Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment għall-affarijiet rurali matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jekk l-Onor. Interpellant b’Dipartiment għall-Affarijiet Rurali qiegħed jirreferi għad-Direttorat ta’ l-Iżvilupp Rurali, ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ staff fid-Direttorat ma żdiedx fis-sena 2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-ambjent matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Membru mitlub jinnota li d-Dipartiment ta’ l-Ambjent ġie amalgamat ma’ l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, illum l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) u għalhekk ma jeżistix f’pajjiżna Dipartiment ta’ l-Ambjent.
Jista' il-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa u urġenti biex permess PA04274/03 għal slipway f'Pembroke jiġi pproċessat mill-aktar fis possibbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-permess għall-kostruzzjoni ta’ slipway f'Pembroke (numru PA 4274/03) inħareġ mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fit -30 ta' Marzu 2004. Iżda mbagħad irriżulta li kien hemm oġġezzjoni mill-Water Services Corporation (WSC) għas-sit magħżul minħabba li l-użu tas-slipway seta’ kellu impatt negattiv fuq l-impjanti ta’ Reverse Osmosis fil-viċin.
Jista' il-Ministru jindaga u jispjega kif inħareġ permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex fil-fond indikat separatament inħareġ il-permess tal-klinika psikjatrika?
Jaf il-Ministru li kienu diġa' saru żewġ applikazzjonijiet (waħda sabiex il-fond jintuża għal skopijiet soċjali u oħra biex jintuża bħala uffiċċju) u dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda?
Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-awtorita' biddlet il-ħsieb tagħha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li minn tfittxija fid-Database ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) jirriżulta li l-unika applikazzjoni fuq il-fond imsemmi kienet PA1537/04, liema applikazzjoni kienet għal tibdil intern fl-istess fond mingħajr tibdil fl-użu - li kien u kellu jibqa' dak residenzjali. Għalhekk ma jidhirx li l-Awtorità qatt ħarġet permess sabiex il-fond imsemmi jinbidil fi klinika psikjatrika.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex l-iżvilupp propost dwar bini ta' appartamenti , basement garages u saħansitra penthouses biswit il-kappella tal-Madonna tal-Viżitazzjoni, f'Ta' Wejda l/o tal-Mosta, ma jsirx għaliex jekk jingħata u jinħareġ il-permess se ssir ħsara rreparabbli lil dan il-bini storiku li għandu 'il fuq minn 400 sena kif ukoll l-ambjent ta' madwar li fuq kollox huwa wirt uniku u storiku Mosti u ta' importanza ta' konservazzjoni arkitettonika u reliġjuża unika f'pajjiżna?
Jista’ il-Ministru jgħid kemm–il kopja tal-fuljett intitolat ‘Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin" u li kien ippubblikat mill-kumpanija WasteServ u mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent ġew stampati? Jista’ jgħid ukoll f’liema stamperija ġew stampati u jekk ħarġitx sejħa għal offerti/tenders għall-istampar tagħhom?
Kemm hi l-ispiża totali involuta, inkluż id-distribuzzjoni u l-pustaġġ u minn liema vot tħallsu l-ispejjeż konnessi?
Jista’ il-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Bord tal-MEPA kienx aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ, skond kif inhu stipulat fit-
terms of reference
ta' l-istess MEPA fl-2004?
Min kienu l-membri tal-bord li ddeċidew dwar dan u f'liema data ttieħdet id-deċiżjoni?
Jikkonferma l-Ministru li l-insib se jieqaf fis-sena 2008 kontra dak li qal il-Ministru qabel? Jekk se jkompli, kif hemm min mill-Unjoni Ewropea li qed jgħid li l-insib se jkollu jieqaf? Ma jidhirlux li għandu jikkjarifika dan il-fatt fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet li ħarġu mill-Unjoni Ewropea?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument European Union Common Position, Kapitlu 22 li qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jikkonferma l-Ministru li l-kanali li jsaqqu l-għelieqi ta' l-impjant ta' Sant'Antnin qegħdin jaqgħu? Jikkonferma li l-ħaddiema tal-maintenance tneħħew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jistaqsi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Safar minn uffiċjali pubbliċi
Question
Jista' il-Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-ammont totali li ntefaq fuq safar uffiċjali matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta’ Ġunju) minn entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif jidher hawn taħt :
2003
Lm
2004
Lm
2005
(sa l-aħħar
ta’ Ġunju)
Lm
Ministeru / Dipartiment
72,643.000
119,993.000
100,528.000
Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar
48,664.700
53,295.000
60,195.140
Wasteserv Malta Limited
24,370.030
11,946.340
8,435.250
TOTAL
145,677.730
185,234.340
161,566.390
Irrid niċċara li, fil-każ ta’ l-ispiża tal-Ministeru / Dipartimenti, l-ammonti ndikati juru n-nefqa li tidher taħt it-Travel Vote (Item 28) ta’ l-Estimi.
Irrid inżid ukoll li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma’ laqgħat ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ammont ta’ Lm 107,537.700 diġà ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill-Gvern Malti
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew imposti multi mill-MEPA minħabba nuqqas ta' spazju għall-parkeġġ f'applikazzjonijiet sottomessi għall-iżvilupp f'Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' ġentilment jindika l-multi kif imposti separatament għal kull raħal f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13598, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ma timponix multi minħabba nuqqas ta' spazju għall-parkeġġ f'applikazzjonijiet sottomessi, iżda minflok titlob kontribuzzjoni għall-Iskema tal-Commuted Parking.
Skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea, suppost li jsiru fixed air conditioning stations, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jeżistux f'Malta jew le? Jekk le, għandu ħsieb il-gvern li jwaqqafhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Membru hu mitlub jispjega aktar din il-Mistoqsija.
Jista' il-Ministru jgħid jekk l-Environmental Management Plan hux komplut jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mħejji abozz ta' National Strategy for Sustainable Development mill-Kummisjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli u wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika dan qiegħed jiġi emendat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-preżent ma kien hemm l-ebda każ mressaq quddiem il-public service commission.
Billi fil-party li sar iċ-Ċirkewwa nhar il-5 ta' Ġunju il-mużika nstemgħet mil-lukanda Paradise Bay u kienet ta' inkonvenjent anke għal ħafna residenti, jista' il-Ministru jgħid jekk l-organizzaturi kisrux il-guidelines tal-MEPA dwar noise pollution u jekk sarx monitoring ta' dan? Jekk sar rapport f'dan is-sens, x'passi se tieħu l-MEPA kontra dan l-abbuż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet permess sabiex setgħat issir din l-attività minħabba li s-sit huwa skedat u zona ta' konservazzjoni speċjali. Fil-fatt uffiċċjali ta’l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) immoniterjaw iż-żona qabel, waqt, u wara l-attività sa biex jassiguraw li ma ssirx ħsara ambjentali fl-istess żona. Minn dan irriżulta li l-kundizzjonijiet li għamlet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ġew osservati.
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Pulizija hi l-awtorità kompetenti fir-rigward ta' ħsejjes li jistgħu jkunu ta' nkonvenjent għal min joqgħod viċin.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-policy tad-dipartiment ta' l-ambjent biex jassigura li tiġi salvagwardata art għammiela għall-biedja f'każ ta' raba' saqwi jew ta' wiċċ wieħed (bagħli)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha numru ta' policies indirizzati sabiex jissalvagwardjaw art agrikola. Dawn huma msejsa fuq il-qafas strateġiku tal-Pjan ta' Struttura permezz ta' numru tal-policies f'Taqsima 11 tal-Pjan ta' Struttura għall-Gżejjer Maltin (Agriculture, Horticulture and Fisheries). Hemm policies oħrajn fit-Taqsima 15 (Conservation) li wkoll jisħqu fuq il-ħtieġa ta' ħarsien ta' art agrikola ta' kwalità tajba.
Numru ta' pjanijiet lokali, jew l-abbozzi tagħhom, jenfasiżżaw fuq il-ħtieġa li tiġi mħarsa l-art għammiela, u fejn hu relevanti, din hija wkoll indikata fuq mapep li magħhom ikun hemm policies partikolari.
F'każ ta' proġetti ta' ċertu daqs, dawn jiġu soġġetti wkoll għal Studji ta' Impatt Ambjentali (Environmental Impact Assessments) u ħafna drabi l-art agrikola tikkostitwixxi wieħed mill-fatturi li jiġi mgħarbel bir-reqqa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali għall-fuljett li ġie mqassam f'kull dar f'Wied il-Għajn u l-inħawi intitolat "It-titjib ta' l-impjant għar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn"? Minn min tħallsu l-ispejjeż involuti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża totali għall-fuljett intitulat "It-titjib ta' l-impjant għar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn" tammonta għal Lm1,695.00 (VAT inkluż). Din l-ispiża kienet tinkludi l-istampar u l-pustaġġ ta' dan il-fuljett. L-ispejjeż ittieħdu minn fondi allokati għall-Public Relations fl-estimi għas-sena 2005.
Jista' il-Ministru jgħid kemm neħħa u qala' siġar minn ġol-Buskett l-environmental landscape consortium matul din l-aħħar sena? Jista' jgħid kemm tħawlu siġar ġodda f'dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li, permezz ta’ l-Environmental Landscapes Consortium Ltd., b'mod regolari tneħħew siġar li kienu mejta, jew qed jaqgħu, fosthom xi siġar bħal Sumakka li mhux suppost titkabbar f’pajjiżna, u hemm pjanijiet li jitħawlu diversi siġar.
Wara li tħabbru l-aħħar żviluppi dwar il-golf course study, jista' il-Ministru jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra ta' dawn l-istudji kollha li saru mill-uffiċjali tal-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni hija aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern irrakkmandax is-sit ta' Għajn Tuffieħa għal studju mill-MEPA dwar il-possibbilta' li ssir golf course f'dawn l-inħawi? Jekk mhux il-gvern, jista' jgħid min għamel din ir-rakkmandazzjoni għal dan il-post? Jista' jippreżenta kopja fuq il-mejda tal-Kamra tal-minuti tal-bord tal-MEPA fejn kien diskuss dan is-sit?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 13399.