Jista'l-PrimMinistru jgħid kemm hemm fil-preżent każi mill-grad ta' uffiċjal prinċipali 'l fuq fis-servizz ġenerali fejn qegħdin jittieħdu proċeduri legali quddiem xi qorti kriminali f'Malta u Għawdex kontra l-uffiċjali pubbliċi skond kull grad?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi hemm każ wieħed ta' uffiċjal pubbliku fil-gradi tas-Servizz Ġenerali fil-gradi minn Prinċipal 'l fuq, li qegħdin jittieħdu passi kriminali kontriħ fil-Qorti.
Dan l-uffiċjal għandu l-grad ta' Prinċipal.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tad-DOI? Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi kien hemm trasferiment ta' uffiċjal wieħed għad-Direttorat għall-Unjoni Ewropea. Jekk fil-futur qarib ikun hemm bżonn ta' trasferimenti, kull każ jitqies fuq il-mertu tiegħu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk il-persuni li telqu mill-Posta Ltd. fis-snin li għaddew u marru fis-servizz pubbliku u għadhom sal-lum la jieħdu increment u lanqas jistgħu japplikaw għal xi eżami intern? Se jiġu integrati fiċ-ċivil? Se jkollhom ċans javvanzaw fil-karriera tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-ħaddiema li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Nterpellant baqgħu jieħdu l-increments dovuti. L-eleġibilita għal eżamijiet interni hija regolata mill-provvedimenti tal-Ftehim tar-Riklassifikazzjoni relattiv għal fejn ikun hemm il-vakanza.
Dwar partijiet oħra tal-Mistoqsija jien infurmat li diskussjonijiet dwar soluzzjoni aħħarija jkunu jistgħu jsiru meta l-uffiċjali pubbliċi li hemm mal-Maltapost jagħmlu l-għażla tagħhom skond il-ftehim.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal ħatra ta' Public Cleansing Foreman skond Memo 203/99?
Kemm hemm postijiet vakanti li jridu jimtlew?
F'liema stadju wasal il-proċess ta' l-għażla?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proċess ta' l-għażla għal Public Cleansing Foreman għadu għaddej u mhux il-policy li tingħata nformazzjoni f'dan l-istadju.
Wara li l-ġurnalista tal-PBS għamlet mossi oxxeni u diżonesti lill-kollegi tagħha ta' NET News u lit-telespettaturi ta' NET News, jaħseb il-Prim Ministru li d-dipartiment ta' l-informazzjoni għandu jagħmel investigazzjonijiet biex jara jekk hux il-każ li l-press card tagħha tiġi rtirata għal perijodu temporanju jew permanenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li l-PBS qed tieħu l-passi li jidhrilha xierqa.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li qed isiru diskussjonijiet vis-a-vis il-ftehim tas-servizz pubbliku (general service grades) biex ikun hemm kondizzjonijiet aħjar f'dawk li huma promozzjonijiet għall-clerks li huma non servicing officers? F'liema stadju waslu l-imsemmija diskussjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li fil-kuntest ta' l-Ezerċizzju Korrettiv hemm talba biex grupp ta' Clerks li nħatru wara sejħa għall-applikazzjoni fid-9 ta' Ottubru 1992, jiġu kkunsidrati li kienu serving officers fl-1 ta' Jannar 1991 meta f'dik id-data dawn kienu għadhom ma daħlux mal-Gvern. It-taħdidiet dwar l-Ezerċizzju Korrettiv għadhom għaddejjin.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti tad-dixxiplina ġodda li nħarrġu għall-ħaddiema tal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li r-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) tqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta 175 tat-8 ta' Novembru 1999.
Kemm inħatru Assistenti Diretturi fis-servizz ċivili mill-1 ta'Jannar, 2000 sal-lum? F'liema dipartimenti u f'kull każ min huma dawn l-assistenti diretturi? Meta nħatru? Meta ġew ippubblikati r-riżultati ta'l-għażla u fejn ġew ippubblikati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2000 sa llum inħatru 126 Assistent Direttur. Id-dettalji dwar min huma u fejn inħatru dawn l-Assistenti Diretturi jidhru fl-iskeda li poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra b'risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13397.
Dawn l-Assistenti Diretturi kollha nħatru b'seħħ mis-17 ta'Jannar 2000.
Ir-riżultati ta'l-għażla ġew approvati mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fit-13 ta' Jannar 2000 u fl-istess data saret ir-rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru biex jinħatru l-Assistenti Diretturi. Kif isir is-soltu fil-każ ta' gradi f'dan il-livell, l-Uffiċċju tal-Kummissjoni bagħat lil kull applikant, bil-posta, ir-riżultati li jikkonċernawh.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta għandu ħsieb l-gvern jingaġġa rekluti ġodda fil-Forzi Armati ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li erbgħa u tmenin rekluti ġodda kienu ngaġġati fil-Forzi Armati nhar it-Tlieta, 1 ta' Frar 2000 u li kandidat li kellu nċident għad irid isirlu eżami mediku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il training course ġie mniedi mill-iStaff Development Organisation għall-ħaddiema fis-settur pubbliku fl-1999?
F'liema suġġett kienu l-korsijiet organizzati? Kemm ipparteċipaw fihom impjegati u f'liema gradi kienu?
Min ħa t-tender tal-korsijiet u għal-liema prezz ġew allokati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi matul l-1999 l-Staff Development Organisation nehdiet 368 kors jew programm li fihom ħadu sehem 4,856 uffiċjal.
Il-firxa ta' gradi li pparteċipaw f'dawn il-korsijiet u programmi tkopri minn Kapijiet ta' Dipartiment sa gradi ndustrijali.
L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Nterpellant tinsab fuq żewġ tabelli li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jsiru l-interviews għall-ingaġġ ta' skrivani mal-gvern li għalihom diġa' kienet saret sejħa għal applikazzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-interviews għall-ingaġġ ta' skrivani mal-Gvern ser jibdew fl-14 ta' Frar 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema taċ-Ċivil? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li transfers fis-Servizz Pubbliku approvati mill-Management and Personnel Office bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 u li jikkonċernaw ċaqliq ta' nies minn Ministeru għall-ieħor jammontaw għal 138.
Ir-raġunijiet għal dawn it-transfers kienu kif ġej:
59 fuq talba ta' l-impjegati stess
67 minħabba esiġenzi tas-Servizz
12 biex l-impjegati jaħdmu fis-Segretarjati Privati ta' Ministri jew Segretarji Parlamentari
Ma ngħata ebda transfer minn dipartiment għall-ieħor fil-Ministeru tiegħi tul l-istess perjodu.
Tagħrif dwar transfers li ngħataw minn dipartiment għal ieħor f'Ministeri oħra bl-approvazzjoni tas-Segretarji Permanenti rispettivi għandu jingħata mill-Ministri kkonċernati b'risposta għal mistoqsijiet simili li saru lilhom.
It-trasferimenti ta' ħaddiema fis-Servizz Pubbliku huwa proċess kontinwu u dan kemm għall-ġid tas-Servizz kif ukoll tal-ħaddiema nfushom.
Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni quddiem il-PSC matul is-sena 1999? Minn liema dipartimenti tal-gvern kienu u għalxiex kienu akkużati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul l-1999 il-każi ta' dixxiplina quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien ta' 169. Dawn huma maqsuma f'dawn it-tlett kategoriji:
(a) kazijiet kriminali fil-Qorti li fihom ikunu nvoluti uffiċjali pubbliċi
76
kazijiet dwar reati serji ta' dixxiplina li jiġu nvestigati mill-Bord tad-
Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku 66
każijiet ta' tkeċċija mis-Servizz Pubbliku minħabba assentejiżmu minn
fuq il-post tax-xogħol 27
Total 169
It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Nterpellant dwar f'liema Dipartimenti kienu dawn l-uffiċjali pubbliċi u fuq x'hiex kienu akkużati huwa kif jidher fit-tabelli (a), (b) u (c) li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13008 imwieġba fi Seduta Nru. 225 fl-24/01/2000 billi fit-tweġiba intqal li: "Il-fatt li l-politiċi ma jistgħux jagħmluha ta' referees tidher li hija politika tal-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office ..." - (f'dan il-każ skond il-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 7 ta' Jannar, 2000 f'paġna 74, fejn intqal li: "Politikanti ... ma jistgħux jagħmluha bħala referees" għal postijiet ta' care workers fid-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani), jaħseb il-Prim Ministru li l-fatt innifsu li l-politiċi, inkluż membri parlamentari, ma jistgħux jagħmlulha ta' referees, timplika nuqqas ta' fiduċja fil-klassi politika Maltija u/jew li m'humiex responsabbli biżżejjed biex jagħmluha ta' referees, meta l-istess membri parlamentari jistgħu jagħmluha ta' referees f'diversi applikazzjonijiet oħra ta' xogħol u jistgħu jiffirmaw ukoll ritratti ta' applikanti biex jikkonfermaw li dak ikun ritratt awtentiku tal-persuna konċernata?
Ladarba l-membri parlamentari jistgħu jiffirmaw applikazzjonijiet uffiċjali bħal dawk tal-passaport, għaliex f'dan il-każ inħasset il-ħtieġa li fil-Gazzetta uffiċjali tal-Gvern jingħad li l-politikanti ma jistgħux jagħmlu ta' referees?
Il-Prim Ministru jaħseb li l-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office għandhom juru aktar rispett lejn ir-rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi u billi klawsoli bħal dawn jiġu evitati fil-futur?
Possibbli li l-PSC u l-MPO jinnotaw ukoll dak li ntqal ukoll fil-mistoqsija parlamentari numru 13008 li l-kelma adatta hi: "Politiċi" u mhux "Politikanti"?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li risposta tingħata wara konsultazzjonijiet li qed isiru bejn l-Management and Personnel Office u l-Public Service Commission.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12845, jista' l-Prim MInistru jgħid min huma l-persuni u f'liema dipartimenti nħatru l-assistenti diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi dettalji tal-126 ħatra ta' Assistenti Diretturi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan ix-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tiegħi kellu kuntratt mal-MITTS biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K. Matul l-1998 u l-1999 intefqu Lm158,412 fuq dan il-kuntratt.
Id-Dipartiment ta' l-Informazzjoni kellu jagħmel xi upgrades ta' Hardware li swew Lm1245. Ix-xogħol ta' dawn l-upgrades ġie assenjat lid-ditta
Compuline Ent Ltd li magħha d-DOI għandu Maintenance Agreement.
L-Uffiċċju Elettorali nefaq Lm14,000 biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K. Ġiet inkarigata l-kumpanija Megabyte Ltd biex tagħmel dan ix-xogħol peress illi s-sistema tal-komputer hija ddisinjata, żviluppata u mantenuta mill-imsemmija kumpanija.
F'dawn l-aħħar tlett snin il-MITTS nefqet Lm140,000 biex tagħmel is-sistemi u apparat elettroniku ieħor tagħha Y2K compliant. Dan l-ammont jinkludi wkoll ir-riċerka li għamlet fuq Y2K speċjalment fl-ewwel sena ta' dan il-proġett. Il-MITTS użat l-impjegati tagħha biex għamlet dan ix-xogħol. Fejn kien meħtieġ ikkuntatjat is-suppliers ta' l-apparat biex jagħmlu huma x-xogħol meħtieġ.
Ġaladarba l-membri tar-Revenue Security Corp kull ma jmur qiegħda tonqos l-attivita' operattiva tagħhom, jista' l-Prim Ministru jinfurmana x'inhuma d-doveri futuri tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li ma kien hemm ebda tibdil fl-attivita' operattiva tal-membri tar-Revenue Security Corps (RSC). Ma hemmx ħsieb li d-doveri ta' l-RSC jinbidlu fil-futur, għalkemm dejjem jibqa lok ta' tibdil skond il-ħtieġa tas-Servizz minn żmien għal żmien.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 12094, jista' l-Prim Ministru jgħid il-21 hospital auxiliary li ma jaħdmux la fid-dekasteru tal-ministeru tas-saħħa u lanqas fid-dekasteru tal-ministeru għall-politika soċjali, liema xogħol qed jagħmlu f'kull każ u f'liema dipartiment qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-wieħed u għoxrin Hospital Auxiliary li ma jaħdmux la fid-dikasteru tal-Ministeru tas-Saħħa u lanqas f'dak tal-Politika Soċjali qegħdin fil-Ministeri/Dipartimenti li jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat ukoll li l-Hospital Auxiliary li taħdem fl-Uffiċċju tal-President qed tagħmel xogħol ta' Cleaner filwaqt li dak li jaħdem fl-Uffiċċju tal-Kabinett qed jagħmel xogħol ta' Driver.
Rigward liema xogħol qed jagħmlu d-dsatax-il Hospital Auxiliary l-oħrajn, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji — Rakkmandazzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġietx esegwita r-rakkmandazzjoni mill-uffiċċju tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji dwar ilment minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li tmien rikorrenti, fosthom il-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant, ilmentaw mal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji li ma ngħatawx promozzjoni minn Bumbardier għal Surgent fl-Airport Company.
Il-Kummissjoni qalet li l-ilment jidher ġustifikat biss in kwantu li ma rriżultax li l-eżerċizzju in eżami kien sar bl-istess mod rigoruż u dettaljat kif kien sar fil-promozzjonijiet l-oħra fl-Armata.
Il-Kummissjoni rrakkomandat li għandu jsir eżerċizzju mill-ġdid ta' promozzjoni biex, fost l-oħrajn, jiġi stabbilit min kienu l-aktar żewġ Bumbardiera eliġibbli biex jimlew iż-żewġ ħatriet ta' Surgent.
Din ir-rakkomandazzjoni ġiet implimentata u tnejn mir-rikorrenti ħadu l-promozzjoni għal Surgent. Il-persuna ndikata mill-Onorevoli Membru mhux wieħed minnhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex membri fl-Armata li jispiċċaw mis-servizz wara 25 sena, qabel jagħlqu l-eta' ta' 61 sena, il-pensjoni tibqa' dejjem l-istess, jiġifieri mingħajr ebda żieda?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dan il-Gvern, fl-1990, kien daħħal id-dritt għal pensjoni sħiħa ta' żewġ terzi wara ħamsa w għoxrin sena servizz għall-membri ta' l-Armata taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet. Skond is-disposizzjonijiet applikabbli ta' din il-Liġi il-pensjoni ma tiżdiedx.