Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16656 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata għall-esportazzjoni — Kuntratti

Question

Peress li l-Ministru ħassar kuntratt ta' 6,000 tunnellata ta' patata għall-esportazzjoni imbagħad esporta 5,000 u ħalla 700 tunnellata Sante' u 500 tunnellata Alpha l-art, jista' l-Ministru jinfurmani għaliex ġara dan bir-riżultat li ġab fix-xejn l-interessi tal-bdiewa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jien ma ħassart l-ebda kuntratt ta' 6000 tunnellata ta' patata għall-esportazzjoni, tant li ġew esportati madwar 6400 tunnellata patata. Għalhekk il-konklużjoni li wasal għaliha l-Onor. Interpellant hija, għal darba oħra żbaljata għaliex ibbażata fuq tagħrif żbaljat.
Leg 9 PQ #16775 Sitting 315 2000-06-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

San Pawl il-Baħar — Triq San Ġorg - Razzett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu permess iżomm annimali l-uniku razzett li hemm fi Triq San Ġorġ f'San Pawl il-Baħar? X'tip ta' annimali għandu permess irabbi s-sid tar-razzett? Qiegħed iżomm mal-liċenzja li għandu għat-trobbija ta' l-annimali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat illi r-razzett li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa dak tal-baqar tal-ħalib, liema liċenzja tinħareġ mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. Għaldaqstant nitolbu jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #16579 Sitting 314 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

Peress li mistoqsija parlamentari numru 16275 tirriferi għall-overtime ta' ġardinara u mhux ta' general hands, jista' l-Ministru jagħti tweġiba dwar l-overtime tal-general hand?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nerġa għal darba oħra nfakkar lill-Onor. Interpellant x'kien staqsa hu stess f'domanda numru 15920, li għalih irrefera fil-Mistoqsija Parlamentari numru 16275, jiġifieri dwar 'overtime' maħdum regolarment. Għaldaqstant ma għandi xejn xi nżid mar-risposta għad-domanda numru 15920.
Leg 9 PQ #16580 Sitting 314 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

Peress li mistoqsija parlamentari numru 16275 tirriferi għal overtime li għamlu l-ġardinara u mhux l-overtime li għamlu s-security guards, jista' l-Ministru jagħti tweġiba dwar l-overtime ta' security guard?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16579.
Leg 9 PQ #16581 Sitting 314 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 16275, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ġardinara li għamlu l-overtime matul l-istess perijodu barra l-erba' ġardinara li rriferejt għalihom fil-mistoqsija msemmija? Jekk kien hemm aktar minn erba' ġardinara, kif indika huwa stess fil-mistoqsija parlamentari, għaliex ma nkludihomx fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari numru 15920?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nassumi li l-Onor. Interpellant jaf xi staqsa fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15920, jiġifieri dwar ħaddiema li għamlu l-"overtime" regolarment. Jien irrispondejt dak li staqsa hu u għalhekk nerġa' nirreferih għat-tieni paragrafu tat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 16275.
Leg 9 PQ #16582 Sitting 314 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produtturi tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana meta bdew id-diskussjonijiet bejn il-KIM u d-dipartiment tas-servizzi veterinarji sabiex il-linja tal-qatla tal-majjal fil-biċċerija tingħata lill-koperattiva tal-produtturi tal-majjal? Jista' l-Ministru jgħid minn min hija ffurmata l-kummissjoni mħallta sabiex tkompli dawn in-negozjati bejn il-KIM u d-dipartiment konċernat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kieku l-Onor. Interpellant segwa l-aħbar li dehret fil-mezzi tal-komunikazzjoni kollha, kien jifhem li l-KIM talbet li tieħu f'idejha t-tmexxija tal-biċċerija u nista' nerġa ngħid li l-Gvern ma għandu xejn kontra din il-proposta wara li jiġi aċċertat li l-interessi tal-partijiet kollha ser jiġu ssalvagwardjati. Huwa għalhekk li fi ftit ġranet oħra ser jibdew diskussjonijiet esploratorji ħalli naraw eżattament fejn aħna sabiex wara nkunu nistgħu nwaqqfu kumitat biex iħejji studju dwar il-possibilita' li l-biċċerija ma tibqax iżjed titħaddem mid-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji.
Leg 9 PQ #16522 Sitting 313 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Patata — Esportazzjoni

Question

Jikkonferma l-Ministru li madwar 700 tunnellata Sante u madwar 500 tunnellata Alpha li kienu niżlu fil-packing station bejn it-12 u l-15 ta' Mejju ma ġewx esportati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nibda biex ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu stabbilit li fih il-bdiewa kienu jistgħu jieħdu l-patata tal-varjeta' Sante' fil-"grading station" kien iwassal biss sa l-14 t'April. Jiġifieri huwa ċar li l-informazzjoni li qed jibbaża d-domanda fuqha hija żbaljata. Il-patata kollha li laħqet il-livelli ta' kwalita' fil-perjodu stabbilit għall-Alpha u s-Sante' ġiet esportata. Il-perjodu għall-esportazzjoni għas-sena 2000 kien : għall-varjeta Sante' mit-tielet ġimgħa ta' Marzu sat-tieni ġimgħa ta' April u għall-varjeta Alpha kien mill-aħħar ġimgħa ta' April sat-tieni ġimgħa ta' Mejju. Għaldaqstant ma nistax nikkonferma dak li qed jallega l-Onor. Interpellant mingħajr ma ċċekkja l-affarijiet.
Leg 9 PQ #16523 Sitting 313 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Direct aid

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti tal-Kunsill (EC) No.1255/1999 skond kif tirriferi mistoqsija parlamentari numru 16234?

Response (ZAMMIT, NINU)

Kopja tar-regolament immsemmi huwa ppubblikat fl-"Official Journalof The European Communities" data 26-6-1999 f'paġna L160/48.
Leg 9 PQ #16571 Sitting 313 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 16279, jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li Senior Fisheries Official ħa Lm850 overtime, bejn Jannar u April, u ieħor ħa Lm183 biss matul l-istess perijodu? X'kienet ir-raġuni li wieħed kien preferut aktar mill-ieħor?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li fil-perjodu msemmi is-Senior Fisheries Officer li jidher li ħa biss LM183 overtime għamel 19-il ġurnata bis-sick leave u 12-il ġurnata bil-vacation leave. L-istess persuna tagħżel li ma tagħmilx xogħol ta' containers bil-lejl jew kmieni filgħodu. Jagħżel ukoll li ma jagħmilx xogħol ieħor speċjalment fuq il-baħar b'għażla tiegħu. Il-LM183, li jidher li qala'bħala overtime kienu għal perjodu ta' xahar wieħed biss li fih huwa ħadu bħala uffiċjal inkarigat mill-coldstore . Ta' min isemmi hawnhekk li dan ix-xogħol ifisser li l-uffiċjal ħa wkoll kummissjoni mingħand il-Koperattivi fuq il-bejgħ tal-lixka. Fl-aħħarnett nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant illi l-allokazzjoni ta' l-"overtime" fid-Dipartiment tas-Sajd ma ssirx b'kapriċċ iżda minħabba fil-bżonn li tinfetaħ il-Pixkerija u l-coldstore sa minn tard bil-lejl u fis-siegħat bikrin ta' filgħodu. Mhux kull impjegat hu lest jissagrifika ruħu f'dawn il-ħinijiet u meta xi impjegat jagħżel li ma jagħmilx dan ix-xogħol u d-Dipartiment ikollu alternattivi b'impjegati oħrajn, l-allokazzjoni issir fl-aħjar interessi tas-servizz. L-Onor. Interpellant m'għandux jimmaġina xi forma ta' diskriminazzjoni iżda għandu jirrispetta x-xewqat u kwistjonijiet personali ta' l-impjegati li minħabba fihom jagħżlu li ma jaħdmux f'ċertu ħinijiet.
Leg 9 PQ #16572 Sitting 313 2000-06-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex filwaqt li fisheries officers għamlu 'l fuq minn Lm600 overtime, wieħed partikolari għamel biss Lm60, skond l-informazzjoni mogħtija f'mistoqsija parlamentari numru 16279?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-"Fisheries Officer " konċernat jagħmel biss xogħol ta' overtime fir-release tal-containers u dana biss waqt ċertu ħinijiet tal-ġurnata. Dan il-"Fisheries Officer" jagħżel hu stess li ma jattendiex fis-suq jew cold store fis-siegħat bikrin ta' filgħodu u r-releases tal-containers f'ċertu siegħat tal-ġurnata jew lejl minħabba raġunijiet personali. Fl-aħħarnett nixtieq niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant illi l-allokazzjoni ta' l-overtime fid-Dipartiment tas-Sajd ma ssirx b'kapriċċ iżda minħabba fil-bżonn li tinfetaħ il-Pixkerija u l-coldstore sa minn tard bil-lejl u fis-siegħat bikrin ta' filgħodu. Mhux kull impjegat hu lest jissagrifika ruħu f'dawn il-ħinijiet u meta xi impjegat jagħżel li ma jagħmilx dan ix-xogħol u d-Dipartiment ikollu alternattivi b'impjegati oħrajn, l-allokazzjoni issir fl-aħjar interessi tas-servizz. L-Onor. Interpellant m'għandux jimmaġina xi forma ta' diskriminazzjoni iżda għandu jirrispetta x-xewqat u kwistjonijiet personali li minħabba fihom jagħżlu li ma jaħdmux f'ċertu ħinijiet.
Leg 9 PQ #16521 Sitting 312 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Ħaddiema

Question

Peress li l-Ministru faħħar lil wieħed mis-senior officers tad-dipartiment ta' l-agrikoltura li kien jaħdem qrib tiegħu ħafna matul l-amministrazzjoni preċedenti għall-ħidma professjonali li wettaq riċentement, jista' jinfurmana għal liema raġunijiet dan l-uffiċjal ġie mċaħħad mill-promozzjoni ta' direttur ġenerali meta kien ukoll 20 sena senior ta' uffiċjali oħra li ħadu promozzjonijiet oħra? Peress li bi kliemu stess il-Ministru kkonferma li s-servizzi tiegħu huma tajba, jista' jara li jirrimedja għall-inġustizzja politika li saret ma' dan l-uffiċjal li huwa stess qed ifaħħar is-servizzi tiegħu? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant jaf, jew almenu hekk nispera, li l-Ministru ma jagħtix promozzjonijiet. Nispera li huwa konxju wkoll li l-Ministru, almenu fi żmien din l-amministrazzjoni, ma jindaħalx fid-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Għażla. Jekk tul iż-żmien li hu dam Ministru, b'xi mod ħa l-impressjoni li setgħa jinfluwenza l-proċess, nixtieq niġbidlu l-attenzjoni li dan m'huwiex u m'għandux ikun il-kompitu tal-Ministru.
Leg 9 PQ #16428 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Skimmed Milk

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 16123?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-uffiċjali nkarigati mit-tmexxija ta' dan il-ħanut irrapurtawli li ma kienux jinżammu "records" tat-tip li qed jitlob l-Onor. Interpellant, lanqas fiż-żmien meta huwa stess kien Ministru. Pero' is-sena l-oħra bdejna eżerċizzju ta' ġbir ta' ċertu informazzjoni dwar dan l-"outlet" sabiex ir-rwol ta' dan il-ħanut, li oriġinarjamnet kien intenzjonat biex ibigħ prodotti tal-Farm Esperimentali tal-Gvern, jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' illum.
Leg 9 PQ #16487 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Farm ta' l-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex minnu li l-farm ta' l-Għammieri u nursery ta' Wied Inċita se jingħataw lill-privat? Peress li fl-imgħoddi kien hemm il-ħsieb li l-ħaddiema ta' Wied Inċita jiffurmaw kooperattiva, jista' l-Ministru jgħid x'ġara minn din il-proposta tal-ħaddiema?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma hemm l-ebda ħsieb li l-Għammieri u Wied Incita jingħataw lil privat kif qiegħed jgħid l-Onor. Interpellant. Dwar il-Koperattiva li tmexxi Wied Incita, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xewqa tiegħu li jgħaddi l-kumpens kollu ta' Wied Incita lill-Koperattivi magħmul minn tmien (8) ħaddiema qed tiġi riveduta fid-dawl ta' pjanijiet tar-riorganizzazzjoni u modernizzazzjoni li qed jiġu nfassla u mwettqa fid-Departiment kollu.
Leg 9 PQ #16488 Sitting 311 2000-06-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Farm esperimentali — Żriegħ

Question

Jista' l-Ministru jinformani xi provi fuq varjeta' ta' żriegħ saru fil-farm esperimentali ta' l-Għammieri matul dawn l-aħħar ħames xhur ta' din is-sena? Meta saru xahar b'xahar u kemm kienet tammonta l-ispiża ta' dawn il-provi? Kemm kien in-numru ta' tekniċi u studenti nvoluti fl-analiżi ta' dawn il-provi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li l-perjodu Jannar/Mejju ta' din is-sena saru diversi provi ta' tkabbir ta' numru ta' varjetajiet ta' żriegħ ta' ħxejjex, ta' magħlef u ta' fjuri fil-Farm Esperimentali ta' l-Għammieri, kif jidher fit-tabella ta' hawn taħt: Wiċċ Perjodu Nru ta' Varjetajiet Patata Frar 12 Tadam Marzu/April 16 Brunġiel Marzu/April 4 Sweet Corn Mejju 3 Pastard Jannar 1 Courgettes Jannar 2 Sorghum (qaraboċċ) Frar 1 Forage Cabbage (Kale) Frar 1 Linseed (Kittien) Frar 1 Rapeseed Frar 1 Ful ta' Girba Frar 1 Forage Sugarbeet Frar 1 Italian Rye Grass Frar 1 Gladioli Frar Mħalltin Delphi April Mħalltin L-i spiża għal dawn il-provi toħroġ min-nefqa ġenerali rikorrenti tal-farm bħala attivitajiet 'on-going' matul is-sena, flimkien ma' xogħolijiet oħra li jitwettqu taħt l-istess vot. In-numru ta' tekniċi u studenti nvoluti ta' dawn il-provi huma sitta.
Leg 9 PQ #16412 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni tal-ħaxix — Scientific officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tekniċi u scientific officers, eċċ. li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni tal-produzzjoni tal-ħaxix mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Min se jkun responsabbli mill-aġġornamenti li jridu jsiru sabiex ikun sorveljat u sostnut l-għemil ta' standards skond il-Malta Standardisation Act, Cap. 187?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din hija 'standard question' oħra li tagħmel referenza għal diversi suġġetti/sezzjonijiet li jinkludu: trobbija tal-fniek, ortikoltura, sezzjoni tal-frott frisk, agrikoltura, sezzjoni tat-tadam, sezzjoni tal-ħaxix, eċċ. Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 'hawn ma kienx hemm Tekniċi u Scientific Officers eċċ li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni tal-produzzjoni tal-ħaxix. Naturalment id-Direttur ta' l-Agrikoltura huwa responsabbli għad-Dipartimenti kollha.
Leg 9 PQ #16413 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produzzjoni tal-frott frisk — Scientific officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tekniċi u scientific officers eċċ. li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni tal-produzzjoni tal-frott frisk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Min se jkun responsabbli mill-aġġornamenti li jridu jsiru sabiex ikun sorveljat u sostnut l-għemil ta' standards skond il-Malta Standardisation Act, Cap. 187?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din hija "standard question" oħra li tagħmel referenza għal diversi suġġetti/sezzjonijiet li jinkludu: trobbija tal-fniek, ortikoltura, vitikoltura, sezzjoni tal-frott frisk, sezzjoni tat-tadam, sezzjoni tal-ħaxix, eċċ. Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn ma kienx hemm Tekniċi u Scientific Officers eċċ li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni tal-produzzjoni tal-frott frisk. Naturalment id-Direttur Ġenerali ta' l-Agrikoltura huwa responsabbli għad-Dipartimenti kollha.
Leg 9 PQ #16414 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Industrija tat-tadam — Scientific officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tekniċi u scientific officers, eċċ. li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni tal-produzzjoni għall-industrija tat-tadam mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Min se jkun responsabbli mill-aġġornamenti li jridu jsiru sabiex ikun sorveljat u sostnut l-għemil ta' standards skond il-Malta Standardisation Act, Cap. 187?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din hija 'standard question' oħra li tagħmel referenza għal diversi suġġetti/sezzjonijiet li jinkudu: trobbija tal-fniek, ortikoltura, vitikoltura, sezzjoni tal-frott frisk, agrikoltura, sezzjoni tat-tadam, sezzjoni tal-ħaxix, eċċ. Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 'hawn ma kienx hemm Tekniċi u Scientific Officers eċċ li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fiz-sezzjoni tal-produzzjoni għall-industrija tat-tadam. Naturalment id-Direttur ta' l-Agrikoltura huwa responsabbli għad-Dipartimenti kollha.
Leg 9 PQ #16415 Sitting 310 2000-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Scientific officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tekniċi, scientific officers, eċċ. li ġew on loan, seconded u/jew impjegati fis-sezzjoni ta' l-agrikoltura mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn? Jista' jgħid min se jkun responsabbli mill-aġġornament li jrid isir sabiex din l-industrija tkun konformi ma' l-att ta' għemil ta' standards?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din hija "standard question" oħra li tagħmel referenza għal diversi suġġetti/sezzjonijiet li jinkludu: trobbija tal-fniek, ortikoltura, vitikoltura, sezzjoni tal-frott frisk, agrikoltura, sezzjoni tat-tadam, sezzjoni tal-ħaxix, eċċ. Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 ġew appuntati disa' (9) Agricultural Officers fid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Naturalment il-persuna responsabbli biex ikun sorveljat u sostenut l-għemil ta' standards huwa d-Direttur Ġenerali.
Leg 9 PQ #16374 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Karrotti — Prezz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz medju għall-prodott tal-karrotti ta' din is-sena fil-pitkalija ċentrali? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 1997, 1998 u 1999 rispettivament?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prezz medju għall-prodott tal-karotti kull kilo xahar b'xahar bejn Jannar u Mejju ta' snin 1997-2000 kien kif ġej :- 1997 1998 1999 2000 Jannar 5.35ċ 17.6 0ċ 8.53ċ 12.55ċ Frar 5.77ċ 28.40ċ 8.33ċ 20. 59ċ Marzu 5.09ċ 29.13ċ 5.93ċ 19.74ċ April 1 0.39ċ 24.77ċ 6.76ċ 18.43ċ Mejju 13.34ċ 15.94 ċ 10.12ċ 16.20ċ Ta' min ifakkar li l-prezzijiet tal-prodotti tal-biedja ma huma mertu ta' ħadd u jiddependu mill-forzi tas-suq u mill-għaqal u l-bżulija tal-bidwi innifsu skond kif jippermetti t-temp.
Leg 9 PQ #16382 Sitting 309 2000-06-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biedja/sajd — Protocoll

Question

Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi li saru dwar il-protocoll ta' koperazzjoni fl-oqsma tal-biedja u sajd bejn Malta u l-Libja mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Kemm ġew delegazzjonijiet mil-Libja sabiex jiġu diskussi l-iżviluppi fis-setturi varji? Kemm marru delegazzjonijiet Maltin fil-Libja sabiex ikompli jiġi diskuss u żviluppat dan l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet ekonomiċi f'dan is-settur u s-servizzi li jirrikjedu speċjalment fil-Libja?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ġiet l-ebda delegazzjoni mill-Libja sabiex jiġi diskuss il-protokol ta' koperazzjoni fl-oqsma tal-biedja u s-sajd mill-5 ta'Settembru 'il hawn. Minn Malta marret delegazzjoni waħda fil-Libja bejn it-18 u l-21 ta' Ottubru 1999. Nirreferi l-Onor. Interpellant ukoll għar-risposta li tajtu għad-domanda Nru. 10894.