Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Barranin — Mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru 1998 sal-31 ta' Marzu 1999? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?

Response (BORG, JOE)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant japprezza li, fl-1999, mhiex xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru jkollu użu ta` mobile phone. Jien infurmat li fil-perjodu li fih kont nokkupa l-kariga ta` Segretarju Parlamentari, jiġifieri mill-24 ta` Settembru 1998 sat-23 ta` Marzu 1999 in-nefqa fuq il-mobile phone li nagħmel użu minnu jien kienet ta` LM335.38, li minnhom LM225.00 kienu spejjeż tas-set innifsu. L-ispejjeż għall-kiri u sejħiet jkopru il-hlasijiet li saru sat-23 ta` Marzu 1999. Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-Mejda tal-Kamra.

EU — Fond soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jagħti xi dettalji dwar kif u meta pajjiżna jista' jibbenifika minn N.O.W. project (New Opprtunities for Women) mniedi mill-Fond Soċjali ta' l-Unjoni Ewropea, proġett imniedi mill-UE fl-1994 sabiex jiffaċilita' l-ħolqien ta' opportuntajiet ta' xogħol għan-nisa?

Response (BORG, JOE)

L-inizjattiva NOW, li hi miftuħa biss għall-istati membri ta` l-Unjoni Ewropeja, hu mistenni li tasal fi tmiemha fl-aħħar ta` din is-sena. Jien infurmat li fi ħdan il-Kummissjoni Ewropeja hemm il-ħsieb li tiġi proposta inizjattiva ġdida bl-isem ta` EQUAL li tkun tinkorpora l-għanijiet li għaliha kienet twaqqfet l-inizjattiva NOW. Jien ninsab infurmat ukoll li l-Kummissjoni Ewropeja qiegħda tikkunsidra l-possibilita` li l-pajjiżi applikanti jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fl-inizjattiva EQUAL. Jekk dan ikun il-każ Malta tkun tista tipparteċipa f`din l-inizjattiva bħala pajjiż applikant għal sħubija fl-Unjoni Ewropeja.
Leg 9 PQ #8411 Sitting 130 1999-07-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

UE — Customs Union

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema sena qed jiġi targeted li jintlaħaq customs union mal-UE?

Response (BORG, JOE)

Il-Kwistjoni tal-unjoni doganali mal-Unjoni Ewropeja hija sorpassata mill-proċess li għandu jwassal għas-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja u għalhekk l-otteniment ta` unjoni doganali huwa marbut mas-sħubija.

Affarijiet Barranin — Safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer mill-5 ta' Settembru 'l hawn fuq xogħol governattiv? Min kienu l-persuni li akkumpanjawh fuq kull safra? X'kienet in-natura ta' kull safra u kemm huwa maħsub li ġiet tiswa kull safra lill-kaxxa ta' Malta?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk risposta tingħata f`seduta oħra.
Leg 9 PQ #7887 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Bordijiet governattivi — Membri

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta' nies u l-persentaġġi ta' rġiel u nisa li huma membri f'bordijiet governattivi u parastatali li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-membri f`bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta tiegħi. Il-bord tal-MEUSAC (Malta EU Steering Action Committee)jiltaqa taħt iċ-Chairmanship tiegħi. Qiegħed nagħti wkoll lista tal-Membri tal-Bord Konsultattiv tal-MIC (Malta EU Information Centre), liema Information Centre jaqa taħt ir-responsabbilta tal-MEUSAC.
Leg 9 PQ #8018 Sitting 128 1999-06-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Konsolat Ġenerali ta' Malta — Uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-ħsara li ġarrbu l-uffiċini tal-Konsolat Ġenerali ta' Malta li jinsabu f'York Street, Sydney fl-Awstralja fi ħruq li kien sar? Jista' jgħid min kien responsabbli għal din il-ħsara u min se jħallas? Jista' jgħid jekk dawn l-uffiċini reġgħux infetħu?

Response (BORG, JOE)

Fil-lejl ta` bejn it-Tlieta 16 ta` Marzu u l-Erbgħa 17 ta` Marzu 1999, kien hemm ħruq fir-raba` sular tal-bini fejn hemm l-uffiċċju tal-Konsolat Ġenerali għal New South Wales, f`127, York Street, Sydney. Is-sistema ta` l-isprinklers minħabba in-nar żbroffat u l-ilma ikkawża ħsarat estensivi fl-Uffiċċju li qiegħed fit-tielet sular. L-uffiċċju qatt ma kien magħluq għall-pubbliku u baqa` jopera minn uffiċċju temporanju fl-istess bini sas-7 ta` April 1999 meta l-Konsolat irritorna fl-uffiċċju oriġinali tiegħu. Il-ħsara ġiet iċċertifikata mill-kumpanija ta` l-Insurance li tammonta għal A$8,900. Il-claim mal-kumpanija ta` l-Insurance diġa` ġiet aċċettata u imħallsa.

EU — Negozjatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinħatar in-negozjatur ewlieni tal-Gvern Malti biex imexxi l-isforzi għal sħubija fl-Unjoni Ewropea? X'qed iżomm il-gvern milli jaħtar negozjatur ewlieni? Fuq liema kriterji mistenni jagħżel dan in-negozjatur ewlieni?

Response (BORG, JOE)

In-negozjatur ewlieni li sejjer ikollu l-inkarigu li jmexxi n-negozjati għas-sħubija mal-Unjoni Ewropeja qiegħed fil-proċess li jiġi identifikat. Deċiżjoni finali mistennija tittieħed fi żmien suffiċjenti qabel il-bidu tan-negozjati. Nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li, minn informazzjoni li għandi, dawk il-pajjiżi applikanti li magħhom għadhom ma bdewx in-negozjati, għadhom ma ħatrux negozjatur ewlieni. Dwar it-tieni u t-tielet mistoqsijiet tal-Onorevoli Interpellant irrid ngħid li m`hemm assolutament xejn li qiegħed iżomm lill-Gvern milli jagħmel din il-ħatra li trid tkun imsejsa fuq il-kriterju tal-kompetenza. Dan sabiex jiġi żgurat li l-pakkett negozjat ikun l-aħjar wieħed fiċ-ċirkostanzi u jkun fl-aħjar interessi tas-setturi kollha tas-soċjeta` Maltija.
Leg 9 PQ #8011 Sitting 127 1999-06-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Affarijiet Barranin — Delegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 5761 dwar delegazzjonijiet mill-Ministeru tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Nazzjonalista ħejjiex policy dwar il-pożizzjoni tiegħu - jekk kemm-il darba Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropea - rigward iż-żewġt kurrenti ta' politika preżenti fl-Unjoni Ewropea u ċioe':- koperazzjoni akbar bejn il-gvernijiet imsieħba jew federazzjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Il-Gvern huwa tal-fehma li m`hemm l-ebda neċessita li tiġi stabbilita politika simili ġaladarba id-differenzi bejn dawn iż-żewġ kurrenti ta` fehmiet, li tajjeb li wieħed jgħid qatt ma` kienu ta` xi entita` estrema matul is-snin, qegħdin kull ma` jmorru joqorbu dejjem aktar lejn xulxin. Ta min wieħed jgħid li fil-futur, bħala membru ta` l-Unjoni, Malta tkun f`pożizzjoni li tipparteċipa u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-istess Unjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Linji diretti tat-telefon

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5590?

Response (BORG, JOE)

In-numru ta` linji telefoniċi diretti b`aċċess għal telefonati diretti għal barra minn Malta huwa 22 imqassmin kif jingħad hawn taħt: Segretarjat Privat 10 Uffiċċju tas-Secretarjat Permanenti 2 Direttorat Servizzi Korporattivi 2 Direttorat Affarijiet Bilaterali 1 Direttorat Affarijiet Multilaterali 1 Direttorat Unjoni Ewropeja 6 Hemm ukoll 13 il-linja li jintużaw għall-trasmissjoni bil-fax u huma mqassmin kif ser jingħad: Segretarjat Privat 4 Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti 1 Direttorat Servizzi Korporattivi 3 Direttorat Affarijiet Bilaterali 1 Direttorat Affarijiet Multilaterali 2 Direttorat Unjoni Ewropeja 2

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew minn wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma; (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemm huma fl-ammont?

Response (BORG, JOE)

Nxtraw tlett karozzi, waħda għall-użu uffiċċjali tiegħi, oħra għall-użu uffiċċjali tal-Kummissjoni Għolja f`Canberra u l-oħra għall-użu uffiċċjali tal-ambaxxata fi Strasbourg. Fil-każi kollha nġiebu quotations. Qiegħed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji oħra rigwardanti din ir-risposta.

NATO — Ajruplani/vapuri tal-gwerra

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx xi talba minn xi pajjiżi tan-NATO biex ajruplani/vapuri tal-gwerra li qed jieħdu sehem fil-gwerra kontra l-Jugoslavja jieqfu xi żmien f'Malta? X'kienet ir-risposta tal-gvern għal din it-talba?

Response (BORG, JOE)

Il-Ministeru ma kellu l-ebda talba speċifika minn xi pajjiżi tan-NATO biex ajruplani militari/vapuri navali li kienu ħadu sehem fl-attakki kontra l-Jugoslavja jieqfu għal xi żmien f`Malta.
Leg 9 PQ #7564 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Politika komuni barranija u ta' sigurta' — Sħubija ta' Malta

Question

Billi l-gvern Malti ilu kommess mill-1992 li jissieħeb f'politika komuni barranija u ta' sigurta', anke meta din tieħu dimensjoni ta' difiża, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-reazzjoni uffiċjali tal-gvern Malti għall-mixja attwali tal-mexxej Ewropej lejn difiża komuni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti għall-progress li qiegħed isir fir-rigward tal-politika komuni barranija u ta` sigurta tal-Unjoni Ewropeja hija waħda ta` rikonoxximent għall-bżonn li l-Unjoni jkollha l-meżżi sabiex tiggarantixxi s-sigurta` tagħha. Il-Gvern iqis li żvilupp simili ma huwa bl-ebda mod ta` ostaklu għas-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja, fatt li ġie rikonoxxut mill-istess Unjoni fis-sessjoni ta` screening fuq dan il-qasam li sar fit-8 ta` Ġunju.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phones? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (BORG, JOE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi li turi (i) il-karigi tagħhom, (ii) liema minnhom qegħdin b`kuntratti, (iii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta` dawk il-persuni li huma ntitolati għal użu ta` mobile, u (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta` l-istaff skond il-Memorandum `Engagement of Staff in Private Secretariats` li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f`Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-Mejda fil-ġranet li ġejjin. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-onorevoli nterpellant huma kollha konformi ma` dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m`hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organiżazzjoni parastatali.

Ambaxxaturi Maltin

Question

Mill-5 ta' Settembru, 1998 sa April 1999 ( fi tmiemu) liema ambaxxaturi Maltin użaw il-faċilitajiet ta' l-ajurport Malti kull meta ġew u telqu minn Malta? Min kienu dawn l-ambaxxaturi? Kemm-il darba użaw il-faċilitajiet tal-VIP fl-ajruport u f'liema data?

Response (BORG, JOE)

Qed nagħti informazzjoni dwar id-dati li juru kemm il-darba, u f`liema dati Ambaxxaturi Maltin għamlu użu mill-faċilitajiet tal-VIP fl-ajruport ta` Malta. Mhux dejjem huwa l-każ li Ambaxxaturi Maltin jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet kull meta jaslu jew jitilqu minn Malta. Ambaxxatur Dati li fihom Dati li fihom sar użu mill- sar użu mill- faċilitajiet faċilitajiet tal-VIP mal- tal-VIP mat- wasla f`Malta tluq minn Malta Is-Sur Vincent Camilleri 31.12.98 06.09.98 Prof Salvino Busuttil 27.02.99 07.01.99 01.04.99 07.03.99 Dr Noel Buttigieg Scicluna 07.03.99 28.02.99 28.03.99 26.01.99 02.02.99 13.09.98 Is-Sur Salvu Borg 07.03.99 27.02.99 Is-Sur Gaetan Naudi 22.03.99 17.03.99 14.04.99 Is-Sur Henry De Gabriele 12.04.99 08.03.99 03.03.99 06.09.98 23.12.98 Dr George Bonello du Puis 30.03.99 03.01.99 25.01.99 Dr Michael Bartolo 13.04.99 20.04.99 13.03.99 20.03.99 Dr Jimmy Farrugia 20.04.99 17.04.99 Is-Sur George Saliba 13.02.99 06.09.98 26.03.99 17.02.99 Is-Sur George Doublesin 23.12.98 09.01.99 Is-Sur George Busuttil 17.12.98 08.09.98 Chev. P Naudi 09.09.98 Is-Sur Victor Camilleri 20.09.98 10.02.99 09.02.99 05.09.98 16.03.99 06.09.98 24.04.99 24.09.98 01.04.99 17.03.99 11.04.99 Dr Mario Costa 22.10.98 17.09.98 03.02.98 29.10.98 21.02.99 25.02.99 07.03.99 Is-Sur Maurice Abela 16.10.98 06.09.98 18.12.98 21.10.98 09.01.99 Is-Sur Charles Vella 23.10.98 09.09.98 Is-Sur Alfred Zarb 11.11.98 08.11.99 03.02.99 22.11.98 21.03.99 30.01.99 17.03.99 31.01.99 Is-Sur Richard Matrenza 03.12.98 09.09.98 04.10.98 Is-Sur Carmel Aquilina 18.12.99 06.09.98 21.03.99 03.01.99 09.04.99 Dr Joseph Licari 19.12.98 07.01.99
Leg 9 PQ #7519 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7221?

Response (BORG, JOE)

In-nefqa f`hospitality u fi vjaġġi mill-elezzjoni ġenerali sakemm kien għadu jokkupa l-kariga ta` Ministru ta` l-Affarijiet Barranin il-predeċessur tiegħi, kienet LM7482.72 u LM43,535.13 rispettivament.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux sodisfatt bil-kwalita' ta' xogħol li qed isir min-naħa Maltija fil-ġbir u għoti ta' informazzjoni fil-proċess ta' screening li qed isir għall-applikazzjoni ta' Malta għal sħubija fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, JOE)

Minn dak li sar sa llum, iva, ninsab sodisfatt bil-kwalita` ta` xogħol li qed isir min-naħa Maltija fil-ġbir u għoti ta` informazzjoni fil-proċess ta` screening li qed isir għall-applikazzjoni ta` Malta fl-Unjoni Ewropeja.

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-oqsma speċifiċi li l-gvern mhux lest iċedi dwarhom fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropea dwar sħubija?

Response (BORG, JOE)

M`huwiex għaqli li l-pożizzjoni li l-Gvern Malti fi ħsiebu jadotta waqt in-negozjati dwar aspetti partikolari li dwarhom jridu jsiru n-negozjati tiġi żvelata minn qabel.
Leg 9 PQ #7221 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Ministru ta' l-Affarijiet Barranin — Hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq fi vjaġġi u f'hospitality mill-predeċessur tiegħu mill-elezzjoni ġenerali sal-lum?

Response (BORG, JOE)

L-informazzjoni qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
Leg 9 PQ #7214 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Liġijiet Maltin

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li partijiet sħaħ mill-proċess ta' l-iscreening li jqabbel il-liġijiet Maltin ma' dawk ta' l-UE jridu jerġgħu jsiru minħabba li dawn ma sarux b'mod korrett?

Response (BORG, JOE)

Mhux minnu li partijiet sħaħ mill-proċess ta` tqabbil ta` liġijiet bejn dawk ta` Malta u ta` l-Unjoni ma sarux sew u kellhom jerġgħu jsiru.