Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14010 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-ammont ta' eżerċizzji fiżiċi li qiegħed jingħata lill-membri tal-Forzi Armati ġewwa Għawdiex huwiex iktar minn dak li qiegħed jingħata lill-membri sħabhom ġewwa Malta? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għaliex qiegħed isir hekk? Membri b'etajiet differenti huma jingħataw l-istess eżerċizzju, u jekk dan hux adattat għal etajiet varji tagħhom? Għalkemm kulħadd jaqbel li l-armata għandha jkollha membri f'kondizzjoni fiżika tajba biex jaqdu dmirijiethom aħjar, il-Prim Ministru hu konxju li programm li ma jkunx adattat għal individwu jista' jkun ta' detriment għas-saħħa ta' l-istess membri? Dan it-taħriġ qed jingħata b'doża qawwija li tħalli effetti negativi fuq il-membri?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li t-taħriġ fiżiku li qiegħed jingħata lis-suldati stazzjonati f'Għawdex mhux differenti minn dak li qiegħed jingħata f'Malta. Is-suldati kollha taħt il-55 sena jsirilhom dak li jissejjaħ Army Physical Fitness Test (APFT) darbtejn fis-sena. Peress li t-test li jmiss għandu jsir f'April, bħalissa qiegħed jingħata taħriġ preparatorju biex igħin lis-suldati jħejju ruħhom aħjar għat-test. Il-livelli li jridu jintlaħqu fl-APFT ivarjaw skond l-eta'u s-sess. Minn stħarriġ li sar jirriżulta li dan it-taħriġ hu skond il-prattika militari.
Leg 9 PQ #14040 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Eżami ta' l-executive officers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se joħroġ eżami intern minn clerks għal executive officers fis-Servizz Pubbliku anke fid-dawl fit-talbiet kontinwi mingħand union ewlenija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-Ftehim tar-Riklassifikazzjoni tal-General Service Grades ma jipprovdix għal eżamijiet interni. Dawk l-eżamijiet kienu ġew aboliti permezz tal-Ftehim tal-1993. Naturalment l-eżami minn barra għal Executive Officers jista'jsir u għalih ikunu eliġibbli wkoll Clerks li jkollhom tlett snin servizz fil-grad. Bħalissa hemm 537 Executive Officer fil-post. Ma dawn, din is-sena, sejrin jiżdiedu 322 li sejrin jilħqu Executive Officers mill-grad ta' Clerk fuq il-bażi li għandhom 8 snin servizz, skond kif jipprovdi l-Ftehim. Matul is-sena 2000 l-ebda Executive Officer mhu ser jilħaq Assistant Principal fuq bażi ta' servizz u allura l-grad ta' Executive Officer sejjer jibqa' b' il fuq minn 850 ufficjal. Għaldaqstant mhijiex l-intenzjoni li jsir eżami għal Executive Officers.
Leg 9 PQ #13911 Sitting 242 2000-02-15 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Rekluti ġodda

Question

Jista' Prim Ministru jgħid minn liema lokalitajiet (bliet jew irħula) huma r-rekluti ġodda fil-Forzi Armati ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #12500 Sitting 241 2000-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

DOI — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-DOI mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Matul il-perjodu msemmi, id-Dipartiment kellu żieda ta' impjegat wieħed mill-Maltapost plc wara li l-istess persuna xtaqet li tirritorna fis-Servizz Pubbliku skond ftehim applikabbli għall-istess ħaddiema.
Leg 9 PQ #13862 Sitting 241 2000-02-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Revenue Security Corp

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 13559 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u li ġiet riferuta lilek u cioe': jista' jgħid x'inhuma l-pjanijiet għar-Revenue Security Corps? X'se jsir mill-wegħda li ngħataw qabel l-elezzjoni ġenerali lill-membri ta' l-RSC li jissaħħaħ l-istess RSC?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-membri ta' l-RSC għadhom qegħdin jaqdu d-dmirijiet li huma ilhom jaqdu għal dawn l-aħħar snin. Ma jidhirx li hemm xi ħtieġa mmedjata għal revizjoni tar-rwoli tal-Korp.
Leg 9 PQ #13677 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarju Permamenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li fis-sena 1992 int kont ġejt irrapportat mill-ġurnal tal-partit tiegħek stess li fil-kapaċita' tiegħek ta' Prim Ministru għedt li min jinħatar segretarju permanenti għandu jgawdi l-fiduċja sħiħa tal-ministri li jkun irid jaħdem magħhom? Għadek taħsibha l-istess?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Naħseb li kulħadd jaqbel li Ministru jrid ikollu fiduċja sħiħa fil-kapaċita' ta' l-individwu li jservi fil-Ministeru tiegħu bħala Segretarju Permanenti b'performance agreement għal perijodu ta' tliet snin. Madankollu, dan bl-ebda mod ma jfisser li Segretarju Permanenti għandu joffri r-riżenja tiegħu meta jkun hemm bidla fl-Amministrazzjoni jew ta' Ministru.
Leg 9 PQ #13678 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Air strip

Question

Fid-dawl tal-oġġezzjonijiet ta' diversi gruppi ambjentali beħsiebek tibqa' tinsisti fuq il-proposta li jkun hemm air strip f'Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-materja ta' airstrip f'Għawdex tqajjmet f'Seminar li sar f'Għawdex reċentament meta l-Kap ta' l-Oppożizzjoni u jien ntlabna nesprimu l-fehmiet tagħna dwarha. Filwaqt li l-Kap ta' l-Oppożizzjoni esprima ruħu definitivament kontra l-bini ta' aistrip għal raġunijiet li huwa sejħilhom ekologiċi, jien esprimejt ruħi li l-materja hija importanti għall-iżvilupp ta' Għawdex u teħtieġ konsiderazzjoni minn kull aspett, mhux lanqas dak ambjentali. Dwar raġunijiet ta' żvilupp ekonomiku jien esprimejt ruħi fis-sens li jidher li mezz ta' komunikazzjoni bejn iż-żewġ gzejjer bl-ajru, huwa essenzjali. Fl-istess waqt huwa magħruf li s-servizz attwali bil-helicopter la tista tistrieħ fuqu u lanqas ma huwa finanzjarjament vijabbli. Għidt ukoll li l-Air Malta ma tistax tibqa tissussidja dan is-servizz għal dejjem. Il-Gvernijiet kellhom parir li s-servizz b'fixed wing aircraft huwa ħafna aktar finanzjarjament vijabbli. F'dawn iċ-ċirkostanzi jiena stedint l-udjenza u l-pubbliku in ġenerali li jkompli jiddiskuti fl-interess nazzjonali x'inhu l-aħjar li jsir. Għidt ukoll li l-Gvern ma ħax deċiżjoni li terġa ssir t-talba għal bini ta' l-airstrip.
Leg 9 PQ #13703 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min mill-uffiċjali għolja tas-servizz pubbliku li jaqgħu taħtu (mil-livell ta' direttur sa dak ta' segretarji permanenti) għandu xi xogħol/ħatra li qed jitħallas għalih/a? Fiex jikkonsisti dan ix-xogħol, din il-ħatra? F'kull każ x'inhu l-ħlas?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #13707 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni ttieħdet mill-Public Service Commission f'każi ta' dixxiplina kontra ħaddiema taċ-Ċivil? Jista' jikkjarifika t-tip ta' deċiżjonijiet li ttieħdu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fil-mistoqsija tiegħu, l-Onorevoli Nterpellant ma ndikax għal liema perjodu ta' żmien jixtieq ikun jaf kemm saru rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar każijiet ta' dixxiplina. Għaldaqstant, l-informazzjoni li se nagħti hija dwar kemm saru rakkomandazzjonijiet matul l-1999. Jekk l-Onorevoli Nterpellant jixtieq ikollu nformazzjoni dwar xi perjodu ieħor ta' żmien, nistiednu jagħmel mistoqsija parlamentari oħra. Ninsab infurmat illi matul l-1999, in-numru ta' rakkomandazzjonijiet dwar każijiet ta' dixxiplina li għamlet il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku huwa ta' 100. Dawn huma maqsuma f'dawn it-tlett kategoriji: a) rakkomandazzjonijiet dwar każijiet kriminali fil-Qorti li fihom ikunu nvoluti uffiċjali pubbliċi 44 b) rakkomandazzjoniet dwar każijiet ta' reati serji ta' dixxiplina li ġew investigati mill-Bord tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku 50 c) rakkomandazzjonijiet dwar każijiet ta' tkeċċija mis-Servizz Pubbliku minħabba assentejiżmu minn fuq il-post tax-xogħol 6 Total 100 It-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Nterpellant dwar x'kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet huwa kif jidher fit-tabelli (a), (b) u (c) li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13711 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti li għamlu l-interviews għal vakanzi li kien hemm għal clerks mal-gvern dan l-aħħar? Kemm minnhom se jingħataw impjieg?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-ewwel ħamsin kandidat skond l-order of merit kif ippubblikat mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ġew imsejħa għall-interview. Kif imħabbar fis-sejħa għall-applikazzjonijiet li ħarġet fis-27 ta' Lulju 1999 fil-Gazzetta tal-Gvern ser jimtlew 50 post.
Leg 9 PQ #13800 Sitting 240 2000-02-14 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Management Efficiency Unit — Associate Consultant

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu s-salary scale għal associate consultant li qed tirreklama li trid timpjega bħalissa l-Management Efficiency Unit?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-każ tal-pożizzjoni ta' Associate Consultant mal-Management Efficiency Unit m'hemmx salary scale iżda band ta' salarji. Skond il-kompetenza u l-esperjenza tal-persuna magħżula jkun miftiehem salarju fl-aħħar stadju tan-negozjati tal-kuntratt.
Leg 9 PQ #12487 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Trasferimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000 lill-ħaddiema tal-Forzi Armati ta' Malta? Jista' l-Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-postings fil-Forzi Armati jsiru skond il-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari. Ninsab infurmat li fil-perjodu bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 kien hemm 9 postings bejn Reġiment u ieħor u 20 postings bejn Kumpaniji fl-istess Reġiment. Kien hemm ukoll trasferiment ta' żewġ ħaddiema pajżana, wieħed mill-Forzi Armati għal ma Dipartiment tal-Gvern u l-ieħor minn Dipartiment tal-Gvern għal mal-Forzi Armati. Peress li l-Forzi Armati jiffurmaw Korp Dixxiplinarju, mhux ikkunsidrat prinċipju korrett li jingħataw raġunijiet għaliex iseħħ kull posting individwali. Lanqas ma wieħed għandu jistenna li jorbot lill-Forzi Armati dwar postings li jingħataw fil-futur. Ċertament li dawn isiru dejjem skond il-kundizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq u skond l-esigenzi tas-Servizz. Tajjeb li wieħed jiftakar ukoll li l-membri regulari kollha tal-Forzi Armati ingaġġaw volontarjament fis-servizz u r-Regolamenti dwar postings dejjem jiġu mgħarrfa lilhom minn qabel.
Leg 9 PQ #12891 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Searches fuq il-baħar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru searches mill-AFM fuq il-baħar u permezz tal-ajru matul is-sena 1999? Kemm minn dawn irriżultaw fil-pożittiv u kemm ġew salvati persuni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Forzi Armati ta' Malta wettqu total ta' 188 tfittxija fuq il-baħar li minnhom 80 saru mill-ajru u 108 mill-baħar. B'kollox ġew assistiti mitejn u żewġ (202) persuni li minnhom ħamsa (5) kienu f'periklu serju.
Leg 9 PQ #12892 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Bomb searches

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb searches matul is-sena 1999? Kemm minn dawn kienu bomb hoaxes?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul l-1999, is-Sezzjoni tal-Bombi tal-Forzi Armati wettqet 95 tfittxija għhal-bombi u nvestigat 14-il suspett ta' Improvised Explosive Devices. Fil-każi kollha r-riżultat kien negattiv.
Leg 9 PQ #12893 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Bombi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew difused u/jew meqruda bombi u/jew ordinanza oħra tal-gwerra matul is-sena li għaddiet? X'tip ta' ordinanza kienet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru u t-tip ta' bombi u/jew ordinanza oħra li ġew defused u/jew meqruda mis-Sezzjoni tal-Bombi tal-Forzi Armati matul l-1999 hu: German 500kg WWII Bomb 1 German 250kg WWII Bombs 2 British WWII Projectile Airburst Fuse 1 British WWII Non-contact Mine 1 British 15 lb WWII Aerial Bomb 1 German SD 50kg WWII Bomb 1 British WWII Anti-Sub Mine 1 British Hand Grenades 3 British 20mm Rounds 31 British 40mm Cartridges 2
Leg 9 PQ #13170 Sitting 239 2000-02-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Ħaddiema li spiċċaw

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-uffiċċju tal-Prim Ministru matul l-1998 u l-1999? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema li matul l-1999 ġew trasferiti għal dipartimenti ta' ministeri oħra u xi grad kellhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema Maltin u Għawdxin li spiċċaw jaħdmu minn mad-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru matul l-1998 u l-1999 huwa 111 u 62 rispettivament. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi t-trasferimenti li saru fl-1999 bejn il-Ministeri kollha.
Leg 9 PQ #12887 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Każi ta' sajd illegali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew irraportati każi ta' sajd illegali lill-AFM matul is-sena 1999? Kemm inqabdu sajjieda barranin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul l-1999, il-Forzi Armati waslulhom żewġ rapporti ta' sajd illegali. It-tnejn ġew investigati. Fl-ewwel każ inġabar tul ta' xibka tal-parit 'il barra minn San Giljan. Is-sid tax-xibka baqa mhux magħruf. It-tieni każ kien jikkonċerna skuna tas-sajd Taljana li nstabet minn helicopter tal-FAM, tkarkar madwar 20 mil 'il barra (jiġifieri fl-ibħra tas-sajd Maltin) li iżda laħqet ħarbet qabel ma setgħu jintervjenu patrol boats tal-FAM. Sar rapport lill-Awtoritajiet Taljani dwar dan l-inċident. Barra minn hekk il-FAM interċettaw tlett skejjen tas-sajd Maltin li kienu qegħdin ikarkru 'l ġewwa minn tliet mili mill-kosta. B'kollox 10 persuni u qabdiet ta' hut ngħataw f'idejn il-Pulizija għal iktar investigazzjonijiet. Ma nqabdu l-ebda sajjieda barranin.
Leg 9 PQ #13469 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Staff list

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se tiġi ppubblikata edizzjoni riveduta ta' l-istaff list ta' l-impjegati tal-Gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li wara l-bidliet li saru dan l-aħħar mal-ħatra ta' l-Assistenti Diretturi, dalwaqt jinbeda l-proċess sabiex tiġi ppublikata Staff List ġdida għal nofs din is-sena.
Leg 9 PQ #13470 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Permanenti — Bonus

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid x'perċentwali ta'bonus ħadu s-segretarji permanenti skond l-aħħar awards li saru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-aħħar awards li saru kienu ta' l-1998. Għaldaqstant nirreferi l-Onorevoli Nterpellant għar-risposta li kont tajt bi tweġiba għal mistoqsija Numru 8834.
Leg 9 PQ #13471 Sitting 238 2000-02-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diretturi — award

Question

B'riferenza għat-tagħrif mogħti fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 5503,jista'l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi li ma qablux ma'l-award mogħti lilhom oriġinarjament? Kemm kien hemm li appellaw u kemm-il każ kien hemm fejn l-award oriġinali nbidel fl-appell?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 8843.