Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #12347 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Rekluti ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hu maħsub li r-rekluti l-ġodda fil-Forzi Armati jibdew ir-reklutaġġ tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-proċess ta' għażla issa ntemm u l-ingaġġ ta' rekluti ġodda fil-Forzi Armati għandu jseħħ fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #12381 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Eżamijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm persuni għaddew mill-eżami kemm dak miktub kif ukoll mediku fir-reklutaġġ ta' suldati ġodda mal-Forzi Armati? Kemm minnhom se jiġu ngaġġati? Meta se jibdew dawk magħżula?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hi kif muri hawn taħt: Numru ta' kandidati li għaddew mill-eżami bil-miktub: 101 Numru ta' kandidati li għaddew mill-eżami mediku: 85 Kandidat li kellu nċident għad irid isirlu eżami mediku fil-futur qarib. Il-Kandidati li għaddew minn kollox (eżami fiżiku, eżami bil-miktub, intervista u eżami mediku) se jiġu ngaġġati fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #12515 Sitting 220 2000-01-17 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta'l-Inġustizzji — Impjegati taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni, waħda wara l-oħra, f'dawk il-każijiet deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji fejn ġew deċiżi favur ir-rikorrenti, li huma mpjegati fiċ-Ċivil, u li sal-lum ma ġewx mogħtija l-promozzjonijiet mistħoqqa, jew għax weħlu fil-PSC jew għal xi raġuni oħra? Jaħseb allura li m'hemmx skop li dawk il-każijiet simili pendenti quddiem it-tribunal ma baqax skop li jitkomplew?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi hemm sitt każi li rrefera għalihom l-Onorevoli Membru; hemm tlieta li ma ġewx implimentati għax il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħasset li ma tistax tagħmel ir-rakkomandazzjoni tagħha għall-ħatra nvoluta, hemm żewġ każi fejn intalbet ritrattazzjoni u każ ieħor fejn id-deċiżjoni qed tiġi impunjata permezz ta' kawża fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. It-tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #11952 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Assistant Head

Question

Jista' l-Prim Ministru jindaga għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament li kien għamel l-eżami għall-Assistant Head taħt l-awspiċi tal-PSC kif mit-tielet parti fl-eżami oriġinali li sar f'Ġunju 1998 (liema eżami ġie annullat) spiċċa fit-78 post meta l-eżami reġa' sar f'Awissu 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-uffiċjal li tagħmel referenza għalih il-Mistoqsija ta' l-Onorevoli Membru, għamel petizzjoni lili bħala Prim Ministru u din il-petizzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-parir tagħha, fit-termini ta' paragrafu 1.1.7.1 ta' l-Estacode. Jien infurmat mill-Kummissjoni li hi għamlet l-istħarriġ li dehrilha xieraq f'dan il-każ u ma sabitx ġustifikazzjoni sabiex tagħmel xi tibdil fir-riżultat li dan il-kandidat ġab fit-tieni intervista li saret.
Leg 9 PQ #12202 Sitting 215 2000-01-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi bejn l-1987 u l-1996 mill-Ministeru, dipartimenti u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'marka jew ditta dawn il-karozzi kienu? Jista' jgħid kemm ġew jiswew fi flus il-karozzi b'mod separat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #12094 Sitting 214 1999-12-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Hospital Auxiliaries

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-grad ta' Hospital Auxiliaries li mhux qed jaħdmu fid-dekasteru tas-saħħa u tas-social policy?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' Hospital Auxiliaries li jaħdmu f'dipartimenti barra l-Ministeri tas-Saħħa u tal-Politika Soċjali huwa ta' wieħed u għoxrin (21).
Leg 9 PQ #12059 Sitting 213 1999-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Wied il-Qlegħja — Skart

Question

Peress li nġabar ħafna skart fil-wiċċ ta' l-ilma ta' Wied il-Qlegħja u l-fatt li t-temp huwa stabbli, jista' l-Prim Ministru jikkunsidra li tintervjeni l-Armata sabiex isir it-tindif li hemm bżonn ħalli ċ-ċittadini Maltin u t-turisti li jżuru dan il-wied ikunu jistgħu jgawdu ambjent aħjar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-ġbir u t-tindif ta' skart minn Wied il-Qlegħja ma għandux ikun ikkunsidrat bħala responsabbilta tal-Forzi Armati, iżda ta' Dipartimenti oħrajn li għandhom dmir u responsabbilta diretta għal dan it-tip ta' xogħol. L-intervent tal-Forzi Armati jkun meħtieġ meta tkun hemm xi emergenza bħal ma kellna dan l-aħħar bix-xita kontinwa li damet nieżla erbat ijiem. F'dawk il-ġranet il-Forzi Armati flimkien ma organiżżazzjonijiet oħrajn taw assistenza utili lil persuni u wettqu ħidma ta' emergenza fi djar, f'toroq u f'karozzi maqbuda fl-għargħar.
Leg 9 PQ #11282 Sitting 209 1999-12-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Training f'Pembroke

Question

Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex kull darba li l-Forzi Armati jkunu se jagħmlu eżerċizzju militari f'Pembroke r-residenti ta' Pembroke jiġu nfurmati u avżati minn qabel, permess ta' ittra u mhux sempliċement b'avviżi fil-ġurnali? Jaqbel il-Prim Ministru li b'hekk tkun assigurata kull prekawzjoni minn kull periklu li eżerċizzji bħal dawn iġibu magħhom, u dan dejjem fl-interess ta' l-istess residenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kull programm ta' sparar fir-ranges ta' Pembroke jiġi avżat minn qabel fuq il-media kollha. Il-Kunsill Lokali ta' Pembroke wkoll jiġi avżat minn qabel meta l-Forzi Armati jkunu se jagħmlu eżerċizzju militari f'dan il-lokal. Kull meta jsir taħriġ jittellgħu sinjali apposta kif ukoll ikun hemm suldati għassa f'postijiet strateġiċi għal raġunijiet ta' sikurezza. Meta t-taħriġ ikun tat-tip seaward, ikun hemm patrol boats 'l barra mil-kosta sabiex iżommu opri tal-baħar 'l barra mir-range tal-kanuni. Ma naħsibx li hu wkoll meħtieġ li r-residenti kollha jiġu avżati permezz ta' ittra ndividwalment.
Leg 9 PQ #11952 Sitting 207 1999-12-14 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Assistant Head

Question

Jista' l-Prim Ministru jindaga għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament li kien għamel l-eżami għall-Assistant Head taħt l-awspiċi tal-PSC kif mit-tielet parti fl-eżami oriġinali li sar f'Ġunju 1998 (liema eżami ġie annullat) spiċċa fit-78 post meta l-eżami reġa' sar f'Awissu 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #11995 Sitting 207 1999-12-14 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozzi uffiċjali — Multi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-multi għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku minn karozzi uffiċjali tas-segretarjati tal-ministeru jew segretarji parlamentari jħallashomx l-individwu mill-vot tal-ministeru jew segretarju parlamentari jew mid-dipartimenti li jaqgħu taħthom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li mhix il-policy li multi għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku minn karozzi uffiċjali tas-segretarjati jitħallsu mill-vot tal-Ministeru jew mid-dipartimenti li jaqgħu taħtu, pero' kull każ jiġi trattat skond iċ-ċirkustanzi.
Leg 9 PQ #11185 Sitting 205 1999-12-10 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Karozzi mikrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji liema kienu l-karozzi uffiċjali u mikrija mill-ministeru li kienu nvoluti f'kolliżjonijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Jista' l-Ministru jgħid: (a) kemm ġew jiswew l-ispejjeż tal-ħsarat ta' dawn il-kolliżjonijiet? Min kienu l-uffiċjali jew impjegati li fi żmien li saret il-kolliżjoni kienu responsabbli mill-vettura nvoluta? F'kull każ min kien qiegħed isuq il-vettura fil-ħin li saret il-kolliżjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmat li l-ispejjez li ammontaw għal Lm1749.60 għat-tiswija tal-Karrozza GAM824 (b'riżultat ta' inċident li seħħ nhar 24 ta' Mejju 1998) li għaliha kien responsabbli l-Assistant Personali tal-Prim Ministru preċedenti, tħallsu f'Ġunju ta'din sena.
Leg 9 PQ #11118 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maċ-Ċivil mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn u f'kull każ fejn ġew impjegati u x'inhu l-impjieg tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn, ġew impjegati 1436 ħaddiem ġdid maċ-Ċivil. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi fejn ġew impjegati u x'inhu l-impjieg ta' dawn il-ħaddiema.
Leg 9 PQ #11916 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Auberge de Castille

Question

Jista' l-Prim Ministru in vista tad-domanda parlamentari numru 3678 u dik sussegwenti jikkonsidra li partijiet mill-Auberge de Castille jkunu miftuħa għall-pubbliku fl-aħħar ġimgħa tas-sena u fl-ewwel waħda tas-sena li ġejja bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-millenju?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li fil-preżent qed isiru diversi xogħlijiet fil-Berġa ta' Kastilja u għalhekk mhux iż-żmien opportun li tkun miftuħa għall-pubbliku.
Leg 9 PQ #11920 Sitting 203 1999-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali — Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11789, jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji mitluba fl-aħħar paragrafu tal-mistoqsija oriġinali u ċioe' x'impjieg jew pożizzjoni kien jokkupa is-Sur Gerald Borg kandidat u eventwalment kunsillier fil-Kunsill Lokali ta' Ħ'Attard?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li għalkemm fin-nomina tiegħu s-Sur Gerald Borg ma kienx mela l-parti fejn jidher li kellu jindika x'impieg għandu, fuq wara tal-formola hu wera x-xewqa li fuq il-polza tal-vot jitniżżel li hu pensjonant.
Leg 9 PQ #10782 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, peress li l-kap taċ-Ċivil iddikjara li hawn 5,000 ħaddiem żejjed maċ-Ċivil, kemm jammontaw in-numru ta' persuni barranin impjegati maċ-Ċivil? Jista' jgħid: a) ta' liema nazzjonalita' huma? b) X'inhi r-raġuni li ġew impjegati? c) Kemm ilhom impjegati? d) X'karigi jokkupaw? e) X'kundizzjonijiet igawdu? f) X'inhi r-raġuni li dawn l-opportunitajiet tax-xogħol jinsabu okkupati minn barranin u mhux minn ħaddiema barranin? u g) X'salarju għandhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fis-seminar tal-General Workers Union il-kap taċ-Ċivil ma qalx li hemm 5000 nies żejda maċ-Ċivil iżda li l-perception tal-pubbliku kienet hekk. Jien infurmat ukoll li dan ikkonfermatu s-Segretarja tat-Taqsima Servizzi Pubbliċi tal-General Workers Union fl-Oriżżont tal-Ġimgha 22 ta' Ottubru 1999.
Leg 9 PQ #10783 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Sur J.R.Grima

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-pożizzjonijiet tas-Sur J.R. Grima bħalha Chairman tal-MITTS u l-pożizzjoni tiegħu ta' Kap taċ-Ċivil joħolqux konflitt ta' interess peress li ċ-Ċivil huwa l-akbar klijent tal-MITTS?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-pożizzjoni tas-Sur Grima bħala Kap taċ-Ċivil u bħala Chairman tal-MITTS ma toħloq l-ebda konflitt ta' interess. Il-MITTS hija aġenzija kollha kemm hi tal-Gvern li x-xogħol tagħha huwa dwar is-sistemi ta' l-informatika fil-Ministeri u d-Dipartimenti tal-Gvern.
Leg 9 PQ #10784 Sitting 202 1999-12-07 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Impjegat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament x'kariga qed tokkupa fil-MITTS? Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni u x'kriterji ntużaw biex din il-persuna ġiet impjegata mal-MITTS? Jista'jgħid ukoll x'salarju u x'kondizzjonijiet għandha? Jista' jgħid għaliex dan il-post tax-xogħol mhux okkupat minn persuna Maltija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-persuna identifikata li tokkupa l-kariga ta' Manager, Central Services Unit, kienet ġiet impjegata f'Mejju ta' l-1994 minħabba l-esperjenza u l-kwalifiki li għandha. Minbarra r-repatriation expenses u passaġġi bl-ajru għaliha u għall-familja tagħha darba fis-sena, din il-persuna għandha paga ekwivalenti ta' wieħed Malti, pero' tax exempt. Il-persuna msemmija għandha Work Permit li jagħlaq fil-31 ta' Awissu 2000.
Leg 9 PQ #11859 Sitting 200 1999-12-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karozzi tal-Gvern — Petrol/diesel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-regoli dwar għoti ta' petrol jew diesel lill-karozzi tal-gvern? Mil-liema pompi tal-petrol huma obbligati li jingħataw il-fuel il-karozzi tal-gvern inkluż dawk ta' segretarjati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-għoti ta' petrol/diesel lill-karozzi tal-Gvern huwa regolat mill-Estacode u minn ċirkularijiet li joħorġu mill-Ministeru tal-Finanzi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-aħħar Ċirkulari (Nru MFC Circular 5/98) li ħarġet f'dan ir-rigward, kif ukoll estratt relevanti mir-regolamenti ta' l-Estacode. Id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi, inkluż is-segretarjat privat tiegħi, ma għandhomx obbligu li jieħdu l-petrol/diesel minn xi pompa partikolari. Fil-każ tal-Forzi Armati, il-petrol/diesel jinxtara direttament mill-Korporazzjoni Enemalta, ħlief għal unleaded petrol li jingħata mill-pompa tal-Gvern f'Ħal Kirkop. Fir-rigward ta' xiri ta' fuel mill-Ministeri oħra nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #11821 Sitting 199 1999-12-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Vetturi Impressed

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' nies impjegati bħala impressed mal-Gvern? Kemm hemm vetturi li huma kkalkolati bħala impressed? Kemm intuża fuel, petrol u diesel matul dawn l-ewwel 11-il xahar? X'kontrolli hemm biex jiġi żgurat li jintuża biss dak il-fuel li jkun hemm bżonn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Nterpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Politika Soċjali.
Leg 9 PQ #9800 Sitting 198 1999-12-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Is-Sur Richard Cachia Caruana — Ian Farrugia - Proklama

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk peress li mix-xhieda fil-ġuri ta' Ian Farrugia ntqal mis-Sur Nicholas Jensen Testaferrata, l-unika persuna li kient preżenti waqt l-attentat fuq l-assistent personali tiegħu, li l-persuna li wettqet l-attakk fuq l-assistent personali tiegħu ma kienet ħadd ħlief Joseph Fenech, u peress li l-istess Joseph Fenech ingħata proklama mill-Kabinett Nazzjonalista fuq parir tal-Prim Ministru bil-kundizzjoni li jgħid il-verita' u xejn inqas mill-verita', din il-proklama hijiex se titneħħa u jekk mhux se titneħħa x'inhi r-raġuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll jekk it-tneħħija ta' din il-proklama ġietx diskussa fil-Kabinett?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Apparti li, kif messu jaf l-Onorevoli Nterpellant, ma hux minnu li s-Sur Nicholas Jensen Testaferrata kienet l-unika persuna li kienet preżenti waqt l-attentat fuq l-Assistent Personali tiegħi, ma għandi xejn xi nżid ma dak li għidt fit-tweġiba li tajt lill-Onorevoli Kap ta' l-Oppożizzjoni għad-Domanda Parlamentari numru 1. Il-Gvern m'għandu ebda poter li jneħħi proklami; fil-fatt fit-22 xahar ta' Gvern Laburista dil-proklama - li kienet ġiet kontestata mill-MLP fl-Oppożizzjoni - ma tneħħitx. Deċiżjonijiet dwar jekk kundizzjonijiet imposti fi Proklama ġewx osservati jew le, jittieħdu mill-Avukat Ġenerali, u finalment mill-Qorti. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Membru m'għandhux jeħodha li għaliex fit-tweġiba li kont tajt għad-Domanda Parlamentari Numru 9177 jien kont issodisfajt il-kurżita inspjegabbli ta' wieħed mill-kollegi tiegħu dwar min kien preżenti għal laqgħa partikolari tal-Kabinett, allura għandi wkoll nissodisfa l-kurzita, inspjegabbli wkoll, tiegħu dwar x'jiġi jew x'ma jiġix diskuss fil-Kabinett.