Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jkunu lesti l-intervisti u l-ħatriet għall-postijiet ta' assistent diretturi fi ħdan is-servizz pubbliku?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ħatra ta' 121 Assistent Direttur saret b'effett mis-17 ta' Jannar 2000.
Erba' Assistenti Diretturi oħra għandhom jingħataw il-ħatra b'seħħ mill-istess data fil-ġranet li ġejjin.
Il-mili ta' erba' postijiet oħra għadu taħt konsiderazzjoni u disa postijiet mhux ser jimtlew minħabba li ma nstabux kandidati addattati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il talba għandu l-MPO biex ħaddiema fil-general service grades jiġu trasferiti minn dipartiment għall-ieħor? Kemm iddum il-proċedura biex ħaddiem jingħata risposta wara li jagħmel l-imsemmija talba?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Management and Personnel Office għandu 38 talba pendenti biex uffiċjali fil-General Service Grades jiġu trasferiti minn dipartiment għal ieħor.
Kemm idum biex jingħata transfer jiddependi minn diversi fatturi fosthom kemm idum ma jinstab sostitut addattat biex timtela l-vakanza ta' l-uffiċjal li jkun talab it-transfer.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma rriżultawx problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku fid-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Forzi Armati li kienu bil-leave fl-24 u l-25 ta' Diċembru, 1999?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' membri tal-Forzi Armati li kienu bil-leave fl-24 u l-25 ta' Diċembru 1999 hu:
Leave ta' safar: 11
Leave ta' zwieg: 1
Leave ta' maternita': 1
Leave b'permess speċjali: 3 (24 Diċ), 2 (25 Diċ)
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Forzi Armati li kienu bil-leave fl-31 ta' Diċembru, 1999 u l-1 ta' Jannar, 2000?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta'membri tal-Forzi Armati li kienu bil-leave fil-31 ta' Diċembru 1999 u l-1 ta' Jannar 2000 hu:
Leave ta' safar: 11
Leave ta' żwieġ: 2
Leave ta' maternita' 1
Leave b'permess speċjali 4 (31 Diċ), 3 (1 Jan)
Il-Banek Kummerċjali ma fetħux fil-31 ta' Diċembru 1999. Għaldaqstant, il-membri tar-Revenue Security Corps (RSC) li jagħmlu għassa ma dawn il-banek ingħataw ġurnata leave annwali. Fil-fatt, membri ta' l-RSC li jagħmlu xogħol ta' sikurezza mal-Banek għamlu xogħol ta' skorta matul il-weekend ta' l-aħħar tas-sena u fit-3 ta' Jannar 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Forzi Armati li kienu bis-sick leave fl-31 ta' Diċembru, 1999 u l-1 ta' Jannar, 2000?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' membri tal-Forzi Armati li kienu sick leave fil-31 ta' Diċembru 1999 u fl-1 ta' Jannar 2000 hu:
31 ta' Diċembru 1999 :30
1 ta' Jannar 2000 :25
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-membri tal-Forzi Armati li kienu bis-sick leave fl-24 u 25 ta' Diċembru, 1999?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' membri tal-Forzi Armati li kienu sick leave fl-24 u l-25 ta' Diċembru 1999 kien:
24 ta' Diċembru 1999: 21
25 ta' Diċembru 1999: 20
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' vetturi li ġew mogħtija permezz ta' donazzjoni lill-Ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mill-1987 sa l-1996? Jista' jgħid x'tip ta' vetturi u ditta jew marka huma? Minn min ġew mogħtija? F'liema sena ġew mogħtija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bejn l-1987 u l-1996 ingħataw numru ta' vetturi wżati lill-Forzi Armati ta' Malta mill-Missjoni Militari Taljana kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi hemm:
żewġ karozzi impressed mal-Forzi Armati ta' Malta u
tnejn oħra ma l-Uffiċċju Elettorali.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jiġbor l-informazzjoni mingħand il-Ministru tal-Politika Soċjali.
Kummissjoni Elettorali — Elezzjonijiet tal-kunsilli lokali
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 11920, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-formola ta' nomina msemmija fl-istess mistoqsija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-liġi dwar il-Kunsilli Lokali ma tagħtix il-fakulta' li nomina ta' kandidat tkun ippubblikata, iżda skond Regolament 22 (6) tat-Tielet Skeda ta' l-imsemmija liġi kull elettur jista jitlob lill-Kummissjonarji li jara u jeżamina kull formula ta' nomina aċċettata minnhom.
Għalhekk, l-Onorevoli Nterpellant huwa mistieden imur għand il-Kummissjonarju Elettorali Prinċipali sabiex, jekk jixtieq, jeżerċita' dan id-dritt.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inqabdu mpjegati tal-gvern assenti mill-post tax-xogħol mingħajr awtorizzazzjoni matul is-sena 1999 u ma' liema diparitment kienu jaħdmu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 1999 kien hemm 317 impjegati tal-Gvern li ittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom għaliex kienu assenti minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom mingħajr awtoriżżazzjoni.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi f'liema Dipartiment/Ministeru kienu jaħdmu dawn il-ħaddiema.
Jista' l-Prim Minsitru jgħid kemm saru road blocks mill-Armata matul is-sena 1999 u x'kien ir-riżultat tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant hi:
Numru ta' road blocks 680
Numru ta' vetturi mwaqqfa 5731
Numru ta' kontravenzjonijiet 431
Każi relatati ma drogi 54
Oġġetti sensittivi mgħoddija
lill-Pulizija (ez skieken,
snieter, munizzjon, eċċ) 74
Numru ta' nies miżmuma u
mgħoddija lill-Pulizija 104
Il-persuni suspettati kif ukoll l-oġġetti misjuba waqt ir-Road Blocks tal-Forzi Armati dejjem jingħataw f'idejn il-Pulizija għal aktar stħarriġ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu dawk il-persuni li kienu nvoluti fit-Task force taċ-Challenge 2000, iżda li m'humiex impjegati tal-gvern? X'kien l-apparat li nxtara sabiex tmexxiet il-kampanja 2000? Kien inħareġ tender għal dan l-apparat? Kemm sewa dan l-apparat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti fl-okkażjoni tal-Festi tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartment, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'kull okkażjoni min fejn ġie ordnat l-ikel u xorb u jekk f'kull każ intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' l-Prim Ministru jgħid min ġie mistieden għal dawn ir-riċevimenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħala pajjiż ċivili hija użanża li jsiru riċevimenti fl-okkazjoni tal-Milied. Dan il-Gvern ma għandu ebda ħsieb jibdel din l-użanza. Jekk l-Onorevoli Nterpellant jispjega sodisfacentement għaliex qed jitlob l-informazzjoni dettaljata inkun f'pożizzjoni li nordna li tinġabar din l-informazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' l-Prim Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma ngħataw ebda rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-Uffiċċju tiegħi u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Kif ilha l-użanza sitt uffiċjali tal-Missjoni Militari Taljana ngħataw sinjal ta' apprezzament b'nefqa nsinifikanti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ġiet imsejħa l-Armata sabiex tgħin lill-membri tal-pubbliku li jinqabdu f'diffikultajiet kawża ta' l-għargħar tax-xita f'Wied il-Għasel fl-inħawi ta' Burmarrad? Meta kienu dawn l-interventi ta' salvataġġ u kemm minnhom kienu fatali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar ħames snin l-Armata ġiet imsejħa tliet darbiet biex tgħin lill-membri tal-pubbliku li nqabdu f'diffikultajiet fl-inħawi ta' Burmarrad. Dawn l-okkażjonijiet kienu fit-28 ta' Settembru 1995, fl-10 ta' Ottubru 1995 u fl-1 ta' Diċembru 1999. Fl-ebda każ ma jirriżulta li kien hemm xi inċident fatali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament tkeċċa mill-Forzi Armati wara li kien ilu 13-il sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-individwu msemmi mill-Onorevoli Nterpellant tkeċċa mill-Forzi Armati fil-5 ta' Novembru 1999 fl-interess tas-servizz skond ir-Regolament 38(1)(k) tar-Regolamenti (Forza Regulari) (Nomini u Kundizzjonijiet tas-Servizz) tal-1970. Matul is-snin li serva, l-individwu ngħata diversi twissijiet uffiċjali, irrapporta marid għal ħafna drabi, nstab ħati ta' numru kbir ta' akkużi u kien eżentat mit-tabib għal ħafna drabi milli jagħmel ċertu xogħol li normalment hu mistenni minn suldat.
Minkejja t-twissijiet, żamm ta' increments u l-kastigi oħra li ngħata, l-individwu qatt ma wera progress. Partikolarment f'dik li hi mġieba baqa jaqla c-charges minkejja t-twissijiet li rċieva. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda triq oħra ħlief li jitkeċċa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil min intbagħtu dawn il-kartolini?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Sakemm ma ningħatax raġuni l'għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Prim Ministru jagħti tweġiba għal każ li jidher separatament minn din il-mistoqsija?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-każ jikkonċerna l-ħruġ u irtirar ta' l-Airport Pass lill-impjegati li jaħdmu fl-Ajruport. Ir-responsabbilita għal dawn l-Airport Passes hi tal-Kumitat għas-Sikurezza ta' l-Ajruport (Airport Security Committee) li hu ppresedut mill-Ministru ta' l-Intern. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Nterpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru ta' l-Intern.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3756, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar il-wegħda tal-programm elettorali li għaliha għamel riferenza fir-risposta tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma għandi xejn aktar x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 3756 u numru 8656 ta' nhar il-21 ta' Jannar 1999 u t-12 ta' Lulju 1999 rispettivament.