn jinkludu tħaffir u tqegħid ta' 4 kilometri ta' katusi għad-drenaġġ. Fi Vjal il-Ħaddiem u Triq in-Nigret huwa maħsub li jsir tħaffir u jitqiegħed main b'dijametru ta' 400mm.
Leg 9 PQ #10389 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab — Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-volum ta' skart mhux domestiku li qed jiġi ddumpjat fil-miżbla tal-Magħtab kull sena?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-volum ta' skart mhux domestiku li qed jiġi ddumpjat fil-Miżbla tal-Magħtab ivarja kull sena. Il-volum ta' l-1998 kien 794,000 tunellata.
Leg 9 PQ #10391 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Manoel Island

Question

Peress li ħafna familji għal numru ta' snin ilhom igawdu l-ħarġa tagħhom mat-tfal tagħhom billi jmorru Manoel Island sabiex jaraw il-papri li tieħu ħsiebhom l-għaqda tal-kaċċaturi, u issa qed jingħad li se jitneħħew, jista' l-Ministru li jifhem li dawn it-tfal u l-ġenituri tagħhom huma ċittadini wkoll jinvestu f'pajjiżna u jara li dawn il-papri ma jitneħħewx minn dawn l-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-proġett ta' Manoel Island u Tigne' se jinħoloq spazju ġdid għall-papri li qed isaqsi dwarhom l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #11274 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Railing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitkompla ir-railing ta' biswit il-pixxina ta' Wied il-Għajn u ta' l-inħawi taż-Żonqor li qed isiru mal-ġenb tal-baħar u li ilu żmien wieqaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li hemm żewġ partijiet fejn ir-railings għadhom ma sarux: parti li mistennija tkun lesta sa l-aħħar ta' Novembru u parti oħra fejn il-bankina ser titwessa' u għalhekk ix-xogħol tas-sottobank u tar-railing ikun jista' jitkompla wara li jkun ħareġ il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (PA 4770/99).
Leg 9 PQ #11300 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Toroq

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10869, jista' l-Ministru jgħid għaliex Triq is-Sibbien, Triq tal-Ħamrija u Triq il-Lampuka ġewwa Marsascala mhux qegħdin fil-lista ta' toroq li se jiġu rranġanti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-lista tat-toroq ġiet magħżula wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn.
Leg 9 PQ #11301 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

South Embellishment Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma wettaq u qed iwettaq fil-preżent, mit-twaqqif tiegħu sal-lum, is-South Embellishment Committee? Minbarra s-sindki ta' tliet lokalitajiet imsemmija f'mistoqsija parlamentari numru 10826, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri l-oħra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li sar mis-South Embellishment Committee fit-tliet lokalitajiet huwa dan li ġej: MARSASCALA ---------- 1. Embellishment ta' Triq is-Salini minn ħdejn il-Jerma Palace Hotel sa Pjazza Mifsud Bonnici. Dan ix-xogħol kien jinkludi pavimentar ġdid, railings, public convenience, twaħħil ta' siġar tal-palm, cycling track u traffic lights ġodda. 2. Embellishment ta' l-area madwar it-torri ta' San Tumas. 3. Restawr ta' faċċata tat-torri ta' San Tumas. 4. Irranġar tal-ġnien ta' San Tumas. 5. Embellishment ta' l-area taż-Żonqor inkluż pavimentar ġdid, railings, public convenience u rranġar ta' mollijiet. 6. Re-surfacing ta' numru ta' toroq (Phase 1). 7. Flood Relief systems f'numru ta' toroq partikolarment fi Triq San Ġwakkin, fi Triq La Sengle u fi Triq Sant'Antnin. Xogħol ġdid ----------- 8. Re-surfacing ta' numru ta' toroq f'Marsascala (Phase II). 9. Passaġġ miż-Żonqor Housing Estate għal ħdejn l-Iskola Primarja. 10. Irranġar tar-Ridott tat-Torri ta' San Tumas. 11. Embellishment tal-bajja ta' San Tumas. 12. Embellishment tal-promenade minn ħdejn il-pitch tal-waterpolo sa ħdejn il-Knisja ta' Sant'Anna. 13. Tindif u ġarr ta' materjal minn wara l-ex-pixxina nazzjonali, Żonqor Point. 14. Twaħħil ta' l-arbli dekorattivi tad-dawl. MARSAXLOKK ---------- 1. Upgrading ta' Xatt is-Sajjieda inkluż pavimentar ġdid, bini ta' żewġ public conveniences u twaħħil ta' siġar tal-palm. 2. Traffic junction fi Triq iż-Żejtun, Għaxaq. 3. Embellishment tal-parti ħdejn il-Hunter's Tower. 4. Bini tal-Ko-operattiva tas-Sajd. 5. Pavimentar tal-pjazza tal-knisja. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla. 6. Estenzjoni ta' Triq il-Wilġa. 7. Sistemi ta' Flood Relief fi Triq il-Wilġa, Triq ix-Xatt u fil-pjazza tal-knisja. Xogħol ġdid ----------- 8. Re-surfacing ta' Triq it-Trunċiera u Triq il-Kavalerrizza. 9. Re-allokazzjoni tal-football ground u l-monti tal-Ħadd u bini ta' Bus Terminus f'Kavalerrizza Area. B'BUĠIA ------- 1. Upgrading ta' Ġnien San Ġorġ. 2. Car park ħdejn l-Al Fresco inkluż public convenience. 3. Re-surfacing ta' numru ta' toroq fil-Qajjenza. 4. Embellishment tal-Promenade fil-Bajja ta' San Ġorġ. 5. Embellishment tal-bajja ta' Pretty Bay. Ix-xogħol ta' pavimentar inkluż twaħħil ta' "safety material" u "play equipment" mistenni jkun lest fil-bidu tas-sena d-dieħla. 6. By-pass fi Triq it-Trunċiera u Car Park ħdejn Għar Dalam. Dan ix-xogħol mistenni jkun lest sa Frar 2000. 7. Sistemi ta' Flood Relief f'Summit Square u fil-Bajja ta' San Ġorġ. Xogħol ġdid ----------- 8. Re-surfacing ta' Triq San Ġorġ. 9. Twaħħil ta' arbli dekorattivi. Is-South Embellishment Committee huwa presedut mill-Perit Joseph Falzon u n-nies tekniċi li huma membri jinkludu Periti, District Officers u Works Managers mit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Leg 9 PQ #11305 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Ref.WD1597/87/20

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11165, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni x'jonqos isir sabiex it-talbiet li hemm f'file WD1597/87/20 jiġu issetiljati?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11165. Meta l-kwestjoni tiġi ssettiljata nkun nista' nagħti aktar informazzjoni.
Leg 9 PQ #11308 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

St. James Cavalier — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti assigurazzjoni li x-xogħlijiet kollha f'St.James Cavalier se jkunu lesti sa l-aħħar ta' din is-sena sabiex dan il-post ikun jista' jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenium?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

St. James Cavalier m'huwiex ser jintuża għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Millenju imma se jkun ir-rigal tal-Gvern lill-poplu Malti fil-bidu ta' Millenju ġdid.
Leg 9 PQ #11427 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Ilma tax-xita — Culverts

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn saru culverts għall-ilma tax-xita matul dawn l-aħħar 12-il xahar u x'kien it-tul rispettiv tagħhom?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li culverts għall-ilma tax-xita li saru matul dawn l-aħħar tnax-il xahar huma dawn: Triq Ħal-Luqa, Qormi 88 metru Triq in-Nazzareno, Tarxien 46 metru Triq Ġebel Ħanxur/Sant'Antnin, Marsascala 220 metru Tal-Bebbux II, Żurrieq 203 metru Triq l-Imdina, Żebbuġ 11 metru ----------- TOTAL 568 metru -----------
Leg 9 PQ #11501 Sitting 185 1999-11-22 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Monument ta' Kristu Re — Bankijiet

Question

Jista' jara jekk jistgħux jissewwew il-bankijiet madwar il-monument ta' Kristu Re u l-lukanda fil-viċin fil-Furjana?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din l-area kollha se tiġi upgraded max-xogħol li se jsir tal-bus terminus ġdid.
Leg 9 PQ #11255 Sitting 183 1999-11-17 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Fortifikazzjonijiet Militari — Tiswija

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 11048, jista' l-Ministru jgħid min hi l-persuna li ġiet appuntata supritendent tal-fortifikazzjoni? Xi kwalifiki għandha din il-persuna?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-persuna li ġiet appuntata Supritendent tal-Fortifikazzjonijiet fi ħdan it-Taqsima tax-Xogħlijiet wara sejħa pubblika għall-mili ta' din il-kariga hija s-Sur Stephen Spiteri. Is-Sur Stephen Spiteri huwa gradwat fl-Amministrzzjoni Pubblika (B.A. Hons - Public Administration) mill-Universita' ta' Malta (waħda mill-kriterji mitluba fis-sejħa pubblika) kif ukoll awtur ta' diversi studji ppublikati dwar l-istorja tal-Fortifikazzjoni f'Malta u tal-Kavallieri ta' l-Ordni ta' San Ġwann fil-Mediterran li fosthom jinkludu "Fortresses of the Cross - Hospitalier Military Architecture, 1136 - 1798 (1994)" kif ukoll "British Military Architecture in Malta (1996)." Is-Sur Spiteri ħadem għal numru ta' snin fid-Dipartiment tal-Mużewijiet (1991 - 1998) fejn kien jirrapreżenta dak id-Dipartiment f'affarijiet li għandhom x'jaqsmu mal-fortifikazzjonijiet u l-arkitettura militari fil-gżejjer Maltin, fejn fost ħafna affarijiet ħadem ukoll mal-Planning Authority biex titħejja l-applikazzjoni għan-nominazzjoni tal-Fortifikazzjonijiet ta' Malta bħala World Heritage Site. Huwa wkoll, flimkien ma' Din l-Art Ħelwa, kellu sehem prinċipali biex jirrestawra u jiftaħ bħala mużew it-Torri ta' Wignacourt f'San Pawl il-Baħar.